“Tqabad it-Taqbida t-Tajba tal-Fidi”
TISTAʼ timmaġina li xi suldat se jkun imdejjaq jekk meta jkun għall-gwerra jingħatalu dan il-kmand: “Għandek tmur id-dar u tqattaʼ ftit ħin maʼ martek u l-familja tiegħek”?
Kien hemm suldat li fi żmien is-Sultan David taʼ Iżrael irċieva direttiva bħal din. Dan kien Urija l-Ħitti, li s-sultan innifsu kien bagħat għalih u inkuraġġieh imur id-dar. Madankollu, Urija rrifjuta li jmur id-dar tiegħu. Meta ġie mistoqsi għala beda jaġixxi b’dan il-mod mhux tas-soltu, Urija wieġeb li l-arka tal-patt, li kienet tirrappreżenta l-preżenza t’Alla, u l-armata Iżraelija kienu fil-kamp tal-battalja. “U mbagħad jien,” staqsa hu, “immur f’dari niekol u nixrob, u norqod maʼ marti?” Urija lanqas biss kien jgħaddilu minn moħħu li jagħmel xi ħaġa bħal din f’mument kritiku bħal dan.—2 Samwel 11:8-11.
Il-kondotta t’Urija tqajjem mistoqsijiet importanti, għax anki aħna qegħdin ngħixu fi żmien taʼ gwerra. Bħalissa hemm gwerra għaddejja li hi differenti ħafna minn kwalunkwe waħda li l-ġnus tad-dinja qatt iġġieldu. Iż-żewġ gwerer dinjin jidhru insinifikanti meta tqabbilhom magħha, u int involut f’din il-gwerra. Ir-riskji huma kbar, u l-għadu huwa b’saħħtu ferm. F’din il-gwerra, ma tinstemaʼ ebda sparatura, ma tintefaʼ ebda bomba, imma dan ma jfissirx li l-istrateġija tal-gwerra m’hijiex daqstant intensa.
Qabel ma tiddeċiedi li tidħol għal din il-gwerra, huwa tajjeb li tkun taf jekk din hijiex ġusta moralment kif ukoll għalxiex qed tiġġilidha. Huwa taʼ min jiġġieled wara kollox? L-iskop taʼ din il-ġlieda unika jintgħamel ċar mill-appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lil Timotju: “Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi.” Iva, f’din il-gwerra int għandek tiddefendi, mhux xi fortizza, imma l-“fidi”—il-verità Kristjana kollha kif rivelata fil-Bibbja. Jidher ċar li l-“fidi” trid temminha b’mod li ma jkollok ebda dubju dwarha sabiex tkun tistaʼ tiġġieled għaliha u toħroġ rebbieħ.—1 Timotju 6:12.
Gwerrier bil-għaqal jistinka sabiex jagħraf min hu l-għadu tiegħu. F’din il-ġlieda, l-għadu għandu ħafna snin t’esperjenza fl-istrateġija tal-gwerra, kif ukoll ħafna riżorsi u armi distruttivi għad-dispożizzjoni tiegħu. Barra minn hekk, hu sovruman. Huwa kattiv, vjolenti, u bla ebda skruplu; dan huwa Satana. (1 Pietru 5:8) L-armi fiżiċi kif ukoll il-makakkerija u l-qerq uman ma jiswew xejn kontra dan l-avversarju. (2 Korintin 10:4) X’tistaʼ tuża sabiex tiġġieled din il-gwerra?
L-arma primarja hija “x-xabla taʼ l-Ispirtu li hi l-kelma taʼ Alla.” (Efesin 6:17) L-appostlu Pawlu juri kemm din hija effettiva: “Il-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” (Lhud 4:11, 12) Arma bħal din tant taqtaʼ, tant hija preċiża, li tistaʼ tinfed sa l-iktar ħsibijiet u motivi profondi taʼ individwu, u għalhekk trid tintuża b’sengħa kbira u b’attenzjoni.
X’aktarx taf li armata għandu mnejn ikollha armi sofistikati, imma l-armi li jkollha ma jkunu jiswew xejn jekk is-suldati ma jkunux jafu jużawhom sew. Bl-istess mod, int għandek bżonn l-istruzzjonijiet sabiex tkun tistaʼ tuża x-xabla tiegħek b’mod effettiv. B’ferħ, it-taħriġ tiegħek tistaʼ tiksbu mingħand l-iktar gwerriera t’esperjenza li hawn. Lil dawn il-gwerriera taʼ l-esperjenza li jgħallmu lil oħrajn Ġesù sejħilhom “l-ilsir leali u diskret,” u fdalhom ir-responsabbiltà li jipprovdu ikel spiritwali, jew istruzzjoni, fil-ħin lis-segwaċi tiegħu. (Mattew 24:45, NW) Int tistaʼ tagħraf lil dan l-ilsir kollettiv billi tosserva l-isforzi diliġenti li hu jagħmel sabiex jgħallem u jagħti twissijiet fil-ħin dwar it-tattiċi taʼ l-għadu. Din l-evidenza tagħti prova li dan l-ilsir kollettiv huwa magħmul minn membri midlukin bl-ispirtu li huma parti mill-kongregazzjoni Kristjana tax-Xhieda taʼ Jehovah.—Apokalissi 14:1.
Dan l-ilsir kollettiv għamel iktar milli sempliċement għallem. Hu wera l-istess spirtu li wera l-appostlu Pawlu, li kiteb lill-kongregazzjoni taʼ Tessalonika: “Ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm traddaʼ tħaddan lil uliedha. Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju taʼ Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.” (1 Tessalonikin 2:7, 8) Huwa f’idejn kull suldat Kristjan li jagħmel użu mit-taħriġ kollu mħabba li qed jiġi provdut.
L-Armatura Sħiħa
L-armatura sħiħa figurattiva hija provduta sabiex tipproteġik. F’Efesin 6:13-18 tistaʼ ssib lista t’affarijiet li jifformaw din l-armatura. Suldat prudenti m’huwiex se jażżarda joħroġ għall-gwerra jekk ikollu xi parti mill-armatura spiritwali tiegħu nieqsa jew jekk ikollha bżonn xi tiswija.
Kristjan għandu bżonn l-armatura protettiva kollha, imma t-tarka tal-fidi hija partikolarment importanti. Kien għalhekk li Pawlu qal: “[“Fuq kollox,” NW], ħudu f’idejkom it-tarka [“kbira,” NW] tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-ħażin.”—Efesin 6:16.
It-tarka kbira, li setgħet tgħatti l-ġisem kollu, tirrappreżenta l-kwalità tal-fidi. Għandu jkollok fidi soda fid-direzzjoni li jagħti Jehovah, u taċċetta mingħajr l-iċken dubju li l-wegħdi kollha tiegħu se jseħħu. Għandek tħossok daqslikieku dawk il-wegħdi diġà seħħew. M’għandikx tiddubita, lanqas għal sekonda waħda biss, li s-sistema dinjija kollha taʼ Satana dalwaqt se tinqered, li l-art se tinbidel f’ġenna, u li l-poplu leali t’Alla se jerġaʼ lura għall-perfezzjoni.—Isaija 33:24; 35:1, 2; Apokalissi 19:17-21.
Madankollu, f’din il-ġlieda straordinarja li qed isseħħ bħalissa, għandek bżonn xi ħaġa oħra—ħabib. Fi żmien taʼ gwerra, ħbiberiji sodi jiġu fformati minħabba l-fatt li l-gwerriera u sħabhom jinkuraġġixxu u jipproteġu lil xulxin, u xi drabi saħansitra jsalvaw lil xulxin mill-mewt. Fil-waqt li l-ħbieb huma taʼ valur kbir, sabiex issalva minn din il-ġlieda m’għandek bżonn il-ħbiberija taʼ ħadd ħlief dik taʼ Jehovah innifsu. Kien għalhekk li Pawlu għalaq il-lista taʼ x’tinkludi l-armatura b’dan il-kliem: “Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b’kull xorta taʼ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu.”—Efesin 6:18.
Aħna verament nieħdu pjaċir inkunu fil-kumpanija taʼ xi ħabib tal-qalb. Nagħmlu minn kollox biex inkunu miegħu. Jekk nitkellmu regolarment maʼ Jehovah fit-talb, hu se jsir reali għalina, bħal ħabib li nafdawh. Id-dixxiplu Ġakbu jinkuraġġina: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.”—Ġakbu 4:8.
It-Tattiċi taʼ l-Għadu
Kultant, it-taqbida li għandna kontra din id-dinja tistaʼ tiġi mqabbla maʼ mixja f’għalqa li tkun mimlija bi splużivi moħbijin taħt l-art. L-attakk jistaʼ jiġi minn kull direzzjoni, u l-għadu jipprova jattakkak meta l-inqas tkun preparat għalih. Biss, ibqaʼ ċert li Jehovah jipprovdi l-protezzjoni kollha li jkollok bżonn.—1 Korintin 10:13.
L-għadu għandu mnejn jikkonċentra l-isforzi qerrieda tiegħu billi jattakka l-veritajiet tal-Bibbja li huma l-bażi tal-fidi tiegħek. L-apostati għandhom mnejn jużaw kliem ħelu, melliesi, u raġunar mgħawweġ sabiex jipprovaw iwaqqgħuk. Imma l-apostat ma jinteressahx mill-benesseri tiegħek. Proverbji 11:9 jgħid: “Bi kliemu l-ħażin [“li hu apostat,” NW] jagħmel ħsara ’l għajru, imma l-ġusti bl-għaqal jinħelsu.”
Ikun żball jekk taħseb li sabiex turi li l-argumenti taʼ l-apostati huma foloz l-ewwel trid tismaʼ x’għandhom x’jgħidu jew taqra dak li jiktbu. Ir-raġunar tagħhom li hu mgħawweġ u mimli velenu jistaʼ jikkaġuna ħsara spiritwali u jistaʼ jikkontaminalek il-fidi tiegħek malajr daqskemm tinfirex malajr il-kankrena. (2 Timotju 2:16, 17) Minflok, imita l-mod kif Alla jwieġeb lill-apostati. Ġob qal dwar Jehovah: “Wieħed ħażin [“apostat,” NW] anqas jersaq quddiemu.”—Ġob 13:16.
L-għadu għandu mnejn juża tattika differenti, waħda li rnexxiet mhux ħażin. Kieku armata li tkun qed timmarċja tiġi mħajra biex tintilef wara kondotta laxka u immorali, dan jikkaġuna diżordni sħiħa.
Id-divertiment tad-dinja, bħalma huma l-films immorali u x-shows li jintwerew fuq it-televixin kif ukoll il-mużika sfrenata, huwa lixka effettiva. Xi wħud isostnu li huma jistgħu jaraw xeni immorali jew jaqraw letteratura immorali mingħajr ma jiġu influwenzati. Imma wieħed li kien jara regolarment films b’xeni li wrew sess sfaċċat jammetti: “Dawk ix-xeni qatt ma tinsiehom, iktar ma taħseb dwarhom issib li iktar tkun tixtieq tagħmel bħalma tkun rajt . . . Il-film iġagħlek taħseb li qed titlef xi ħaġa.” Taħseb int li jaqbillek tirriskja li tisfa midrub minn attakk sottili bħal dan?
Missila oħra li għandu l-għadu fil-ħażna t’armi tiegħu hija l-materjaliżmu. Il-periklu jistaʼ jkun diffiċli li tinduna bih ladarba lkoll kemm aħna għandna l-bżonnijiet materjali tagħna. Għandna bżonn dar, ikel, u ħwejjeġ, u m’huwiex ħażin li jkollok affarijiet sbieħ. Il-periklu qiegħed fl-attitudni taʼ dak li jkun. Il-flus jistgħu jsiru iktar importanti minn affarijiet spiritwali. Nistgħu nsiru nħobbu l-flus. Huwa importanti li nfakkru lilna nfusna dwar kemm hu limitat il-ġid materjali. Dan hu biss temporanju, mentri l-għana spiritwali jdum għal dejjem.—Mattew 6:19, 20.
Jekk il-moral taʼ xi armata jkun baxx, iċ-ċansijiet għar-rebħa jonqsu. “Urejt li int skuraġġit f’jum l-hemm? Il-qawwa tiegħek se tkun skarsa.” (Proverbji 24:10, NW) L-iskuraġġiment huwa arma li Satana ilu juża b’mod tant effettiv. Jekk nilbsu “l-elmu tat-tama tas-salvazzjoni” se niġu megħjuna niġġieldu l-iskuraġġiment. (1 Tessalonikin 5:8) Ipprova żomm l-integrità tiegħek soda daqs dik t’Abraham. Meta ġie mitlub joffri lil Iżakk, l-uniku iben li kellu, bħala sagrifiċċju, Abraham ma qagħadx jaħsibha darbtejn. Hu kien jemmen li Alla kien se jwettaq l-iskop Tiegħu, jiġifieri li jbierek lill-ġnus kollha permezz tan-nisel tiegħu u li Alla setaʼ jqajjem lil Iżakk mill-mewt jekk dan kien neċessarju sabiex iwettaq il-wegħda tiegħu.—Lhud 11:17-19.
Iċċedix f’Din il-Ġlieda
Xi wħud li b’kuraġġ ilhom jiġġieldu din il-ġlieda għal żmien twil għandhom mnejn qed jgħejjew, u għalhekk m’għadhomx joqogħdu daqstant għassa fil-ġlieda tagħhom. L-eżempju t’Urija, li ssemma fil-bidu taʼ dan l-artiklu, jistaʼ jgħin lil kulmin jinsab f’din il-ġlieda sabiex iżomm attitudni xierqa. Ħafna minn sħabna l-Kristjani li qed jiġġieldu f’din it-taqbida jkollhom jissaportu nuqqas taʼ bżonnijiet bażiċi, huma esposti għal perikli, jew qed isofru minħabba l-kesħa u l-ġuħ. Bħal Urija, ma rridux noqogħdu naħsbu fuq il-kumditajiet li nistgħu ngawdu issa jew li nċedu għal xi xewqa biex ngħixu ħajja komda. Irridu nibqgħu maʼ l-armata taʼ gwerriera leali li Jehovah għandu madwar id-dinja u nibqgħu niġġieldu sakemm inkunu nistgħu ngawdu l-barkiet taʼ l-għaġeb li hemm maħżunin għalina.—Lhud 10:32-34.
Jistaʼ jkun taʼ periklu għalina jekk ma nibqgħux għassa, forsi billi naħsbu li l-attakk finali fadallu ħafna. L-eżempju tas-Sultan David jenfasizza dan il-periklu. Għal xi raġuni jew oħra, hu ma kienx mat-truppi tiegħu fil-battalja. Bħala riżultat, David ikkommetta dnub kbir li kkaġunalu wġigħ u tbatija għall-bqija taʼ ħajtu.—2 Samwel 12:10-14.
Ikun jaqblilna li niġġieldu din il-ġlieda, niffaċċjaw it-tbatija tal-battalja, nissaportu ttwaqqigħ għaċ-ċajt, u niċċaħħdu minn pjaċiri dubjużi li toffri d-dinja? Dawk li qed jirnexxu fil-ġlieda tagħhom jaqblu li dak li għandha x’toffri d-dinja jistaʼ jidher attraenti, jew ilellex, imma jekk teżaminah iktar mill-qrib, ma jkun fih l-ebda sugu. (Filippin 3:8) Iktar minn hekk, ħafna drabi dawk il-pjaċiri jispiċċaw jikkaġunaw uġigħ u diżappunt.
Il-Kristjan f’din il-ġlieda spiritwali jgawdi ħbiberiji mill-qrib maʼ ħbieb veri, kuxjenza nadifa, u tama sabiħa għall-futur. Il-Kristjani midlukin bl-ispirtu jħarsu ’l quddiem lejn ħajja immortali fis-sema maʼ Kristu Ġesù. (1 Korintin 15:54) Il-biċċa l-kbira mill-gwerriera Kristjani jittamaw li jgħixu ħajja perfetta f’ġenna taʼ l-art. Żgur li dawn il-premjijiet jiswew kwalunkwe sagrifiċċju li nistgħu nagħmlu. U kuntrarju għall-gwerer dinjin, ir-riżultat għalina f’din il-battalja huwa assigurat dment li nibqgħu leali. (Lhud 11:1) Madankollu, ir-riżultat għal din is-sistema li qiegħda fil-kontroll taʼ Satana hu qerda totali.—2 Pietru 3:10.
Hekk kif tkompli tiġġieled din il-ġlieda ftakar fil-kliem taʼ Ġesù: “Agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġwanni 16:33) Hu rebaħ għax baqaʼ għassa u żamm l-integrità waqt il-provi. Aħna nistgħu nagħmlu l-istess.
[Kumment f’paġna 27]
Ma tinstemaʼ ebda sparatura, ma tintefaʼ ebda bomba, imma dan ma jfissirx li l-istrateġija tal-gwerra m’hijiex daqstant intensa
[Kumment f’paġna 30]
Ir-riżultat għalina f’din il-battalja huwa assigurat dment li nibqgħu leali
[Stampa f’paġna 26]
L-elmu tas-salvazzjoni se jgħinna niġġieldu l-iskuraġġiment
Uża t-tarka kbira tal-fidi sabiex teħles mill-“vleġeġ kollha tan-nar” taʼ Satana
[Stampa f’paġna 28]
“Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom”
[Stampa f’paġna 29]
Għandu jkollna fidi fit-twettiq tal-wegħdi t’Alla