Il-Qaddejja t’Alla—Poplu Organizzat u Hieni
“Hieni huwa l-poplu li Alla tiegħu hu Jehovah!”—SALM 144:15.
1, 2. (a) Jehovah għala għandu d-dritt li jistabbilixxi livelli għall-qaddejja tiegħu? (b) Liema huma tnejn mill-karatteristiċi taʼ Jehovah li aħna għandna b’mod speċjali nkunu rridu nimitaw?
JEHOVAH hu s-Sovran Universali, dak Alla li jistaʼ kollox, il-Ħallieq. (Ġenesi 1:1; Salm 100:3) Bħala tali, hu bi dritt jistabbilixxi l-livelli taʼ mġiba għall-qaddejja tiegħu, billi jaf x’inhuwa l-aħjar għalihom. (Salm 143:8) U hu l-Eżemplar Ewlieni tagħhom li l-kwalitajiet tiegħu huma jeħtieġu li jimitaw. “Siru imitaturi t’Alla, bħala tfal maħbubin,” kiteb wieħed appostlu.—Efesin 5:1.
2 Karatteristika t’Alla li neħtieġu nimitaw għandha x’taqsam maʼ organizzazzjoni. Hu ‘mhux Alla tad-diżordni.’ (1 Korintin 14:33) Meta nosservaw bir-reqqa dak li Alla ħalaq, niġu mġegħlin li nikkonkludu li hu l-iktar Persunaġġ organizzat fl-univers. Madankollu, karatteristika oħra t’Alla li hu jrid lill-qaddejja tiegħu li jimitaw hija l-hena tiegħu, għax hu “dak Alla hieni.” (1 Timotew 1:11) B’hekk, l-abbiltà organizzazzjonali tiegħu hija bbilanċjata bl-hena. Waħda m’hijiex magħmula suprema għall-ħsara taʼ l-oħra.
3. Is-smewwiet kollhom kwiekeb kif juru l-abbiltà t’Alla li jorganizza?
3 Dak kollu li Jehovah għamel, mill-akbar sa l-iċken, jagħti evidenza li hu Alla taʼ organizzazzjoni. Ikkunsidra, per eżempju, l-univers viżibbli. Fih eluf taʼ biljuni taʼ kwiekeb. Imma dawn m’humiex imxerrdin ’l hawn u ’l hinn bl-addoċċ. L-astrofiżiku George Greenstein josserva li hemm “mudell fl-organizzazzjoni tal-kwiekeb.” Huma organizzati fi gruppi msejħin galassi, li wħud minnhom fihom mijiet taʼ biljuni taʼ kwiekeb. U huwa kkalkolat li hemm biljuni taʼ galassi! Il-galassi wkoll huma organizzati, għadd minnhom (minn ftit għal ħafna eluf) huma ggruppjati flimkien f’għanqud taʼ galassi. U għenieqed taʼ galassi huma maħsubin li huma organizzati f’saħansitra gruppi akbar imsejħin superclusters.—Salm 19:1; Isaija 40:25, 26.
4, 5. Agħti eżempji taʼ organizzazzjoni fost affarijiet ħajjin fuq l-art.
4 L-organizzazzjoni superba tal-ħolqien t’Alla tidher kullimkien, mhux biss fis-smewwiet viżibbli imma wkoll fuq l-art, bil-mirjadi taʼ affarijiet ħajjin li fiha. Rigward dan kollu, Paul Davies, professur tal-fiżika, kiteb li osservaturi jibqgħu “mgħaġġbin” bil-“maestà u organizzazzjoni komplessa tad-dinja fiżika.”—Salm 104:24.
5 Ikkunsidra xi ftit eżempji taʼ l-“organizzazzjoni komplessa” li tinsab f’affarijiet ħajjin. In-newrokirurgu Joseph Evans qal dwar il-moħħ uman u s-sinsla tad-dahar: “Ir-realtà taʼ ordni kbira hi kważi straordinarja.” Dwar iċ-ċellola mikroskopika ħajja, il-bakterjoloġista H. J. Shaughnessy stqarr: “Il-komplessità u l-ordni sabiħa tad-dinja mikrobijoloġika tant hija mibnija b’mod taʼ l-għaġeb li tidher li hija parti minn sistema mwaqqfa b’mod divin.” U l-bijoloġist molekulari Michael Denton qal dwar il-kodiċi ġenetiku (DNA) ġewwa ċellola: “Tant huwa effiċjenti li l-informazzjoni kollha . . . neċessarja biex tispeċifika d-disinn taʼ l-ispeċi kollha taʼ l-organiżmi li qatt eżistew fuq il-pjaneta . . . tistaʼ tinżamm f’kuċċarina u xorta jibqaʼ l-wisaʼ għall-informazzjoni kollha f’kull ktieb li qatt inkiteb.”—Ara Salm 139:16.
6, 7. Liema organizzazzjoni hija murija fost ħlejjaq spirti, u huma kif jesprimu apprezzament lejn il-Ħallieq tagħhom?
6 Jehovah mhux biss jorganizza l-ħolqien materjali tiegħu imma jorganizza wkoll il-ħolqien spirti tiegħu fis-sema. Danjel 7:10 jinformana li anġli sa’ l-għadd taʼ ‘għaxart elef għal għaxart elef baqgħu weqfin eżatt quddiem Jehovah.’ Mitt miljun ħlejjaq spirti setgħanin f’attendenza, kull wieħed assenjat għax-xogħol xieraq tiegħu! Jisboq l-immaġinazzjoni li taħseb dwar il-kapaċità li tirrikjedi biex torganizza għadd enormi bħal dak. B’mod xieraq, il-Bibbja tistqarr: “Bierku lil Jehovah, O intom l-anġli tiegħu, setgħanin fil-qawwa, li qegħdin twettqu l-kelma tiegħu, billi tagħtu widen lil leħen il-kelma tiegħu. Bierku lil Jehovah, intom l-armati [anġeliċi] kollha tiegħu, intom il-ministri tiegħu, li qegħdin tagħmlu r-rieda tiegħu.”—Salm 103:20, 21; Rivelazzjoni 5:11.
7 Kemm huma organizzati u effiċjenti b’mod manjifiku x-xogħlijiet tal-Ħallieq! M’huwiex sorprendenti li ħlejjaq spirti setgħanin fil-qasam tas-sema jiddikjaraw b’mod li jnebbaħ biżaʼ u b’sottomissjoni: “Int jistħoqqlok, Jehovah, saħansitra Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għaliex int ħlaqt l-affarijiet kollha, u minħabba fir-rieda tiegħek eżistew u kienu maħluqin.”—Rivelazzjoni 4:11.
8. Liema eżempji juru li Jehovah jorganizza lill-qaddejja tiegħu fuq l-art?
8 Jehovah jorganizza wkoll lill-qaddejja tiegħu fuq l-art. Meta ġab id-Dilluvju taʼ żmien Noè fl-2370 Q.E.K., Noè u sebgħa oħrajn salvaw mill-Għarqa bħala organizzazzjoni taʼ familja. Fl-Eżodu taʼ l-1513 Q.E.K., Jehovah ħareġ għadd taʼ miljuni mill-poplu tiegħu ’l barra mill-jasar Eġizzjan u tahom kodiċi ddettaljat taʼ liġijiet biex jorganizzaw l-affarijiet taʼ kuljum u l-qima tagħhom. U iktar tard, fl-Art Imwiegħda, għaxriet taʼ eluf minnhom kienu organizzati għal servizz speċjali fit-tempju. (1 Kronaki 23:4, 5) Fl-ewwel seklu, kongregazzjonijiet Kristjani kienu organizzati taħt direzzjoni divina: “Hu ta xi wħud bħala appostli, xi wħud bħala profeti, xi wħud bħala evanġelizzaturi, xi wħud bħala ragħajja u għalliema, bil-ħsieb li l-qaddisin jiġu aġġustati mill-ġdid, għal xogħol ministerjali.”—Efesin 4:11, 12.
Qaddejja Taż-Żmien Modern Ukoll Organizzati
9, 10. Jehovah kif organizza lin-nies tiegħu fi żmienna?
9 B’mod simili, Jehovah organizza lill-qaddejja tiegħu taż-żmien modern biex ikunu jistgħu b’mod effettiv jagħmlu x-xogħol tiegħu għal żmienna—jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu qabel itemm lil din is-sistema taʼ affarijiet preżenti u taʼ mingħajr Alla. (Mattew 24:14) Ikkunsidra x’inhuwa involut f’dan ix-xogħol globali u kemm hija importanti organizzazzjoni tajba. Miljuni taʼ rġiel, nisa, u tfal qegħdin jiġu mħarrġin biex jgħallmu veritajiet tal-Bibbja lil oħrajn. Biex jgħinu f’dan it-taħriġ, kwantitajiet kbar taʼ Bibbji u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja jiġu stampati. Iva, kull ħarġa taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa issa għandha stampar taʼ iktar minn 16-il miljun f’118-il lingwa, u l-Awake! madwar 13-il miljun fi 73 lingwa. Kważi l-ħarġiet kollha huma stampati b’mod simultanju biex prattikament il-qaddejja kollha taʼ Jehovah jieħdu l-istess informazzjoni fl-istess ħin.
10 Jerġaʼ, iktar minn 73,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha huma organizzati biex jiltaqgħu regolarment għal struzzjoni Biblika. (Ebrej 10:24, 25) Hemm ukoll eluf taʼ laqgħat akbar—circuit assemblies u konvenzjonijiet distrettwali—kull sena. Hemm il-bini ġdid jew imtejjeb fuq skala globali taʼ Swali tas-Saltna, Swali taʼ l-Assembleat, djar Betel, u faċilitajiet għall-istampar taʼ letteratura Biblika. Hemm skejjel għat-taħriġ avanzat taʼ għalliema tal-Bibbja, bħalma huma l-Watchtower Bible School of Gilead għall-missjunarji u l-Pioneer Service School, ikkonduċuti f’artijiet madwar il-globu.
11. Liema benefiċċju futur se jiġi milli nitgħallmu organizzazzjoni tajba issa?
11 Jehovah kemm organizza lill-poplu tiegħu fuq l-art b’mod tajjeb biex ‘iwettqu l-ministeru tagħhom bis-sħiħ,’ mgħejjunin mill-anġli li jimministraw tiegħu! (2 Timotew 4:5; Ebrej 1:13, 14; Rivelazzjoni 14:6) Billi jistruwixxi lill-qaddejja tiegħu fil-mogħdijiet taʼ organizzazzjoni tajba issa, Alla qed iwettaq xi ħaġa oħra. Il-qaddejja tiegħu qegħdin jiġu mħejjijin tajjeb sabiex meta jsalvaw fit-tmiem taʼ din is-sistema taʼ affarijiet, huma diġà jkunu organizzati biex jibdew il-ħajja fid-dinja ġdida. Imbagħad, b’mod organizzat taħt id-direzzjoni taʼ Jehovah, jibdew jibnu l-Ġenna globali. Huma jkunu wkoll imħejjijin tajjeb biex jgħallmu l-ħtiġijiet iddettaljati t’Alla għall-ħajja lil biljuni taʼ nies li se jiġu rxoxtati mill-mewt.—Isaija 11:9; 54:13; Atti 24:15; Rivelazzjoni 20:12, 13.
Organizzati u Madankollu Henjin
12, 13. Għala nistgħu ngħidu li Jehovah jrid lin-nies tiegħu jkunu henjin?
12 Fil-waqt li Jehovah hu ħaddiem straordinarju u organizzatur superb, hu mhux indifferenti, riġidu, jew mekkaniku. Minflok, hu Persunaġġ hieni u kordjali ħafna li hu kkonċernat dwar l-hena tagħna. “Hu jimpurtah minnkom,” jiddikjara 1 Pietru 5:7. Nistgħu naraw kemm jimpurtah u kemm jixtieq li l-qaddejja tiegħu jkunu henjin minn dak li hu għamel għall-bnedmin. Per eżempju, meta Alla ħalaq lir-raġel u l-mara perfetti, poġġiehom f’ġenna taʼ pjaċir. (Ġenesi 1:26-31; 2:8, 9) Tahom dak kollu li kienu jeħtieġu biex jagħmilhom henjin b’mod suprem. Imma huma tilfuh kollu minħabba l-irvell. Bħala riżultat taʼ dnubhom, aħna writna imperfezzjoni u mewt.—Rumani 3:23; 5:12.
13 Għalkemm imperfetti issa, aħna l-bnedmin xorta nistgħu nsibu l-hena f’dak li Alla għamel. Hemm ħafna affarijiet li jġibulna tgawdija—muntanji maestużi; għadajjar, xmajjar, oċeani u xtajtiet sbieħ; fjuri kkuluriti u jfuħu u ħxejjex oħrajn f’varjetà bla tmiem; abbundanza taʼ ikel bnin; inżul ix-xemx spettakulari li qatt ma nixbgħu minnhom; is-smewwiet mimlijin kwiekeb li nieħdu gost nikkontemplawhom bil-lejl; il-ħolqien taʼ l-annimali bil-varjetà vasta tiegħu u biż-żgħar tagħhom li tant jiġbduk bil-mutetti tagħhom; mużika li tnebbaħ; xogħol interessanti u utli; ħbieb tajbin. Jidher ċar li Dak li rranġa dawn l-affarijiet hu individwu hieni li jieħu pjaċir jagħmel lill-oħrajn henjin.
14. Jehovah liema bilanċ jitlob minna f’li nimitawh?
14 B’hekk, is-sempliċi effiċjenza organizzata m’hijiex dak li Jehovah irid. Hu jrid ukoll lill-qaddejja tiegħu jkunu henjin, l-istess bħalma hu hieni hu. Ma jridhomx jorganizzaw l-affarijiet b’mod fanatiku bi ħsara għall-hena tagħhom. Il-qaddejja t’Alla jridu jibbilanċjaw kapaċitajiet organizzazzjonali maʼ l-hena, bħalma jagħmel hu, għax fejn hemm l-ispirtu qaddis setgħan tiegħu, hemm il-ferħ. Tabilħaqq, Galatin 5:22 juri li t-tieni frotta taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla li jopera fuq il-poplu tiegħu hija l-“ferħ.”
L-Imħabba Tiġġenera L-Hena
15. L-imħabba għala hija tant importanti għall-hena tagħna?
15 Hu taʼ interess kbir li tinnota li l-Bibbja tistqarr: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8, 16) Qatt ma tgħid: “Alla hu organizzazzjoni.” L-imħabba hija l-kwalità ewlenija t’Alla, u trid tiġi imitata mill-qaddejja tiegħu. Huwa għalhekk li l-ewwel frotta taʼ l-ispirtu t’Alla mniżżla f’Galatin 5:22 hija l-“imħabba,” bil-“ferħ” warajha. L-imħabba tiġġenera l-ferħ. Meta nimitaw l-imħabba taʼ Jehovah fil-kuntatti tagħna maʼ oħrajn, l-hena ssegwi, għax nies li jħobbu huma nies henjin.
16. Ġesù kif wera l-importanza taʼ l-imħabba?
16 L-importanza taʼ li wieħed jimita mħabba bħal t’Alla hija magħmula prominenti fit-tagħlim taʼ Ġesù. Hu qal: “Sewwa sew bħalma l-Missier għallem lili jien nitkellem dawn l-affarijiet.” (Ġwann 8:28) X’kien, b’mod speċjali, mgħallem Ġesù li hu, minn naħa tiegħu, għallem lill-oħrajn? Kien li l-akbar żewġ kmandamenti huma li tħobb lil Alla u li tħobb lill-proxxmu. (Mattew 22:36-39) Ġesù eżemplifika din l-imħabba. Hu qal: “Jien inħobb lill-Missier,” billi ta prova taʼ dan billi għamel ir-rieda t’Alla sal-mewt. U wera l-imħabba tiegħu għan-nies billi miet għalihom. L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani f’Efesu: ‘Kristu ħabbkom u ta lilu nnifsu għalikom.’ (Ġwann 14:31; Efesin 5:2) B’hekk, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Dan huwa l-kmandament tiegħi, li intom tħobbu lil xulxin sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien.”—Ġwann 15:12, 13.
17. Pawlu kif wera illi li nesprimu mħabba lejn oħrajn huwa vitali?
17 Pawlu esprima kemm hija vitali din l-imħabba bħal t’Alla billi qal: “Jekk nitkellem bl-ilsna taʼ bnedmin u taʼ anġli imma m’għandix imħabba, jien sirt ħoss taʼ biċċa ram jew ċimblu jfaqqaʼ. U jekk għandi l-għotja taʼ l-ipprofetizzar u jien midħla tas-sigrieti sagri kollha u l-għarfien kollu, u jekk għandi l-fidi kollha biex inċaqlaq il-muntanji minn posthom, imma m’għandix imħabba, ma jiena xejn. U jekk nagħti ġidi kollu biex nitmaʼ lil oħrajn, u jekk nagħti ġismi, biex inkun nistaʼ niftaħar, imma m’għandix imħabba, m’għandi ebda profitt affattu. . . . Jibqgħu l-fidi, it-tama, l-imħabba, dawn it-tlieta; imma l-akbar waħda minn dawn hija l-imħabba.”—1 Korintin 13:1-3, 13.
18. X’nistgħu nistennew mingħand Jehovah li jżid maʼ l-hena tagħna?
18 Meta nimitaw l-imħabba taʼ Jehovah, nistgħu nkunu fiduċjużi mill-imħabba tiegħu lejna, saħansitra meta nagħmlu xi żbalji, għax hu “Alla mimli ħniena u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u fil-verità.” (Eżodu 34:6) Jekk nindmu sinċerament meta nagħmlu xi żbalji, Alla ma jibqax jitlob kont tagħhom imma b’imħabba jaħfrilna. (Salm 103:1-3) Iva, “Jehovah hu teneru ferm fl-affezzjoni u mimli ħniena.” (Ġakbu 5:11) Li nafu dan jikkontribwixxi għall-hena tagħna.
Hena Relattiva Issa
19, 20. (a) Hena totali għala mhix possibbli issa? (b) Il-Bibbja kif turi li jistaʼ jkollna hena relattiva f’dan iż-żmien?
19 Madankollu, huwa possibbli li nkunu henjin illum, ladarba qegħdin ngħixu fl-aħħar jiem taʼ did-dinja taħt Satana mimlija kriminalità, vjolenti, u immorali, fejn il-mard u l-mewt jiffaċċjawna? M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux issa nistennew il-grad taʼ hena li se jeżisti fid-dinja ġdida t’Alla, bħalma tbassar il-Kelma tiegħu: “Hawn jien qiegħed noħloq smewwiet ġodda u art ġdida; u l-affarijiet taʼ qabel m’humiex se jitfakkru, lanqas ma se jidħlu fil-qalb. Imma eżaltaw, u kunu mimlijin ferħ għal dejjem f’dak li qiegħed noħloq.”—Isaija 65:17, 18.
20 Dak li l-qaddejja t’Alla jistgħu jkollhom issa huwa hena relattiva għaliex jafu r-rieda tiegħu u għandhom għarfien eżatt tal-barkiet meraviljużi li dalwaqt jiġu fid-dinja ġdida tiegħu bħal ġenna. (Ġwann 17:3; Rivelazzjoni 21:4) Huwa għalhekk li l-Bibbja tistaʼ tgħid: “O Jehovah taʼ l-armati, hieni hu l-bniedem li qiegħed jafda fik,” “hieni hu kulmin qiegħed jibżaʼ minn Jehovah, li qiegħed jimxi fil-mogħdijiet tiegħu,” “henjin huma l-kalmi, ladarba se jirtu l-art.” (Salm 84:12; 128:1; Mattew 5:5) B’hekk, minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli tal-preżent li rridu nissieltu magħhom, jistaʼ jkollna ammont sostanzjali taʼ hena. Saħansitra meta jiġrulna affarijiet ħżiena, ma nsewdux qalbna bħalma jagħmlu dawk li ma jafux lil Jehovah u li m’għandhomx it-tama taʼ ħajja eterna.—1 Tessalonkin 4:13.
21. Li jagħtu minnhom infushom kif jikkontribwixxi għall-hena tal-qaddejja taʼ Jehovah?
21 L-hena tiġi wkoll għand il-qaddejja taʼ Jehovah għaliex jiddedikaw ħin, enerġija, u riżorsi f’li jgħallmu veritajiet tal-Bibbja lill-oħrajn, b’mod speċjali nies li ‘jitniegħdu u jibku minħabba l-affarijiet mistmerra kollha’ mwettqin fid-dinja taʼ Satana. (Eżekjel 9:4) Il-Bibbja tgħid: “Hieni hu kulmin qiegħed jaġixxi b’konsiderazzjoni lejn il-baxx; f’jum il-gwaj Jehovah se jipprovdi ħarba għalih. Jehovah innifsu se jgħassu u jżommu ħaj. Hu se jkun ippronunzjat hieni fl-art.” (Salm 41:1, 2) Kif qal Ġesù, “hemm iktar hena f’li tagħti milli hemm f’li tirċievi.”—Atti 20:35.
22. (a) Rigward l-hena, agħmel kuntrast bejn il-qaddejja taʼ Jehovah u dawk li ma jaqduhx. (b) Għal liema raġuni speċjali għandna nistennew li nkunu henjin?
22 Mela waqt li l-qaddejja t’Alla ma jistgħux jistennew hena suprema f’dan iż-żmien preżenti, jistgħu jiksbu l-hena li ma titgawdiex minn dawk li ma jaqdux lil Alla. Jehovah jiddikjara: “Ħares! Il-qaddejja tiegħi stess se jgħajtu bil-ferħ minħabba l-kundizzjoni tajba tal-qalb, imma intom infuskom se tagħmlu agħjat minħabba l-uġigħ tal-qalb u se twaħwħu minħabba l-waqgħa nfisha taʼ l-ispirtu.” (Isaija 65:14) Ukoll, dawk li jaqdu lil Alla għandhom raġuni speċjali ħafna biex ikunu henjin issa—għandhom l-ispirtu qaddis tiegħu li “Alla ta lil dawk li qegħdin jobdu lilu bħala ħakkiem.” (Atti 5:32) U ftakar, fejn hemm l-ispirtu t’Alla, hemm l-hena.—Galatin 5:22.
23. X’se nikkunsidraw fl-istudju li jmiss tagħna?
23 Fl-organizzazzjoni tal-qaddejja t’Alla llum, parti importanti tintlagħab mill-“irġiel ixjeħ,” l-anzjani, li jieħdu t-tmexxija fil-kongregazzjonijiet, billi jikkontribwixxu għall-hena tan-nies taʼ Jehovah. (Titus 1:5) Dawn l-uħud kif għandhom iħarsu lejn ir-responsabbiltajiet tagħhom u r-relazzjoni tagħhom maʼ ħuthom irġiel u nisa? L-artiklu li jmiss tagħna se jiddiskuti dan. (w94 10/1)
Kif Twieġeb Int?
◻ Il-ħolqien kif jixhed li Jehovah hu organizzat?
◻ Jehovah kif organizza lill-qaddejja tiegħu fil-passat u fil-preżent?
◻ Jehovah liema bilanċ irid minna?
◻ Kemm hija importanti l-imħabba għall-hena tagħna?
◻ Liema xorta taʼ hena nistgħu nistennew fi żmienna?
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 22]
Fuq: Bil-kortesija taʼ ROE/Anglo-Australian Observatory, ritratt minn David Malin