“Ieqfu lix-Xitan”
“Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom.”—Ġakbu 4:7.
1. X’jistaʼ jingħad dwar id-dinja taʼ llum, u l-midlukin u sħabhom għala jeħtieġu joqogħdu għassa?
“ALLA sparixxa, imma x-Xitan baqaʼ.” Dan il-kliem taʼ l-awtur Franċiż André Malraux jistaʼ bix-xieraq jiġi applikat għad-dinja li ngħixu fiha. L-għemejjel tal-bnedmin żgur jidhru li jirriflettu l-qerq tax-Xitan iktar milli r-rieda t’Alla. Satana qed jiżvija lin-nies b’“kull xorta taʼ mirakli u sinjali u għeġubijiet foloz, u jinqeda b’kull xorta taʼ qerq u ħażen fuq dawk li huma kkundannati għall-qerda.” (2 Tessalonikin 2:9, 10) Madankollu, f’dan iż-żmien tat-tmiem Satana qed jikkonċentra l-isforzi tiegħu fuq il-qaddejja dedikati t’Alla, u jagħmel gwerra mal-Kristjani midlukin, “li jħarsu l-preċetti taʼ Alla u li għandhom [“ix-xogħol taʼ li jagħtu xiehda dwar,” NW] Ġesù.” (2 Timotju 3:1; Apokalissi 12:9, 17) Dawn ix-Xhieda u sħabhom li għandhom tama għall-art jeħtieġu joqogħdu għassa.
2. Satana kif qarraq b’Eva, u Pawlu minn xiex qal li kien qed jibżaʼ?
2 Satana huwa qarrieq b’kull mod u manjiera. Billi uża s-serp biex jinħeba warajh, hu qarraq b’Eva u ġagħalha taħseb li setgħet tkun iktar ferħana jekk taġixxi b’mod indipendenti minn Alla. (Ġenesi 3:1-6) Xi erbat elef sena wara, l-appostlu Pawlu qal li kien qed jibżaʼ li xi Kristjani midlukin f’Korintu setgħu jaqgħu vittmi tal-makakkeriji taʼ Satana. Pawlu kiteb: “Jiena nibżaʼ li, bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-sempliċità u s-safa tagħhom fi Kristu.” (2 Korintin 11:3) Satana jħassar l-imħuħ tan-nies u jgħawġilhom il-mod kif jaħsbu. Bħalma qarraq b’Eva, hu jistaʼ jġiegħel lill-Kristjani jirraġunaw b’mod falz u jimmaġinaw li l-hena tagħhom jiddependi minn xi ħaġa li Jehovah u Ibnu ma japprovawhiex.
3. Jehovah jipprovdi liema protezzjoni mix-Xitan?
3 Satana jistaʼ jitqabbel maʼ nassab li jifrex ix-xbieki tiegħu biex jaqbad bħala vittmi lil dawk li ma jkunu qed jissuspettaw f’xejn. Biex nevitaw ix-xbieki taʼ Satana, għandna bżonn ‘ngħixu għall-kenn taʼ l-Għoli,’ post figurattiv taʼ protezzjoni li Jehovah jipprovdi għal dawk li jirrikonoxxu s-sovranità universali tiegħu f’dak li jagħmlu. (Salm 91:1-3) Għandna bżonn il-protezzjoni kollha li jipprovdi Alla permezz tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu sabiex ‘inkunu nifilħu nieqfu għat-tnassis tax-Xitan.’ (Efesin 6:11) Il-kelma Griega għal “tnassis” tistaʼ tiġi tradotta wkoll “atti makakki.” Bla dubju, ix-Xitan juża ħafna atti makakki biex jipprova jaqbad f’nassa lill-qaddejja taʼ Jehovah.
Xbieki li Satana Qiegħed għall-Kristjani tal-Bidu
4. F’liema tip t’ambjent kienu jgħixu l-Kristjani tal-bidu?
4 Il-Kristjani li għexu fl-ewwel u t-tieni seklu E.K. kienu qed jgħixu fi żmien meta l-Imperu Ruman kien fl-aqwa tiegħu. Il-Pax Romana (Paċi Rumana) għenet biex jiffjorixxi l-kummerċ. Dan ir-riżq ġab ħafna ħin liberu lill-klassi tal-ħakkiema, u l-ħakkiema ħadu ħsieb li l-mases ikollhom biżżejjed divertiment sabiex ma jirribellawx. Kien hemm żmien meta l-ammont taʼ btajjel pubbliċi kien daqs dak tal-ġranet tax-xogħol. Il-mexxejja kienu jużaw fondi pubbliċi biex jagħtu lin-nies ħobż u divertiment, billi jżommulhom żaqqhom mimlija u moħħhom aljenat.
5, 6. (a) Għala ma kienx xieraq għall-Kristjani li jżuru t-teatri u l-anfiteatri Rumani? (b) Liema makakkerija uża Satana, u l-Kristjani kif setgħu jevitawha?
5 Kienet din is-sitwazzjoni perikoluża għall-Kristjani tal-bidu? Mit-twissijiet miktubin mill-kittieba li għexu ftit wara l-appostli, bħall-kittieb Tertuljanu, naraw li l-biċċa l-kbira mill-attivitajiet taʼ divertiment taʼ dak iż-żmien kienu mimlijin perikli spiritwali u morali għall-Kristjani veri. Raġuni waħda kienet li l-biċċa l-kbira mil-logħob u l-festi pubbliċi kienu jsiru f’ġieħ l-allat pagani. (2 Korintin 6:14-18) Fit-teatri, saħansitra ħafna mir-reċti klassiċi kienu jew immorali għall-aħħar jew vjolenti u mimlijin dmija. Mal-milja taż-żmien, il-pubbliku ma baqax ifittixhom daqstant ir-reċti klassiċi, u flokhom daħlu spettakli taʼ pantomimi oxxeni. Fil-ktieb tiegħu Daily Life in Ancient Rome, l-istudjuż taʼ l-istorja Jérôme Carcopino jgħid li f’dawn ir-reċti l-atturi nisa setgħu jinżgħu kollox, u li d-demm kien jinxtered bl-addoċċ. Hu jkompli jispjega kif il-mima sfruttat kemm felħet it-taħsir morali li kien beda jikkontrolla lin-nies tal-belt kapitali. Jgħid ukoll li dawn il-wirjiet ma kinux iqażżuhom lin-nies għax it-tbiċċir tal-biżaʼ li kien isir fl-anfiteatru kien ilu li mewtilhom is-sentimenti u ħassrilhom l-istinti tagħhom.—Mattew 5:27, 28.
6 Fl-anfiteatri, il-gladjaturi kienu jitqabdu kontra xulxin sal-mewt. Inkella kienu jiġġieldu maʼ l-annimali salvaġġi, u jew joqtluhom jew jiġu maqtulin huma stess. Il-kriminali kundannati u, maż-żmien, ħafna Kristjani kienu jintefgħu qalb il-bhejjem feroċi. Anki f’dawk iż-żminijiet bikrin, il-makakkerija taʼ Satana kienet li jġiegħel lin-nies ma jibqgħux jistmerru l-immoralità u l-vjolenza sakemm dawn l-affarijiet saru xi ħaġa komuni u mfittxija mill-popolin. L-uniku mod kif wieħed setaʼ jibqaʼ barra mix-xibka kien li jżomm ’il bogħod mit-teatri u l-anfiteatri.—1 Korintin 15:32, 33.
7, 8. (a) Għala ma kienx ikun għaqli għal Kristjan li jmur jara t-tlielaq tal-karrijiet? (b) Satana kif setaʼ uża l-banjijiet Rumani biex jaqbad lill-Kristjani f’xibka?
7 It-tlielaq tal-karrijiet li kienu jsiru f’areni kbar u tawwalin bla dubju kienu eċċitanti ħafna, imma ma kinux aċċettabbli għall-Kristjani għax il-folol taʼ spiss kienu jsiru vjolenti. Kittieb tat-tielet seklu rrapporta li xi wħud mill-ispettaturi kienu jiġu fl-idejn, u Carcopino jgħid li “l-astroloġi u l-prostituti kellhom il-post tagħhom taʼ negozju” taħt l-arkati tal-bini taʼ din l-arena. B’mod ċar, l-arena Rumana għat-tlielaq tal-karrijiet ma kinitx post xieraq għall-Kristjani.—1 Korintin 6:9, 10.
8 Xi ngħidu għall-famużi banjijiet Rumani? Ċertament, ma kien hemm xejn ħażin f’li wieħed jinħasel biex jibqaʼ nadif. Imma ħafna mill-banjijiet Rumani kienu stabbilimenti enormi li kienu jinkludu kmamar għall-messaġġi, għall-isports taʼ ġewwa, għal-logħob taʼ l-ażżard, u postijiet fejn wieħed jiekol u jixrob. Għalkemm, fit-teorija, l-irġiel u n-nisa kellhom ħinijiet differenti biex jużaw il-banjijiet, taʼ spiss kien jiġi tollerat li n-nisa u l-irġiel jużawhom flimkien. Klement taʼ Lixandra kiteb: “Il-banjijiet huma miftuħin kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa bla ebda diskriminazzjoni; u hemmhekk jinżgħu biex [jissodisfaw lilhom infushom bla rażan].” B’hekk, post pubbliku leġittimu setaʼ faċilment intuża minn Satana bħala xibka għall-Kristjani. Min kien għaqli kien iżomm ’il bogħod minnhom.
9. Liema nases kellhom jevitaw il-Kristjani tal-bidu?
9 Il-logħob taʼ l-ażżard kien passatemp favorit fost in-nies meta l-Imperu Ruman kien fl-aqwa tiegħu. Il-Kristjani tal-bidu setgħu jevitaw l-imħatri li kienu jsiru fit-tlielaq tal-karrijiet billi sempliċement joqogħdu ’l bogħod mill-areni fejn kienu jsiru dawn it-tlielaq. Logħob taʼ l-ażżard fuq skala żgħira kien ukoll isir kontra l-liġi fil-kmamar taʼ wara tal-ħwienet tax-xorb u t-taverni. Min kien jilgħab kien jagħmel l-imħatri fuq in-numru żewġ jew fard taʼ ċagħaq jew għadam taʼ l-għekiesi taʼ xi annimal li kien ikollha f’idejha l-persuna l-oħra. Il-logħob taʼ l-ażżard kien jagħmel il-ħajjiet tan-nies iktar interessanti, għax kien joffri t-tama taʼ li jaqilgħu l-flus faċilment. (Efesin 5:5) Iktar minn hekk, it-tfajliet li kienu jservu x-xorb f’dawn il-postijiet tax-xorb taʼ spiss kienu jkunu prostituti, u dan kien iżid il-periklu taʼ l-immoralità sesswali. Dawn kienu xi wħud min-nases li Satana qiegħed għall-Kristjani li għexu fil-bliet taʼ l-Imperu Ruman. Huma l-affarijiet differenti ħafna llum?
In-Nases taʼ Satana Llum
10. Is-sitwazzjoni llum kif tixbah il-kundizzjonijiet li kienu komuni fl-Imperu Ruman?
10 Fil-biċċa l-kbira, il-makakkeriji taʼ Satana ma nbidlux tul is-sekli. Sabiex lill-Kristjani li kienu jgħixu fil-belt korrotta taʼ Korintu ‘ma jegħlibhomx ix-Xitan,’ l-appostlu Pawlu tahom parir qawwi. Hu qal: “Għax nafu x’inhuma l-ħsibijiet [taʼ Satana].” (2 Korintin 2:11) F’ħafna pajjiżi żviluppati, is-sitwazzjoni llum tixbah lil dik li kienet komuni fl-Imperu Ruman meta kien fl-aħjar tiegħu. Ħafna nies għandhom ħin liberu iktar minn qatt qabel. Il-lotteriji nazzjonali jagħtu raġġ taʼ tama lill-foqra wkoll. Divertiment irħis biex jimla l-imħuħ tan-nies issib kemm trid. L-istejdjums taʼ l-isports ikunu mimlijin, in-nies jilagħbu għall-flus, il-folol xi kultant isiru vjolenti, u taʼ spiss min ikun qed jilgħab ukoll. Mużika baxxa timla widnejn in-nies, u spettakli oxxeni jiġu preżentati fuq il-palk tat-teatru kif ukoll fuq it-TV u fiċ-ċinema. F’xi pajjiżi, huwa popolari li l-irġiel u n-nisa jużaw is-sawni u n-nixxigħat taʼ ilma sħun fl-istess ħin, biex ma nsemmux l-għawm bla ħwejjeġ f’xi bajjiet. Preċiż bħal fl-ewwel sekli tal-Kristjanità, Satana jipprova jittanta lill-qaddejja t’Alla permezz t’attivitajiet dinjin taʼ rikreazzjoni.
11. Liema nases hemm fix-xewqa li wieħed jirrilassa u jistrieħ?
11 F’dinja fejn l-istress huwa komuni, hija ħaġa normali li wieħed iħoss il-bżonn li jirrilassa jew li jitlaq ’il bogħod minn kollox. Madankollu, bħalma l-banjijiet Rumani kienu jinkludu affarijiet li setgħu jkunu taʼ periklu għall-Kristjani tal-bidu, xi faċilitajiet u postijiet tal-vaganzi wrew li kienu xibka li Satana uża biex iwassal lill-Kristjani taʼ żmienna għall-immoralità jew ix-xorb żejjed. Pawlu kiteb lill-Kristjani f’Korintu: “La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba. Erġgħu għal sensikom kif għandu jkun u tidinbux; u, b’għajb għalikom ngħidu, xi wħud minnkom ma jafux b’Alla.”—1 Korintin 15:33, 34.
12. X’inhuma xi makakkeriji li Satana juża llum biex jaqbad lill-qaddejja taʼ Jehovah f’nassa?
12 Rajna mill-każ taʼ Eva kif Satana uża lmakakkerija biex iħassar il-mod kif kienet taħseb. (2 Korintin 11:3) Illum, waħda min-nases tax-Xitan hi li jinkuraġġixxi lill-Kristjani jaħsbu li jekk jersqu kemm jistaʼ jkun viċin il-prattiċi tad-dinja biex jipprovaw juru li x-Xhieda taʼ Jehovah m’humiex differenti minn nies oħra, se jirnexxilhom jiġbdu lil xi wħud lejn il-verità Kristjana. Xi drabi, isiru jixbhuhom iżżejjed, u l-affarijiet imorru l-kontra. (Ħaggaj 2:12-14) Makakkerija oħra taʼ Satana hi li lill-Kristjani dedikati, kemm żgħażagħ kif ukoll adulti, jagħtihom il-kuraġġ biex jgħixu ħajja doppja u ‘jnikktu l-Ispirtu s-Santu taʼ Alla.’ (Efesin 4:30) Xi wħud waqgħu f’din ix-xibka permezz taʼ l-abbuż taʼ l-Internet.
13. Liema nassa sottili hija att makakk tax-Xitan, u liema parir fi Proverbji huwa xieraq hawnhekk?
13 Nassa oħra taʼ Satana hija l-okkult sottili. L-ebda Kristjan veru ma se jaqbad u jesperimenta apposta bis-Sataniżmu jew l-ispiritiżmu. Madankollu, bla ma jintebħu xi wħud jittraskuraw fejn jidħlu l-films, xi sensiela fuq it-TV, logħob elettroniku, u saħansitra kotba u komiks tat-tfal li jenfasizzaw il-vjolenza jew prattiċi sopranaturali. Kwalunkwe ħaġa li jkollha traċċa taʼ l-okkult trid tinżamm ’il bogħod. Il-proverbju għaref jgħid: “Triq il-ħażin hi kollha xewk u għawġ; min jgħasses fuqu nnifsu jitbiegħed minnhom.” (Proverbji 22:5) Peress li Satana hu “l-alla taʼ din id-dinja,” kwalunkwe ħaġa li hi popolari ħafna tistaʼ tkun qed taħbi xi waħda mix-xbieki tiegħu.—2 Korintin 4:4; 1 Ġwann 2:15, 16.
Ġesù Waqaflu lix-Xitan
14. Ġesù kif irreżista l-ewwel tentazzjoni mix-Xitan?
14 Ġesù pprovda eżempju mill-aħjar taʼ kif wieħed jieqaf lix-Xitan u jġagħlu jaħrab minnu. Wara li tgħammed u sam għal 40 jum, Ġesù ġie ttantat minn Satana. (Mattew 4:1-11) L-ewwel tentazzjoni ħadet vantaġġ mill-ġuħ naturali li Ġesù ħass wara s-sawma. Satana stieden lil Ġesù biex iwettaq l-ewwel miraklu tiegħu sabiex jissodisfa bżonn fiżiku. Ġesù kkwota Dewteronomju 8:3, u rrifjuta li juża l-qawwiet tiegħu b’mod egoist u poġġa l-ikel spiritwali qabel l-ikel fiżiku.
15. (a) Satana liema xewqa naturali ħa vantaġġ minnha biex jittanta lil Ġesù? (b) X’inhu wieħed mill-atti makakki prinċipali tax-Xitan kontra l-qaddejja t’Alla llum, imma kif nistgħu niqfulu?
15 Ħsieb interessanti f’konnessjoni maʼ din it-tentazzjoni huwa li x-Xitan ma fittixx li jġiegħel lil Ġesù jagħmel dnub sesswali. Il-ġuħ, li b’mod naturali jqajjem leblieba għall-ikel, deher l-iktar xewqa fiżika qawwija li setaʼ juża biex jittanta lil Ġesù f’dan il-mument. Liema tentazzjonijiet juża x-Xitan biex iħajjar lin-nies t’Alla llum? Hemm ħafna u huma varjati, imma hu qed juża t-tentazzjonijiet sesswali bħala waħda mill-makakkeriji prinċipali biex jipprova jkisser l-integrità tan-nies taʼ Jehovah. Billi nimitaw lil Ġesù nistgħu nieqfu lix-Xitan u nirreżistu t-tentazzjonijiet. Bħalma Ġesù għeleb l-isforzi taʼ Satana biex iwaqqgħu billi ftakar fi skritturi xierqa, meta niġu ttantati nistgħu niftakru f’versi bħal Ġenesi 39:9 u l-1 Korintin 6:18.
16. (a) Satana kif ittanta lil Ġesù t-tieni darba? (b) B’liema modi jistaʼ Satana jipprova jittantana biex inġarrbu lil Jehovah?
16 Imbagħad, ix-Xitan sfida lil Ġesù biex jaqbeż minn fuq il-ħajt tat-tempju u jittestja jekk Alla setax jipproteġih permezz taʼ l-anġli Tiegħu. Ġesù kkwota minn Dewteronomju 6:16, u rrifjuta li jġarrab lil Missieru. Satana forsi ma jittantaniex biex naqbżu minn fuq xi ħajt taʼ tempju, imma jistaʼ jittantana biex inġarrbu lil Jehovah. Niġu aħna ttantati naraw kemm nistgħu nimitaw il-modi tad-dinja fl-ilbies u d-dehra tagħna mingħajr ma niġu mwiddbin? Niġu ttantati fejn jidħol divertiment dubjuż? Fil-każ nistgħu nkunu qed inġarrbu lil Jehovah. Jekk għandna tendenzi bħal dawn, minflok ma jaħrab minna, Satana jistaʼ jibqaʼ jdur magħna, u bla heda jipprova jħajjarna biex inżommu miegħu.
17. (a) Ix-Xitan kif ittanta lil Ġesù għat-tielet darba? (b) Ġakbu 4:7 kif jistaʼ juri li japplika fil-każ tagħna?
17 Meta Satana offra lil Ġesù s-saltniet kollha tad-dinja għal att wieħed taʼ qima, Ġesù reġaʼ waqaflu billi kkwota l-Iskrittura, u ħa waqfa soda għall-qima esklużiva taʼ Missieru. (Dewteronomju 5:9; 6:13; 10:20) Satana forsi ma joffrilniex is-saltniet tad-dinja, imma kontinwament jittantana bit-tlellix materjali, anki bil-prospett li jkollna saltna żgħira persunali. Nirreaġixxu bħal Ġesù, u nagħtu d-devozzjoni esklużiva tagħna lil Jehovah? Jekk inhu hekk, dak li ġara lil Ġesù se jiġri lilna. Ir-rakkont taʼ Mattew jgħid: “Mbagħad ix-Xitan ħallieh.” (Mattew 4:11) Satana se jħallina jekk nieħdu waqfa soda kontrih billi niftakru prinċipji Bibliċi xierqa u nipprattikawhom. Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Ieqfu lix-xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġakbu 4:7) Wieħed Kristjan kiteb lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Franza: “Satana l-veru jilħaqlu. Minkejja l-intenzjonijiet tajbin tiegħi, insibha diffiċli ħafna li nikkontrolla s-sentimenti u x-xewqat tiegħi. Madankollu, bil-kuraġġ, il-paċenzja, u fuq kollox, l-għajnuna taʼ Jehovah, irnexxieli nibqaʼ sod u nżomm sħiħ mal-verità.”
Mgħammrin Għalkollox biex Nieqfu lix-Xitan
18. Liema armatura spiritwali tarmana biex nieqfu lix-Xitan?
18 Jehovah ipprovdielna armatura spiritwali sħiħa biex jgħinna ‘nieqfu għat-tnassis tax-Xitan.’ (Efesin 6:11-18) L-imħabba tagħna għall-verità se tħażżmilna ġenbejna, jew tippreparana, għall-attivitajiet Kristjani. Id-determinazzjoni tagħna li nżommu mal-livelli tal-ġustizzja taʼ Jehovah se tkun bħal kurazza li tipproteġilna qalbna. Jekk inxiddu riġlejna bl-aħbar tajba, dawn se jiħduna regolarment fix-xogħol taʼ l-ippridkar, u dan se jsaħħaħna u jipproteġina spiritwalment. Il-fidi b’saħħitha tagħna se tkun bħal tarka kbira, li tipproteġina mill-“vleġeġ . . . tan-nar tal-ħażin,” l-attakki u t-tentazzjonijiet makakki tiegħu. It-tama fiduċjuża tagħna fit-twettiq tal-wegħdi taʼ Jehovah se tkun bħal elmu li tipproteġilna l-abbiltajiet tagħna biex naħsbu u tagħtina l-paċi tal-moħħ. (Filippin 4:7) Jekk insiru esperti f’li nużaw il-Kelma t’Alla, din se tkun bħal xabla li nistgħu nużawha biex ngħinu lin-nies jinħelsu mill-jasar spiritwali taʼ Satana. Nistgħu wkoll nużawha biex niddefendu ruħna, bħalma għamel Ġesù meta ġie ttantat.
19. Minbarra li ‘nieqfu lix-Xitan,’ x’hemm bżonn li nagħmlu?
19 Billi nżommu fuqna din “l-armatura [“sħiħa,” NW] taʼ Alla” u nibqgħu nitolbu dejjem, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi mill-protezzjoni taʼ Jehovah meta Satana jattakkana. (Ġwann 17:15; 1 Korintin 10:13) Imma Ġakbu wriena li mhux biżżejjed li ‘nieqfu lix-Xitan.’ Irridu wkoll, u fuq kollox, ‘noqogħdu għar-rieda taʼ Alla,’ li jimpurtah minna. (Ġakbu 4:7, 8) Fl-artiklu li jmiss se nikkunsidraw kif nistgħu nagħmlu dan.
Int Kif Twieġeb?
• Liema nases taʼ Satana kellhom jevitaw il-Kristjani tal-bidu?
• Liema atti makakki juża Satana llum biex jipprova jaqbad lill-qaddejja taʼ Jehovah f’nassa?
• Ġesù kif waqaf lit-tentazzjonijiet tax-Xitan?
• B’liema armatura spiritwali nkunu nistgħu nieqfu lix-Xitan?
[Stampa f’paġna 9]
Ġesù waqaflu sod lix-Xitan
[Stampi f’paġna 10]
Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu rrifjutaw id-divertiment vjolenti u immorali
[Sors]
The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck