LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 6/1 pp. 12-16
  • “Ibqgħu Imxu Bħala Tfal tad-Dawl”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Ibqgħu Imxu Bħala Tfal tad-Dawl”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tgħallem Dwar il-​Kristu
  • “Inżgħu l-​Personalità Qadima”
  • “L-​Ispirtu [Ġdid] tal-​Moħħ”
  • ‘Ilbsu l-​Personalità Ġdida’
  • ‘Ibqgħu Imxu bħala Tfal tad-​Dawl’
  • “Ilbsu l-Bniedem il-Ġdid”
    Il-Ministeru tas-Saltna—1999
  • “Il-Kelma t’Alla hi Ħajja u Teżerċita Qawwa”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • ‘Ilbsu l-Armi tad-Dawl’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • “Il-Kelma t’Alla Hi Ħajja”
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 6/1 pp. 12-16

“Ibqgħu Imxu Bħala Tfal tad-Dawl”

“Ilbsu l-​personalità ġdida li kienet maħluqa skond ir-​rieda t’Alla fit-​tjieba vera u l-​lealtà.”—EFESIN 4:24.

1. Adoraturi taʼ Jehovah b’liema ħaġa huma mberkin? Għala?

ALLA JEHOVAH hu “l-​Missier tad-​dwal ċelestjali,” u “m’hemm l-​ebda dlam affattu f’għaqda miegħu.” (Ġakbu 1:17; 1 Ġwann 1:5) Ibnu, Ġesù Kristu, qal dwaru nnifsu: “Jien id-​dawl tad-​dinja. Min isegwini b’ebda mod ma se jimxi fid-​dlam, imma se jippossjedi d-​dawl tal-​ħajja.” (Ġwann 8:12) L-​adoraturi veri taʼ Jehovah, is-​segwaċi taʼ Ibnu, huma għalhekk imberkin b’tidwil​—mentali, morali, u spiritwali—​u qegħdin ‘jiddu bħala dawwala fid-​dinja.’​—Filippin 2:15.

2. Liema kuntrast bejn il-​poplu t’Alla u d-​dinja kien imbassar?

2 Żmien twil ilu, il-​profeta Isaija kien imnebbaħ biex ibassar dan il-​kuntrast: “Ħares! dalma nfisha se tiksi l-​art, u swidija kbira l-​gruppi nazzjonali; imma fuqek Jehovah se jiddi, u fuqek il-​glorja tiegħu stess se tkun tidher.” Fil-​fatt, l-​umanità kollha maqtugħa minn Alla hija mitkellma bħala li hi taħt il-​poter u l-​influwenza tal-​“ħakkiema tad-​dinja taʼ dan id-​dlam.”​—Isaija 60:2; Efesin 6:12.

3. Minħabba liema raġunijiet interessati aħna b’mod profond fil-​pariri f’waqthom taʼ Pawlu?

3 L-​appostlu Pawlu kien ikkonċernat ħafna li sħabu l-​Kristjani jibqgħu ħielsa minn dlam bħal dan. Hu ħeġġiġhom biex ‘ma jibqgħux jimxu iktar kif il-​ġnus ukoll jimxu’ imma li ‘jibqgħu jimxu bħala tfal tad-​dawl.’ (Efesin 4:17; 5:8) Hu spjega wkoll kif huma jistgħu jirnexxu f’li jagħmlu dan. Illum, id-​dlam u s-​swidija li jiksu lill-​ġnus kibru iżjed. Id-​dinja niżlet iżjed fil-​fond fil-​ħama tal-​falliment morali u spiritwali. Adoraturi taʼ Jehovah għandhom ġlieda formidabbli li dejjem tiżdied x’jiġġieldu. Għalhekk, aħna interessati b’mod profond f’dak li kellu xi jgħid Pawlu.

Tgħallem Dwar il-​Kristu

4. Pawlu x’kellu f’moħħu meta qal: “Intom ma tgħallimtux li l-​Kristu hu hekk”?

4 Wara li ddeskriva l-​ġiri bla profitt u l-​ħmieġ tad-​dinja, l-​appostlu Pawlu dawwar l-​attenzjoni tiegħu lura lejn il-​Kristjani sħabu ġewwa Efesu. (Jekk jogħġbok aqra Efesin 4:20, 21.) Pawlu kien qattaʼ madwar tliet snin jippriedka u jgħallem f’dik il-​belt, u probabbli kien jaf personalment lil ħafna mill-​kongregazzjoni. (Atti 20:31-35) B’hekk, meta qal, “Intom ma tgħallimtux li l-​Kristu hu hekk,” kien qed jesprimi l-​għarfien persunali tiegħu li l-​Kristjani Efesin ma kinux ġew imgħallmin xi verżjoni permissiva u mdgħajfa tal-​verità li kienet taċċetta l-​għamliet taʼ kondotta ħażina li kien iddeskriva f’versi 17 sa 19. Hu kien jaf li huma kienu ġew imgħallmin b’mod xieraq u eżatt il-​mogħdija taʼ ħajja Kristjana vera kif eżemplifikata minn Ġesù Kristu. Għal dik ir-​raġuni, ma mxewx iżjed fid-​dlam bħalma għamlu l-​ġnus, imma huma kienu tfal tad-​dawl.

5. X’inhi d-​differenza bejn li nkunu fil-​verità b’mod superfiċjali u li jkollna l-​verità fina?

5 Kemm hu importanti, allura, li ‘nitgħallmu l-​Kristu’ bil-​manjiera xierqa! Hemm modi ħżiena li titgħallem lill-​Kristu? Iva, tabilħaqq. Iktar kmieni, f’​Efesin 4:14, Pawlu kien wissa lill-​aħwa: “M’għandniex iktar inkunu trabi, mitfugħin ’il hawn u ’l hinn bħal bil-​mewġ u mġarrin bl-​addoċċ minn kull riħ taʼ tagħlim permezz tal-​qerq tan-​nies, permezz tal-​makakkerija fl-​ippjanar tal-​iżball.” Milli jidher kien hemm xi wħud li kienu tgħallmu dwar il-​Kristu imma li kien għadhom jimxu fil-​mogħdijiet tad-​dinja u saħansitra pprovaw jipperswadu lil oħrajn biex jagħmlu hekk. Ma juriniex dan il-​periklu taʼ li sempliċement inkunu fil-​verità, kif xi wħud jużaw l-​espressjoni, f’kuntrast maʼ li jkollna l-​verità ġewwa fina? Fi żmien Pawlu dawk li kellhom biss fehma superfiċjali kienu faċilment u malajr jiġu mdawrin minn oħrajn, u l-​istess hu veru llum. Biex jevita dan, Pawlu ssokta jgħid li l-​Efesin riedu jkunu ‘semgħu lil Kristu u li ġew imgħallmin permezz taʼ Ġesù.’—Efesin 4:21.

6. Kif nistgħu nitgħallmu, nisimgħu, u niġu mgħallmin mill-​Kristu llum?

6 L-​espressjonijiet “li titgħallem,” “li tismaʼ,” u “li tiġi mgħallem” użati minn Pawlu kollha jimplikaw proċess taʼ studju u struzzjoni, bħal fi skola. M’għandniex xi ngħidu, ma nistgħux nisimgħu, nitgħallmu minn, jew niġu mgħallmin direttament minn Ġesù nnifsu llum. Imma hu qed jikkonduċi kampanja dinjija taʼ edukazzjoni Biblika permezz tal-​“irsir fidil u diskret” tiegħu. (Mattew 24:45-47; 28:19, 20) Nistgħu ‘nitgħallmu l-​Kristu’ b’mod xieraq u eżatt jekk regolarment nieħdu l-​ikel spiritwali f’waqtu pprovdut mill-​klassi tal-​irsir, nistudjawh bil-​għaqal kemm personalment kif ukoll fil-​kongregazzjoni, nimmeditaw fuqu, u npoġġu fil-​prattika dak li nitgħallmu. Ejjew inkunu ċerti li nutilizzaw bis-​sħiħ il-​provvedimenti kollha sabiex inkunu nistgħu ngħidu verament li ‘smajnieh u konna mgħallmin permezz tiegħu.’

7. Liema sinjifikat jistaʼ jidher fil-​kliem taʼ Pawlu, “[i]l-verità hi f’Ġesù”?

7 Huwa interessanti li f’​Efesin 4:21, wara li enfasizza l-​proċess taʼ tagħlim, Pawlu żied: “Sewwa sew bħalma l-​verità hi f’Ġesù.” Xi kummentaturi tal-​Bibbja jiġbdu l-​attenzjoni lejn il-​fatt li Pawlu rari uża l-​isem persunali Ġesù waħdu fil-​kitbiet tiegħu. Tabilħaqq, din hi l-​unika darba taʼ użu bħal dan fl-​ittra lill-​Efesin. Hemm xi sinjifikat speċjali għal dan? Forsi Pawlu kien qed jiġbed l-​attenzjoni lejn l-​eżempju li ta Ġesù bħala bniedem. Ftakar li darba Ġesù qal dwaru nnifsu: “Jien hu l-​mogħdija u l-​verità u l-​ħajja.” (Ġwann 14:6; Kolossin 2:3) Ġesù qal: “Jien hu . . . l-​verità” għaliex mhux sempliċement tkellem u għallem il-​verità imma għexha u ppersonifikaha. Iva, il-​Kristjanità vera m’hijiex biss idea imma mod taʼ ħajja. Li ‘titgħallem il-​Kristu’ jinkludi li titgħallem timitah f’li tgħix il-​verità. Tfassal int lil ħajtek wara Ġesù? Qed issegwi kuljum il-​passi tiegħu mill-​qrib? Biss billi nagħmlu hekk nistgħu nkomplu nimxu bħala tfal tad-​dawl.

“Inżgħu l-​Personalità Qadima”

8. Pawlu liema tixbieha uża f’​Efesin 4:​22, 24, u għala hija xierqa?

8 Biex juri kif aħna nistgħu ‘nitgħallmu l-​Kristu’ b’suċċess u nimxu bħala tfal tad-​dawl, Pawlu ssokta jgħid, f’​Efesin 4:​22-24, li hemm tliet passi distinti li għandna nsegwu. L-​ewwel minn dawn hu: “Għandkom tinżgħu l-​personalità qadima li taqbel maʼ kif kontu ġġibu ruħkom qabel u li qiegħda tiġi korrotta skond ix-​xewqat qarrieqa tiegħu.” (Efesin 4:22) L-​espressjonijiet “tinżgħu” (“tneħħu,” Kingdom Interlinear) u “tilbsu” (vers 24) iġorru l-​istampa mentali tat-​tneħħija u l-​ilbies taʼ xi biċċa ħwejjeġ. Din hi metafora li Pawlu kien juża taʼ spiss, u hi waħda effettiva. (Rumani 13:12, 14; Efesin 6:11-17; Kolossin 3:8-12; 1 Tessalonkin 5:8) Meta l-​ħwejjeġ tagħna jitħammġu jew jiċċappsu, bħal matul xi ikla, aħna nbiddluhom mal-​ewwel ċans li jkollna. M’għandniex inkunu bl-​istess mod ikkonċernati dwar xi tiċpis tal-​istat spiritwali tagħna?

9. Wieħed b’liema mod ineħħi l-​personalità qadima?

9 Wieħed, allura, kif jinżaʼ l-​personalità l-​qadima? Il-​verb “tinżgħu” fil-​lingwa oriġinali hu f’dak li jissejjaħ tens aorist. Jindika azzjoni li tittieħed darba biss jew darba għal dejjem. Dan igħidilna li l-​“personalità qadima” (“raġel qadim,” Kingdom Interlinear), flimkien maʼ ‘kif konna nġibu ruħna qabel,’ għandhom jitneħħew b’azzjoni definita u deċiżiva, bir-​reqqa u għal kollox. M’hijiex xi ħaġa li nistgħu b’suċċess noqogħdu naħsbuha jew nitnikkru dwarha. Għala le?

10. Wieħed għala għandu jkun reżolut u deċiż f’li jneħħi l-​personalità qadima?

10 L-​espressjoni “qiegħda tiġi korrotta” turi li “r-​raġel qadim” jinsab f’korsa kontinwa u progressiva taʼ degradazzjoni morali, sejjer mill-​ħażin għall-​agħar. Fir-​realtà, minħabba li tiċħad it-​tidwil spiritwali, l-​umanità kollha tinsab f’barma ’l isfel. Dan hu r-​riżultat taʼ “xewqat qarrieqa,” qal Pawlu. Xewqat tal-​laħam huma qarrieqa għaliex jistgħu jidhru bla ħsara, imma fl-​aħħar mill-​aħħar huma taʼ rovina. (Ebrej 3:13) Jekk ma jiġux ikkontrollati, it-​tmiem se jkun taħsir u mewt. (Rumani 6:21; 8:13) Hu għalhekk li l-​personalità l-​qadima trid titwarrab, titneżża b’mod deċiżiv u komplet, bil-​mod li titneħħa biċċa ħwejjeġ qadima u maħmuġa.

“L-​Ispirtu [Ġdid] tal-​Moħħ”

11. Fejn irid jibda t-​tiġdid spiritwali?

11 Jekk xi ħadd jaqaʼ f’għadira bil-​ħama jkollu bżonn mhux biss ineħħi l-​ħwejjeġ maħmuġin imma wkoll jinħasel sewwa qabel ma jilbes xi ħaġa friska u nadifa. Dak hu eżatt xi jsemmi Pawlu bħala t-​tieni pass għal tidwil spiritwali: “Għandkom tiġu mġeddin fil-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħkom.” (Efesin 4:23) Kif indika qabel, fil-​versi 17 u 18, il-​ġnus qegħdin jimxu “fin-​nuqqas taʼ siwi taʼ mħuħhom” u huma “fid-​dlam mentalment.” Loġikament, il-​moħħ, iċ-​ċentru taʼ dehen u fehma, hu fejn għandu jibda t-​tiġdid. Dan kif jistaʼ jsir? Pawlu spjega li jsir billi nġeddu l-​forza li tħaddem lil moħħna. X’inhi dik il-​forza?

12. X’inhi l-​forza li tħaddem il-​moħħ?

12 Hija l-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħna, li rrefera għaliha Pawlu, l-​ispirtu qaddis? Le. Il-​frażi “l-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħkom” litteralment taqra “l-​ispirtu tal-​moħħ tagħkom.” Imkien fil-​Bibbja ma nsibu lill-​ispirtu qaddis t’Alla mitkellem bħala li jappartjeni lil xi bniedem jew lil xi parti minn bniedem. Il-​kelma “spirtu” bażikament tfisser “nifs,” imma tintuża wkoll fil-​Bibbja “biex tindika l-​forza li ġġiegħel lil persuna biex turi ċerta attitudni, dispożizzjoni, jew emozzjoni jew biex tieħu xi ċerta azzjoni jew korsa.” (Insight on the Scriptures, Volum 2, paġna 1026) Għalhekk “l-​ispirtu tal-​moħħ” huwa l-​forza li tqanqal jew tħaddem lil moħħna, it-​tendenza u l-​inklinazzjoni mentali tagħna stess.

13. L-​inklinazzjoni mentali tagħna għala trid tiġi mġedda?

13 It-​tendenza u l-​inklinazzjoni naturali tal-​moħħ imperfett hi lejn l-​affarijiet fiżiċi, tal-​laħam, u materjalistiċi. (Ekkleżjasti 7:20; 1 Korintin 2:14; Kolossin 1:21; 2:18) Saħansitra jekk bniedem ineħħi l-​personalità l-​qadima bid-​drawwiet ħżiena tagħha, it-​tendenza mentali midinba tiegħu, jekk ma jbiddilhiex, illum jew għada se ġġagħlu jmur lura lejn dak li ħalla warajh. M’hijiex din l-​esperjenza taʼ ħafna li pprovaw, per eżempju, jaqtgħu t-​tipjip, ix-​xorb żejjed, jew xi drawwiet ħżiena oħra? Jekk huma ma għamlu l-​ebda sforz biex jiġġeddu fil-​forza li tħaddem lil moħħhom, waqgħa lura ma setgħetx tiġi evitata. Kwalunkwe bidla vera trid tinvolvi tiġdid bir-​reqqa tal-​moħħ.—Rumani 12:2.

14. Il-​forza li tħaddem il-​moħħ kif tistaʼ tiġi mġedda?

14 Wieħed, allura, kif iġedded dik il-​forza biex tqanqlu fid-​direzzjoni t-​tajba? Il-​verb “tiġu mġeddin” fit-​test Grieg hu fit-​tens preżent, billi jesprimi azzjoni kontinwa. Mela huwa billi nkomplu nistudjaw il-​Kelma t’Alla taʼ verità u billi nimmeditaw fuq it-​tifsir tagħha li l-​forza li tħaddem tistaʼ tiġi mġedda. Ix-​xjenzati jgħidulna li f’moħħna, informazzjoni fil-​għamla taʼ sinjali f’kodiċi elettriċi jew kimiċi tivvjaġġa minn nervitura għal oħra, waqt li taqsam ħafna konnessjonijiet li jissejħu sinapsi. “Memorja taʼ xi tip tiġi fformata fis-​sinapsa tan-​nervitura meta s-​sinjal f’kodiċi jgħaddi minnha, billi jħalli warajh il-​marka individwali tiegħu,” igħid il-​ktieb The Brain. Meta l-​istess sinjal jerġaʼ jgħaddi, iċ-​ċelloli tan-​nervitura jagħrfuh u jwieġbu iżjed malajr. Maż-​żmien, dan joħloq mudell ġdid taʼ ħsieb fl-​individwu. Hekk kif nippersistu f’li nieħdu ġewwa fina informazzjoni spiritwali bnina, mudell taʼ ħsieb ġdid qiegħed jinbena, u l-​forza li tħaddem lil moħħna qiegħda tiġġedded.—Filippin 4:8.

‘Ilbsu l-​Personalità Ġdida’

15. Il-​personalità ġdida f’liema sens hi ġdida?

15 Fl-​aħħarnett, Pawlu jgħid: “[Intom] għandkom tilbsu l-​personalità ġdida li kienet maħluqa skond ir-​rieda t’Alla fit-​tjieba vera u l-​lealtà.” (Efesin 4:24) Iva, Kristjan jilbes personalità ġdida. “Ġdida” hawn tirreferi, mhux għall-​ħin, imma għall-​kwalità. Dan ifisser li m’hijiex ġdida fis-​sens li hi taʼ l-​aħħar verżjoni. Hija personalità kompletament ġdida u friska, “maħluqa skond ir-​rieda t’Alla.” F’​Kolossin 3:10, Pawlu uża lingwa simili u qal li hija “qiegħda tiġġedded skond ix-​xbiha taʼ Dak li ħalaqha.” Din il-​personalità ġdida kif tiżżviluppa?

16. Għala jistaʼ jingħad li l-​personalità ġdida hija “maħluqa skond ir-​rieda t’Alla”?

16 Alla Jehovah ħalaq l-​ewwel koppja umana, Adam u Eva, fix-​xbiha u fl-​immaġni Tiegħu. Ġew imżejnin bi kwalitajiet morali u spiritwali li sseparawhom minn u poġġewhom ħafna ’l fuq mill-​ħolqien tal-​annimali. (Ġenesi 1:26, 27) Għalkemm l-​irvell tagħhom tefaʼ lill-​umanità kollha fid-​dnub u fl-​imperfezzjoni, aħna, bħala dixxendenti taʼ Adam, xorta għad għandna l-​kapaċità biex nuru kwalitajiet morali u spiritwali. Ir-​rieda t’Alla hi li dawk li jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju bħala rahan għandhom ineħħu l-​personalità qadima u jgawdu “l-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla.”—Rumani 6:6; 8:19-21; Galatin 5:1, 24.

17. It-​tjieba u l-​lealtà għala huma karatteristiċi li jispikkaw fil-​personalità ġdida?

17 Tjieba vera u lealtà huma ż-​żewġ kwalitajiet li ġew enfasizzati minn Pawlu bħala karatteristiċi tal-​personalità ġdida. Dan ikompli jenfasizza li l-​personalità ġdida qiegħda tiġi mġedda skond ix-​xbiha taʼ Dak li ħalaqha. Salm 145:17 igħidilna: “Jehovah hu twajjeb fil-​mogħdijiet tiegħu kollha u leali fix-​xogħlijiet tiegħu kollha.” U Rivelazzjoni 16:5 igħid dwar Jehovah: “Int, Dak li hu u li kien, il-​Wieħed leali, inti twajjeb.” Verament, it-​tjieba u l-​lealtà huma kwalitajiet essenzjali jekk irridu ngħixu fi qbil mal-​fatt li ġejna maħluqin fl-​immaġni t’Alla, billi nirriflettu l-​glorja tiegħu. Jalla nkunu bħal Żakkarija, missier Ġwanni l-​Għammied, li ġie mqanqal mill-​ispirtu qaddis biex ifaħħar lil Alla talli ppermetta lill-​poplu Tiegħu “l-​privileġġ taʼ li nagħtu bla biżaʼ servizz sagru lilu bil-​lealtà u bit-​tjieba.”​—Luqa 1:​74, 75.

‘Ibqgħu Imxu bħala Tfal tad-​Dawl’

18. Pawlu kif għenna naraw il-​mogħdijiet tad-​dinja kif inhuma tassew?

18 Wara li kkunsidrajna fid-​dettal il-​kliem taʼ Pawlu f’Efesin 4:​17-24, għandna ħafna x’naħsbu dwaru. Fil-​versi 17 sa 19, Pawlu jgħinna naraw il-​modi tad-​dinja kif inhuma tassew. Billi rrifjutaw għarfien dwar Alla u webbsu qlubhom lejh, dawk li għadhom fid-​dinja qatgħu lilhom infushom mis-​sors veru tal-​ħajja. Għaldaqstant, mingħajr skop jew direzzjoni veri, l-​isforzi tagħhom jispiċċaw fi bluha u fix-​xejn. Qegħdin jogħdsu dejjem iżjed ’l isfel f’falliment morali u spiritwali. X’sitwazzjoni taʼ min jitħassarha! U x’raġuni qawwija għalina biex inkunu determinati li nibqgħu nimxu bħala wlied id-​dawl!

19. X’inkuraġġiment finali għandna mingħand Pawlu biex nibqgħu nimxu bħala tfal tad-​dawl?

19 Imbagħad, f’versi 20 u 21, Pawlu jenfasizza l-​importanza taʼ li nitgħallmu l-​verità bil-​ħeġġa sabiex mhux biss inkunu assoċjati mal-​verità imma ngħixuha bħalma għamel Ġesù. Fl-​aħħarnett, f’versi 22 sa 24, hu jħeġġiġna biex ninżgħu l-​personalità qadima u nilbsu l-​ġdida—b’mod deċiżiv, reżolut. Sadattant, irridu nibqgħu mmexxu t-​tendenzi mentali tagħna f’direzzjoni spiritwali bnina. Fuq kollox, irridu nħarsu lejn Jehovah għall-​għajnuna hekk kif nibqgħu nimxu bħala tfal tad-​dawl. “Għax Alla hu li qal: ‘Ħalli d-​dawl jiddi ’l barra mid-​dlam,’ u hu idda fuq qlubna biex idawwalhom bil-​għarfien glorjuż t’Alla bil-​wiċċ taʼ Kristu.”—2 Korintin 4:6.

Tiftakar Int?

◻ Kif nistgħu ‘nitgħallmu l-​Kristu’ llum?

◻ Il-​personalità qadima għala trid titneħħa b’mod deċiżiv?

◻ X’inhi l-​forza li tħaddem il-​moħħ, u kif tiġi mġedda?

◻ Liema kwalitajiet jimmarkaw il-​personalità ġdida?

[Stampa f’paġna 13]

Ġesù qal: “Jien hu l-​mogħdija u l-​verità u l-​ħajja”

[Stampa f’paġna 14]

“Inżgħu l-​personalità l-​qadima bil-​prattiċi tagħha”​—il-​korla, ir-​rabja, il-​ħażen, il-​kliem t’abbuż, id-​diskors oxxen, u l-​gideb.​—Kolossin 3:​8, 9

[Stampa f’paġna 15]

“Ilbsu l-​personalità ġdida . . . maħluqa skond ir-​rieda t’Alla fit-​tjieba vera u l-​lealtà.”—Efesin 4:24

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja