LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 6/1 pp. 13-18
  • Amministrazzjoni Teokratika fl-Era Kristjana

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Amministrazzjoni Teokratika fl-Era Kristjana
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġemgħa Li Tiggverna Fl-​Azzjoni
  • Amministrazzjoni Fi Żmienna
  • Appoġġ Għall-​Iżrael T’Alla
  • In-​Nisel Li Għad Irid Jiġi
  • Min qed imexxi l-​poplu t’Alla llum?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Irċivejtu Int “l-Ispirtu tal-Verità”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Abitanti Flimkien f’“Pajjiż” Restawrat
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Nikkoperaw mal-Ġemgha li Tiggverna Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 6/1 pp. 13-18

Amministrazzjoni Teokratika fl-​Era Kristjana

“Il-​pjan li għoġbu jfassal fih minn qabel, . . . li kollox jinġabar taħt Ras waħda, li hu Kristu, kull ma hu fis-​sema u kull ma hu fl-​art.”—EFESIN 1:9, 10.

1, 2. (a) Kif ipproċeda l-​ġbir taʼ “kull ma hu fis-​sema,” b’seħħ mis-​sena 33 E.K.? (b) Kristjani midlukin kif urew l-​ispirtu taʼ Mosè u Elija mill-​1914 ’l hawn?

DAN il-​ġbir taʼ “kull ma hu fis-​sema” beda fis-​sena 33 E.K., meta twieled “l-​Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16; Isaija 43:10; 1 Pietru 2:9, 10) Wara l-​ewwel seklu E.K., il-​ġbir batta hekk kif Kristjani ġenwini (imsejħin “qamħ” minn Ġesù) inksew mis-​“sikrana” apostata miżrugħa minn Satana. Imma hekk kif qorob iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” il-​veru Iżrael t’Alla reġaʼ tfaċċa mill-​ġdid u fl-​1919 inħatar fuq il-​ġid kollu taʼ Ġesù.a—Mattew 13:24-30, 36-43; 24:45-47; Danjel 12:4.

2 Matul l-​ewwel gwerra dinjija, Kristjani midlukin wettqu xogħlijiet setgħana, sewwa sew bħalma kienu għamlu Mosè u Elija.b (Apokalissi 11:5, 6) Mill-​1919 ’l hawn huma ppridkaw l-​aħbar tajba f’dinja ostili, u dan għamluh b’kuraġġ bħal t’Elija. (Mattew 24:9-14) U mill-​1922 ’l hawn ipproklamaw il-​ġudizzji taʼ Jehovah fuq l-​umanità, sewwa sew bħalma Mosè ġab il-​kastigi t’Alla fuq l-​Eġittu tal-​qedem. (Apokalissi 15:1; 16:2-17) Il-​fdal taʼ dawn il-​Kristjani midlukin illum huwa n-​nukleu tas-​soċjetà tad-​dinja l-​ġdida tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Ġemgħa Li Tiggverna Fl-​Azzjoni

3. Liema ġrajjiet juru li l-​kongregazzjoni Kristjana bikrija kienet organizzata tajjeb?

3 Mill-​bidu, is-​segwaċi midlukin taʼ Ġesù kienu organizzati. Hekk kif l-​għadd taʼ dixxipli mmoltiplika, ġew stabbiliti kongregazzjonijiet lokali u nħatru anzjani. (Titu 1:5) Wara s-​sena 33 E.K., it-​12-il appostlu aġixxew bħala ġemgħa li tiggverna ċentrali u awtoritattiva. Hekk, huma ħadu bla biżaʼ l-​inizjattiva fix-​xogħol t’għoti taʼ xiehda. (Atti 4:33, 35, 37; 5:18, 29) Organizzaw it-​tqassim taʼ ikel lil uħud fil-​bżonn, u bagħtu lil Pietru u lil Ġwanni s-​Samarija biex jieħdu ħsieb l-​interess li ġie rrapportat hemmhekk. (Atti 6:1-6; 8:6-8, 14-17) Barnaba ħadilhom lil Pawlu biex jiġi kkonfermat li dak li qabel kien persekutur issa kien sar segwaċi taʼ Ġesù. (Atti 9:27; Galatin 1:18, 19) U wara li Pietru kien ippriedka lil Kornelju u lil taʼ daru, hu rritorna Ġerusalemm u spjega lill-​appostli u lill-​aħwa Ġudeani l-​oħra kif spirtu qaddis kien indika r-​rieda t’Alla f’dan il-​każ.​—Atti 11:1-18.

4. Liema attentat sar biex Pietru jiġi maqtul, imma ħajtu kif ġiet salvata?

4 Imbagħad il-​ġemgħa li tiggverna ġiet attakkata brutalment. Pietru ġie mitfugħ il-​ħabs, u ħajtu ġiet salvata biss b’intervent anġeliku. (Atti 12:3-11) Issa għall-​ewwel darba, xi ħadd li ma kienx wieħed mit-​12-il appostlu deher f’pożizzjoni prominenti f’Ġerusalemm. Meta Pietru nħeles mill-​ħabs, qal lil grupp miġbur fid-​dar t’omm Ġwanni Marku: “Agħtu din l-​aħbar lil Ġakbu [ħu Ġesù mill-​omm] u lill-​aħwa l-​oħra.”—Atti 12:17.

5. Il-​formât tal-​ġemgħa li tiggverna kif ġie mibdul wara l-​martirju taʼ Ġakbu?

5 Qabel, wara li Ġuda l-​Iskarjota, l-​appostlu traditur, kien ikkommetta suwiċidju, inħass il-​bżonn li “xogħlu” bħala appostlu jingħata lil xi ħadd li kien maʼ Ġesù matul il-​ministeru tiegħu u li kien xehed il-​mewt u l-​qawmien tiegħu. Madankollu, meta Ġakbu, ħu Ġwanni, ngħata l-​mewt, ħadd ma ħadlu postu bħala wieħed mit-​12. (Atti 1:20-26; 12:1, 2) Minflok, ir-​referenza Skritturali li jmiss għall-​ġemgħa li tiggverna turi li din kienet ġiet miżjuda. Meta nqalaʼ nuqqas taʼ qbil dwar jekk il-​Ġentili li kienu jsegwu lil Ġesù kellhomx ikunu sottomessi għal-​Liġi Mosajka, il-​kwistjoni tħalliet biex tiġi deċiża mill-​“appostli u l-​presbiteri” li kienu f’Ġerusalemm. (Atti 15:2, 6, 20, 22, 23; 16:4) Issa għala evidentement kien hemm “presbiteri” fil-​ġemgħa li tiggverna? Il-​Bibbja ma tgħidx, imma kien hemm benefiċċju ovvju. Il-​mewt taʼ Ġakbu u t-​tfigħ taʼ Pietru fil-​ħabs kienu wrew li l-​appostli setgħu xi darba jintefgħu l-​ħabs jew jinqatlu. F’każ bħal dan, il-​preżenza t’anzjani kwalifikati oħra, b’esperjenza fil-​proċeduri tal-​ġemgħa li tiggverna, kienet se tiżgura l-​kontinwazzjoni bl-​ordni taʼ l-​indokrar.

6. Il-​ġemgħa li tiggverna kif baqgħet tiffunzjona f’Ġerusalemm, saħansitra meta l-​membri oriġinali tagħha ma baqgħux f’dik il-​belt?

6 Meta Pawlu ġie Ġerusalemm madwar is-​sena 56 E.K., hu ppreżenta rapport lil Ġakbu u, il-​Bibbja tgħid, “kien hemm il-​presbiteri kollha.” (Atti 21:18) Għala ma jissemmewx l-​appostli f’din il-​laqgħa? Għal darb’oħra, il-​Bibbja ma tgħidx. Imma l-​istudjuż taʼ l-​istorja Ewsebju iktar tard irrapporta li f’xi żmien qabel is-​sena 66 E.K., “il-​bqija taʼ l-​appostli, f’periklu kontinwu minn komplotti qattiela, tkeċċew mill-​Ġudea. Imma biex jgħallmu l-​messaġġ tagħhom huma vvjaġġaw f’kull pajjiż fil-​qawwa taʼ Kristu.” (Eusebius, it-​Tielet Ktieb, V, v. 2) Veru, il-​kliem t’Ewsebju m’huwiex parti mill-​kitba ispirata, imma hu f’armonija maʼ dak li tgħid. Per eżempju, sas-​sena 62 E.K., Pietru kien f’Babilonja​—’il bogħod minn Ġerusalemm. (1 Pietru 5:13) Xorta waħda, fis-​sena 56 E.K., u x’aktarx sas-​sena 66 E.K., ġemgħa li tiggverna kienet attiva b’mod ċar f’Ġerusalemm.

Amministrazzjoni Fi Żmienna

7. Imqabbla mal-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu, liema differenza notevoli hemm fil-​formât tal-​Ġemgħa li Tiggverna llum?

7 Mis-​sena 33 E.K. sat-​tribulazzjoni fuq Ġerusalemm, il-​ġemgħa li tiggverna evidentement kienet tikkonsisti minn Kristjani Lhud. Matul iż-​żjara tiegħu fis-​sena 56 E.K., Pawlu sar jaf li ħafna Kristjani Lhud f’Ġerusalemm, minkejja li kellhom “fidi f’Ġesù Kristu, il-​Mulej tagħna,” xorta waħda kienu “għadhom imħeġġa għal-​Liġi [Mosajka].”c (Ġakbu 2:1; Atti 21:20-25) Dawn il-​Lhud għandhom mnejn sabuha diffiċli jimmaġinaw xi Ġentil fil-​ġemgħa li tiggverna. Iżda fi żmienna kien hemm bidla oħra fil-​formât taʼ din il-​ġemgħa. Illum, din tikkonsisti totalment minn Kristjani Ġentili midlukin, u Jehovah bierek bil-​kbir l-​indokrar tagħhom.—Efesin 2:11-15.

8, 9. Liema żviluppi seħħew fil-​Ġemgħa li Tiggverna fiż-​żminijiet moderni?

8 Minn mindu ġiet inkorporata l-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania fl-​1884 sa l-​1972, il-​president tas-​Soċjetà kien jeżerċita awtorità kbira fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, fil-​waqt li l-​Ġemgħa li Tiggverna kienet assoċjata mill-​qrib mal-​bord tad-​diretturi tas-​Soċjetà. Il-​barkiet li tgawdew matul dawk is-​snin jagħtu prova li Jehovah aċċetta dak l-​arranġament. Bejn is-​snin 1972 u l-​1975, il-​Ġemgħa li Tiggverna ġiet miżjuda għal 18-il membru. L-​arranġament sar jixbah iktar lil dak taʼ l-​ewwel seklu fejn awtorità akbar ngħatat lil din il-​ġemgħa miżjuda, li xi wħud minnhom huma diretturi tal-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania.

9 Mill-​1975 ’l hawn għadd minn dawn it-​18-il individwu temmew il-​korsa tagħhom fuq l-​art. Huma kkonkwistaw id-​dinja u poġġew ‘maʼ ġenb Ġesù fuq it-​tron tiegħu tas-​sema.’ (Apokalissi 3:21) Minħabba dan u għal raġunijiet oħrajn, il-​Ġemgħa li Tiggverna issa tikkonsisti f’għaxar membri, inkluż wieħed li ġie miżjud fl-​1994. Il-​biċċa l-​kbira minnhom huma avanzati sewwa fiż-​żmien. Madankollu, dawn l-​aħwa midlukin jingħataw appoġġ mill-​aħjar hekk kif iwettqu d-​doveri tqal tagħhom. Fejn jinsab dak l-​appoġġ? Daqqa t’għajn lejn l-​iżviluppi tas-​snin riċenti fost il-​poplu t’Alla twieġeb dik il-​mistoqsija.

Appoġġ Għall-​Iżrael T’Alla

10. Min ngħaqad mal-​midlukin fis-​servizz taʼ Jehovah f’dawn l-​aħħar jiem, u dan kif kien ipprofetizzat?

10 Lura fl-​1884 kważi dawk kollha assoċjati maʼ l-​Iżrael t’Alla kienu Kristjani midlukin. Bil-​mod il-​mod, madankollu, beda jidher grupp ieħor, u fl-​1935 dan il-​grupp ġie identifikat bħala l-​“kotra kbira” t’Apokalissi kapitlu 7. Billi għandhom it-​tama taʼ l-​art, dawn jirrappreżentaw “kull ma hu fl-​art” li Jehovah għandu l-​iskop li jiġbor flimkien fi Kristu. (Efesin 1:10) Huma jirrappreżentaw lin-​“nagħaġ oħra” tal-​parabbola taʼ Ġesù dwar l-​imqawel. (Ġwann 10:16) Mill-​1935 ’l hawn, ngħaġ oħrajn daħlu bil-​qtajjaʼ fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Huma ġew “bħal sħab jittajjru, bħal ħamiem lejn il-​bejtiet tagħhom.” (Isaija 60:8) Minħabba ż-​żjieda fil-​folla l-​kbira u n-​nuqqas fl-​għadd tal-​klassi midluka hekk kif ħafna jtemmu l-​korsa tagħhom fuq l-​art bil-​mewt, ngħaġ oħrajn kwalifikati qed ikollhom irwol akbar fl-​attivitajiet Kristjani. B’liema modi?

11. Liema privileġġi, oriġinalment limitati għall-​Kristjani midlukin, ngħataw lil ngħaġ oħrajn?

11 Li jiddikjaraw maʼ kullimkien l-​affarijiet eċċellenti taʼ Jehovah minn dejjem kien obbligu speċjali tan-​“nazzjon qaddis” t’Alla. Pawlu tkellem dwaru bħala sagrifiċċju fit-​tempju, u lil dawk li kellhom ikunu “saċerdozju rjali,” Ġesù tahom l-​inkarigu biex jippridkaw u jgħallmu. (Eżodu 19:5, 6; 1 Pietru 2:4, 9; Mattew 24:14; 28:19, 20; Lhud 13:15, 16) Minkejja dan, il-​ħarġa taʼ l-​1 t’Awissu, 1932, taʼ The Watchtower inkuraġġiet speċifikament lil dawk li kienu ffigurati bil-​quddiem minn Ġonadab biex jieħdu sehem f’din l-​attività. Tabilħaqq, ħafna minn dawn in-​ngħaġ l-​oħrajn kienu diġà qegħdin jagħmluh dan. Illum, kważi x-​xogħol kollu taʼ ppridkar qiegħed isir min-​ngħaġ l-​oħrajn bħala parti prominenti milli “lejl u nhar jaqduh [lil Alla] fit-​tempju tiegħu.” (Apokalissi 7:15) B’mod simili, fil-​parti bikrija taʼ l-​istorja moderna tal-​poplu taʼ Jehovah, anzjani tal-​kongregazzjoni kienu Kristjani midlukin, “kwiekeb” fl-​id il-​leminija taʼ Ġesù Kristu. (Apokalissi 1:16, 20) Imma l-​ħarġa taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1937, taʼ The Watchtower annunzjat li ngħaġ oħrajn kwalifikati setgħu jsiru qaddejja tal-​kumpanija (indokraturi li jippresiedu). Anki jekk kienu disponibbli rġiel midlukin, ngħaġ oħrajn setgħu jintużaw jekk l-​irġiel midlukin ma setgħux jidħlu għal din ir-​responsabbiltà. Illum, kważi l-​anzjani kollha tal-​kongregazzjoni huma min-​ngħaġ l-​oħrajn.

12. Liema preċedenti Skritturali hemm għal ngħaġ oħrajn kwalifikati li jirċievu responsabbiltajiet organizzazzjonali tqal?

12 Huwa ħażin li n-​ngħaġ l-​oħrajn jingħataw responsabbiltajiet tqal bħal dawn? Le, dan isegwi preċedent storiku. Xi proseliti barranin (residenti għorba) kellhom pożizzjonijiet għolja f’Iżrael tal-​qedem. (2 Samwel 23:37, 39; Ġeremija 38:7-9) Wara l-​eżilju Babilonjan, Netinim (qaddejja tat-​tempju mhux Iżraeliti) kwalifikati ngħataw privileġġi taʼ servizz fit-​tempju li qabel kienu jappartjenu biss lil-​Leviti. (Esdra 8:15-20; Neħemija 7:60) Biex inżidu maʼ dan, Mosè, li deher fil-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni maʼ Ġesù, aċċetta pariri mill-​aħjar offruti minn Ġetro, il-​Midjanit. Iktar tard, talab lil Ħobab, bin Ġetro, biex jiggwidahom minn ġox-​xagħri.—Eżodu 18:5, 17-24; Numri 10:29.

13. F’li umilment jiddelegaw responsabbiltà lil ngħaġ oħrajn kwalifikati, il-​midlukin qegħdin jimitaw l-​ispirtu mill-​aħjar taʼ min?

13 Lejn tmiem l-​40 sena fix-​xagħri, Mosè, billi kien jaf li hu ma kellux jidħol fl-​Art Imwiegħda, talab biex Jehovah jipprovdi suċċessur. (Numri 27:15-17) Jehovah qallu biex jaħtar lil Ġożwè quddiem il-​poplu kollu, u Mosè hekk għamel, avolja kien għadu b’saħħtu fiżikament u ma waqafx jaqdi lil Iżrael immedjatament. (Dewteronomju 3:28; 34:5-7, 9) Bi spirtu umli simili, il-​midlukin diġà estendew iżjed privileġġi lil irġiel kwalifikati minn fost in-​ngħaġ l-​oħrajn.

14. Liema profeziji jippontaw lejn l-​irwol organizzazzjonali li qed jiżdied tan-​ngħaġ l-​oħrajn?

14 L-​irwol organizzazzjonali li dejjem jikber tan-​ngħaġ l-​oħrajn huwa wkoll imsemmi fil-​profezija. Żakkarija bassar li l-​Filistew mhux Iżraelit kellu jkun “bħal xejikk f’Ġuda.” (Żakkarija 9:6, 7, NW) Ix-​xejikki kienu kapijiet tribwali, u għalhekk Żakkarija kien qed jgħid li wieħed li qabel kien għadu taʼ Iżrael kien se jħaddan il-​qima vera u jsir bħal kap tribwali fl-​Art Imwiegħda. Jerġaʼ, meta indirizza lil Iżrael t’Alla, Jehovah qal: “Ikun hemm il-​barranin li jirgħu l-​imrieħel tagħkom, wlied il-​frustiera jaħdmulkom ir-​rabaʼ, u jeħdulkom ħsieb id-​dwieli. Lilkom isejjħulkom: ‘Il-​Qassisin tal-​Mulej’, ‘Qaddejja taʼ Alla tagħna’ isemmukom.” (Isaija 61:5, 6) Il-​“barranin” u l-​“frustiera” huma n-​ngħaġ l-​oħrajn. Lil dawn ġew iddelegati responsabbiltajiet biex b’hekk jerfgħu iktar u iktar xogħol hekk kif il-​fdal midlukin li qegħdin jixjieħu jtemmu l-​korsa tagħhom fuq l-​art u jmorru jaqdu f’sens sħiħ fis-​sema bħala “qassisin tal-​Mulej,” madwar it-​tron maestuż taʼ Jehovah bħala “qaddejja taʼ Alla tagħna.”—1 Korintin 15:50-57; Apokalissi 4:4, 9-11; 5:9, 10.

In-​Nisel Li Għad Irid Jiġi

15. F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, liema grupp taʼ Kristjani ‘xjaħu,’ u liema grupp jirrappreżenta ‘n-​nisel li għad irid jiġi’?

15 Il-​fdal midluk kien ħerqan li jħarreġ ngħaġ oħrajn għal responsabbiltajiet miżjudin. Salm 71:18 jgħid: “Mqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, la tinsinix, o Alla; sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, il-​qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.” Billi kkummenta fuq dan il-​vers, il-​Watchtower tal-​15 taʼ Diċembru, 1948, indika li l-​kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin kienet ċertament xjaħet. Issokta jgħid li l-​midlukin b’ferħ “iħarsu ’l quddiem fid-​dawl tal-​profezija tal-​Bibbja u jaraw nisel ġdid.” Dan għal min partikolarment qed jirreferi? The Watchtower qal: “Ġesù tkellem dwarhom bħala n-​‘ngħaġ oħra’ tiegħu.” In-​nisel li għad irid jiġi jirreferi għall-​bnedmin li se jkunu jgħixu taħt l-​amministrazzjoni ġdida taʼ l-​art iggvernata mis-​Saltna tas-​smewwiet.

16. Lejn liema barkiet iħarsu ’l quddiem ħerqanin dawk tan-​‘nisel li għad irid jiġi’?

16 Il-​Bibbja ma tgħidx eżatt meta l-​Kristjani midlukin kollha se jħallu lil ħuthom taʼ dan ‘in-​nisel li għad irid jiġi’ u jmorru biex jiġu gglorifikati maʼ Ġesù Kristu. Imma dawn il-​midlukin huma fiduċjużi li ż-​żmien għal dan qiegħed joqrob. Il-​ġrajjiet imbassrin fil-​profezija l-​kbira taʼ Ġesù dwar iż-​“żmien taʼ l-​aħħar” ilhom iseħħu mill-​1914 ’l hawn, u dawn juru li l-​qerda taʼ din id-​dinja hi qrib. (Danjel 12:4; Mattew 24:3-14; Mark 13:4-20; Luqa 21:7-24) Dalwaqt, Jehovah se jintroduċi dinja ġdida li fiha ‘n-​nisel li għad irid jiġi’ se ‘jiret is-​saltna [il-qasam taʼ l-​art] li tħejjiet għalih sa mill-​ħolqien tad-​dinja.’ (Mattew 25:34) B’ferħ jantiċipa r-​restawr tal-​Ġenna u l-​qawmien taʼ miljuni taʼ mejtin minn Ħades. (Apokalissi 20:13) Se jkunu hemmhekk il-​midlukin biex jilqgħu lura lil dawn l-​uħud irxoxtati? Lura fl-​1925, il-​Watch Tower taʼ l-​1 taʼ Mejju qal: “M’għandniex ngħidu kif jaqbel lilna Alla x’se jagħmel jew ma jagħmilx. . . . [Imma] qed niġu ggwidati lejn il-​konklużjoni li l-​membri tal-​Knisja [Kristjani midlukin] se jiġu gglorifikati qabel l-​irxoxt tan-​nies denji tal-​qedem [xhieda leali taʼ qabel il-​Kristjanità].” B’mod simili meta ddiskuta dwar jekk xi wħud mill-​midlukin humiex se jkunu għadhom hawn biex jilqgħu lura lill-​irxoxtati, It-​Torri tal-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Diċembru, 1989, qal: “Dan ma jkunx neċessarju.”d

17. Il-​midlukin, bħala grupp, f’liema privileġġi se jieħdu sehem mas-​Sultan fuq it-​tron, Ġesù Kristu?

17 Veru, ma nafux x’se jiġri fil-​każ taʼ kull wieħed mill-​midlukin. Imma l-​preżenza taʼ Mosè u Elija maʼ Ġesù fil-​viżjoni tat-​trasfigurazzjoni tindika li Kristjani midlukin irxoxtati mistennija li jkunu maʼ Ġesù meta jiġi fil-​glorja biex “irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel” hekk kif jaqtaʼ u jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu. Ukoll, niftakru fil-​wegħda taʼ Ġesù li Kristjani midlukin li joħorġu ‘rebbiħin’ se jieħdu sehem miegħu f’li ‘jmexxu ’l-ġnus b’xettru tal-​ħadid’ f’Armageddon. Meta Ġesù jiġi fil-​glorja, se joqogħdu bil-​qiegħda miegħu ‘jagħmlu ħaqq mit-​tnax-il tribù taʼ Iżrael.’ Maʼ Ġesù, se ‘jisħqu lil Satana taħt riġlejhom.’—Mattew 16:27–17:9; 19:28; Apokalissi 2:26, 27; 16:14, 16; Rumani 16:20; Ġenesi 3:15; Salm 2:9; 2 Tessalonikin 1:9, 10.

18. (a) X’inhi s-​sitwazzjoni rigward ‘il-​ġbir taʼ kull ma hu fis-​sema flimkien fi Kristu’? (b) X’nistgħu ngħidu dwar ‘il-​ġbir taʼ kull ma hu fuq l-​art flimkien fi Kristu’?

18 Fi qbil mal-​mod taʼ kif jamministra kollox, Jehovah progressivament qiegħed javanza biex “kollox jinġabar taħt . . . Kristu.” Fejn hu kkonċernat “kull ma hu fis-​sema,” l-​iskop tiegħu qed joqrob lejn tmiemu. L-​għaqda taʼ Ġesù mal-​144,000 kollha fis-​sema għat-​“tieġ tal-​Ħaruf” hi fil-​qrib. Għaldaqstant, iktar u iktar aħwa maturi u li ilhom fil-​verità, min-​ngħaġ l-​oħrajn, li jirrappreżentaw “kull ma hu fl-​art,” ġew iddelegati lilhom responsabbiltajiet itqal b’appoġġ għal ħuthom il-​midlukin. Xi żminijiet eċċitanti qegħdin ngħixu fihom! X’għaxqa li tara l-​iskop taʼ Jehovah javanza lejn it-​twettiq tiegħu! (Efesin 1:9, 10; 3:10-12; Apokalissi 14:1; 19:7, 9) U kemm jappoġġjaw bil-​ferħ in-​ngħaġ l-​oħrajn lil ħuthom il-​midlukin hekk kif iż-​żewġ gruppi jaqdu flimkien bħala “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed” f’sottomissjoni lejn is-​Sultan, Ġesù Kristu, u għall-​glorja tal-​kbir Sovran Universali, Alla Jehovah!—Ġwann 10:16; Filippin 2:9-11. (w97 5/15)

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa, taʼ l-​1 t’Ottubru, 1981, paġni 7-16.

b Per eżempju, b’seħħ mill-​1914, “The Photo-Drama of Creation”​—preżentazzjoni viżwali u rrekordjata f’erbaʼ partijiet—​intweriet lil udjenzi f’teatri ppakkjati mal-​Punent kollu.

c Dwar x’jistgħu jkunu xi raġunijiet għala xi Kristjani Lhud kienu żelużi għal-​Liġi, ara Insight on the Scriptures, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., it-​Tieni Volum, paġni 1163-4.

d Ara The Watchtower tal-​15 t’Awissu, 1990, paġni 30-1; u tal-​15 taʼ Diċembru, 1990, paġna 30.

Tistaʼ Tispjega?

◻ L-​organizzazzjoni t’Alla kif imxiet ’il quddiem fl-​ewwel seklu?

◻ Il-​Ġemgħa li Tiggverna kif żviluppat fl-​istorja moderna tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

◻ Liema Skritturi jawtorizzaw l-​għoti t’awtorità lin-​ngħaġ l-​oħrajn fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah?

◻ “Kull ma hu fis-​sema” u “kull ma hu fl-​art” kif inġabru flimkien fi Kristu?

[Stampa f’paġna 14]

Saħansitra meta l-​membri oriġinali tagħha ma baqgħux f’Ġerusalemm, ġemgħa li tiggverna baqgħet topera hemmhekk

[Stampi f’paġna 16]

Kristjani maturi midlukin kienu barka għan-​nies taʼ Jehovah

C. T. Russell 1884-​1916

J. F. Rutherford 1916-​42

N. H. Knorr 1942-​77

F. W. Franz 1977-92

M. G. Henschel 1992-

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja