LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 12/1 pp. 12-16
  • Il-Kristjani Veri Kollha Jridu Jkunu Evanġelizzaturi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kristjani Veri Kollha Jridu Jkunu Evanġelizzaturi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Progress mill-​1919 ’il Hawn
  • Għala Nkiseb Suċċess
  • Nikkunsidraw lil Oħrajn bħala Superjuri
  • Lesti li Nċedu Drittijiet
  • Għad Baqaʼ Ħafna xi Jsir
  • “Agħmel Ħidma taʼ Evanġelista”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Ix-Xhieda taʼ Jehovah—Evanġelizzaturi Veri
    Il-Ministeru tas-Saltna—1998
  • Il-Kristjani Veri Kollha Huma Evanġelizzaturi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Wettaq l-Irwol Tiegħek Bħala Evanġelizzatur
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 12/1 pp. 12-16

Il-​Kristjani Veri Kollha Jridu Jkunu Evanġelizzaturi

“Agħmel ix-​xogħol taʼ evanġelizzatur [jew, missjunarju]”.—2 TIMOTEW 4:5, nota taʼ taħt.

1. X’kienet l-​aħbar tajba li ġiet ippridkata minn evanġelizzaturi fl-​ewwel seklu?

XI jfisser illum li tkun evanġelizzatur? Int wieħed minnhom? Il-​kelma “evanġelizzatur” tiġi mill-​kelma Griega eu․ag․geli․stesʹ, li tfisser “predikatur tal-​aħbar tajba.” Mit-​twaqqif tal-​kongregazzjoni Kristjana fis-​sena 33 E.K., l-​aħbar tajba Kristjana enfasizzat il-​mezz taʼ salvazzjoni t’Alla u pproklamat li Ġesù Kristu kellu jerġaʼ jiġi lura fi żmien iktar tard biex jibda l-​ħakma tas-​Saltna tiegħu fuq l-​umanità.—Mattew 25:31, 32; 2 Timotew 4:1; Ebrej 10:12, 13.

2. (a) Il-​kontenut tal-​aħbar tajba kif sar iżjed għani fi żmienna? (b) Liema obbligu jaqaʼ fuq il-​Kristjani veri kollha llum?

2 Mill-​1914 ’il quddiem, l-​evidenza bdiet tiżdied li s-​sinjal li Ġesù kien ta rigward il-​miġja lura u l-​preżenza inviżibbli tiegħu kien qed jitwettaq. (Mattew 24:3-13, 33) Għal darb’oħra, l-​aħbar tajba setgħet tinkludi l-​espressjoni “s-​saltna t’Alla hija qrib.” (Luqa 21:7, 31; Mark 1:14, 15) Tabilħaqq, kien wasal iż-​żmien biex il-​profezija taʼ Ġesù mniżżla f’Mattew 24:14 iġ-ġarrab twettieq grandjuż: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna se tkun ippridkata fl-​art abitata kollha għal xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-​tmiem.” Għalhekk, l-​evanġelizzar issa jinkludi li tiġi annunzjata b’mod żeluż is-​Saltna stabbilita t’Alla u l-​barkiet li dalwaqt iġġib lill-​umanità ubbidjenti. Il-​Kristjani kollha huma kkmandati li jagħmlu dan ix-​xogħol u li ‘jagħmlu dixxipli.’—Mattew 28:19, 20; Rivelazzjoni 22:17.

3. (a) Liema tifsir ieħor għandha l-​kelma “evanġelizzatur”? (Ara Insight on the Scriptures, Volum 1, paġna 770, kolonna 2, paragrafu 2.) (b) Dan x’mistoqsijiet iqajjem?

3 Minbarra l-​ippridkar tal-​aħbar tajba inġenerali, il-​Bibbja tuża t-​terminu “evanġelizzatur” f’sens speċjali rigward dawk li jitilqu mit-​territorju taʼ pajjiżhom biex jippridkaw l-​aħbar tajba f’reġjuni li qatt ma sar xogħol fihom. Fl-​ewwel seklu, kien hemm ħafna evanġelizzaturi missjunarji, bħal Filippu, Pawlu, Barnabas, Silas, u Timotew. (Atti 21:8; Efesin 4:11) Imma xi ngħidu dwar iż-​żmien speċjali tagħna mill-​1914 ’il hawn? Illum in-​nies taʼ Jehovah għamlu lilhom infushom disponibbli bħala evanġelizzaturi lokali kif ukoll missjunarji?

Progress mill-​1919 ’il Hawn

4, 5. X’kienu l-​prospetti għax-​xogħol tal-​evanġelizzar ftit wara l-​1914?

4 Meta l-​Ewwel Gwerra Dinjija resqet lejn it-​tmiem tagħha fl-​1918, il-​qaddejja t’Alla ġarrbu oppożizzjoni iżjed qawwija kemm mill-​apostati kif ukoll mill-​kleru tal-​Kristjaneżmu u mill-​alleati politiċi tagħhom. Fil-​fatt, l-​evanġelizzar Kristjan ġenwin kważi waqaf għal kollox f’Ġunju tal-​1918 meta uffiċjali ewlenin tal-​Watch Tower Society fl-​Istati Uniti ġew issentenzjati għal 20 sena ħabs taħt akkużi foloz. Kien irnexxielhom il-​għedewwa t’Alla f’li jtemmu l-​ippridkar tal-​aħbar tajba?

5 Bla mistenni, f’Marzu tal-​1919 l-​uffiċjali tas-​Soċjeta ġew illiberati u iktar tard inħelsu mill-​akkużi foloz li kienu tefgħuhom il-​ħabs. Bil-​libertà li sabu mill-​ġdid, dawn il-​Kristjani midlukin irrealizzaw li kien għad hemm ħafna xogħol xi jsir qabel ma jinġabru għall-​premju tagħhom tas-​sema bħala werrieta sħab fis-​Saltna t’Alla.—Rumani 8:17; 2 Timotew 2:12; 4:18.

6. Ix-​xogħol tal-​evanġelizzar kif ipprogressa bejn l-​1919 u l-​1939?

6 Lura fl-​1919 kien hemm inqas minn 4,000 li rrapportaw li ħadu sehem fit-​tixrid tal-​aħbar tajba. Matul il-​għoxrin sena taʼ wara, għadd mhux ħazin taʼ rġiel offrew lilhom infushom bħala evanġelizzaturi missjunarji, u xi wħud intbagħtu lejn pajjiżi tal-​Afrika, tal-​Asja, u tal-​Ewropa. Sal-​1939, wara 20 sena taʼ ppridkar tas-​Saltna, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu żdiedu għal iktar minn 73,000. Din iż-​żjieda notevoli, li saret minkejja wisq persekuzzjoni, kienet simili għal dak li seħh fis-​snin bikrin tal-​kongregazzjoni Kristjana.—Atti 6:7; 8:4, 14-17; 11:19-21.

7. Fis-​snin 47 E.K. u l-​1939, liema sitwazzjoni simili eżistiet rigward ix-​xogħol taʼ evanġelizzar Kristjan?

7 Madankollu, il-​maġġoranza tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’dak iż-​żmien kienu kkonċentrati f’pajjiżi Protestanti li jitkellmu bl-​Ingliż. Fil-​fatt, ’il fuq minn 75 fil-​mija tat-​73,000 proklamatur tas-​Saltna kienu mill-​Awstralja, mill-​Ingilterra, mill-​Kanada, minn New Zealand, u mill-​Istati Uniti. Bħalma kien il-​każ madwar is-​sena 47 E.K., kien hemm bżonn xi ħaġa biex tinkuraġġixxi lil evanġelizzaturi biex jagħtu iżjed attenzjoni lejn il-​pajjiżi tal-​art fejn kien sar inqas xogħol.

8. Sas-​sena 1992, l-​Iskola taʼ Gilead x’kienet wettqet?

8 Ir-​restrizzjonijiet u l-​persekuzzjonijiet taʼ żmien il-​gwerra ma setgħux iwaqqfu lill-​ispirtu qaddis u setgħani taʼ Jehovah milli jqanqal lill-​qaddejja tiegħu biex jippreparaw għal espansjoni akbar. Fl-​1943, waqt li t-​Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-​aqwa tagħha, l-​organizzazzjoni t’Alla tat bidu għall-​Watchtower Bible School of Gilead bil-​ħsieb li xxerred l-​aħbar tajba b’mod iżjed mifrux. Sa Marzu tal-​1992, din l-​iskola kienet bagħtet 6,517-il missjunarju lejn 171 pajjiż differenti. Jerġaʼ, ġew imħarrġin irġiel biex jieħdu ħsieb tal-​fergħat tal-​Watch Tower Society f’artijiet barranin. Sas-​sena 1992, mis-​97 koordinatur tal-​Kumitat tal-​Fergħat, 75 kienu mħarrġin f’Gilead.

9. Liema programmi taʼ taħriġ kellhom parti fil-​progress tal-​evanġelizzar u x-​xogħol taʼ trawwim taʼ dixxipli?

9 Minbarra l-​Iskola taʼ Gilead, programmi oħrajn taʼ taħriġ għammru lill-​poplu taʼ Jehovah biex jespandu u jtejbu x-​xogħol taʼ evanġelizzar tagħhom. Per eżempju, l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku topera fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah mal-​art kollha. Dan l-​arranġament, flimkien mal-​Laqgħa tas-​Servizz taʼ kull ġimgħa, ħarreġ lil miljuni taʼ pubblikaturi tas-​Saltna biex ikunu effettivi fil-​ministeru pubbliku. Hemm ukoll l-​Iskola tal-​Ministeru tas-​Saltna, li tipprovdi taħriġ taʼ valur lil anzjani u qaddejja ministerjali sabiex dawn ikunu jistgħu jieħdu ħsieb aħjar tal-​kongregazzjonijiet li dejjem qegħdin jikbru. L-​Iskola tas-​Servizz taʼ Pijunier għenet lil ħafna evanġelizzaturi full time biex isiru iktar effettivi fl-​attività tagħhom tal-​ippridkar. Iktar riċenti, l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali ħadmet f’pajjiżi differenti biex tgħin lil anzjani u qaddejja ministerjali mhux miżżewġin biex isiru Timotewijiet taż-​żmien modern.

10. X’kien ir-​riżultat tat-​taħriġ eċċellenti kollu pprovdut permezz tal-​organizzazzjoni t’Alla? (Inkludi l-​informazzjoni fil-​kaxxa.)

10 X’kien ir-​riżultat taʼ dan it-​taħriġ kollu? Fl-​1991, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu laħqu quċċata taʼ iktar minn erbaʼ miljuni xandara tas-​Saltna attivi f’212-il pajjiż. Madankollu, kuntrarju għas-​sitwazzjoni li kienet teżisti fl-​1939, ’il fuq minn 70 fil-​mija minn dawn huma minn pajjiżi Kattoliċi, Ortodossi, mhux Kristjani, jew artijiet oħrajn, fejn l-​Ingliż m’huwiex il-​lingwa predominanti.—Ara l-​kaxxa “Espansjoni mill-​1939 ’il Hawn.”

Għala Nkiseb Suċċess

11. L-​appostlu Pawlu lil min attribwixxa s-​suċċess tiegħu bħala ministru?

11 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jiħdux il-​kredtu għal din l-​espansjoni. Minflok, huma jqisu xogħolhom bil-​mod kif għamel l-​appostlu Pawlu, bħalma spjega fl-​ittra tiegħu lill-​Korintin. “X’inhu, allura, Apollos? Iva, x’inhu Pawlu? Ministri li permezz tagħhom sirtu temmnu, saħansitra skond ma l-​Mulej ta lil kull wieħed. Jien ħawwilt, Apollos saqqa, imma Alla baqaʼ jkabbarha; sabiex la hu xi ħaġa dak li jħawwel lanqas hu dak li jsaqqi, imma Alla li jagħmilha tikber. Għax aħna ħaddiema sħab t’Alla. Intom il-​għalqa t’Alla li qiegħda tiġi kkultivata, il-​bini t’Alla.”−1 Korintin 3:5-7, 9.

12. (a) Il-​Kelma t’Alla liema rwol għandha fl-​evanġelizzar Kristjan taʼ suċċess? (b) Min ġie maħtur bħala Kap tal-​kongregazzjoni Kristjana u liema huwa mod importanti biex nuru s-​sottomissjoni tagħna lejh bħala kap?

12 M’hemmx dubju li t-​tkabbir fenomenali li ġarrbu x-​Xhieda taʼ Jehovah hu dovut għall-​barka t’Alla. Huwa x-​xogħol t’Alla. Billi jirrealizzaw dan il-​fatt, huma jkomplu japplikaw lilhom infushom fl-​istudju regulari tal-​Kelma t’Alla. Huma jibbażaw fuq il-​Bibbja kulma jgħallmu fix-​xogħol tagħhom taʼ evanġelizzar. (1 Korintin 4:6; 2 Timotew 3:16) Muftieħ ieħor għas-​suċċess tagħhom fl-​evanġelizzar huwa li huma jirrikonoxxu bis-​sħiħ lil Dak il-​Wieħed li Alla ħatar bħala l-​Kap tal-​kongregazzjoni, il-​Mulej Ġesù Kristu. (Efesin 5:23) Kristjani fl-​ewwel seklu wrew dan billi kkoperaw maʼ dawk li Ġesù ħatar bħala appostli. Dawn l-​irġiel, flimkien maʼ anzjani oħrajn tal-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm, kienu jifformaw il-​ġemgħa li tiggverna Kristjana tal-​ewwel seklu. Mis-​sema l-​Mulej Ġesù Kristu uża lil dan il-​grupp taʼ Kristjani maturi biex jissetiljaw kwistjonijiet u jagħtu direzzjoni lix-​xogħol taʼ evanġelizzar. Il-​koperazzjoni żeluża taʼ Pawlu maʼ dan l-​arranġament divin irriżultat f’żjidiet fil-​kongregazzjonijiet li kien iżur. (Atti 16:4, 5; Galatin 2:9) Bl-​istess mod illum, billi jżommu sod mal-​Kelma t’Alla u b’mod żeluż jikkoperaw mad-​direzzjoni li tiġi mill-​Ġemgħa li Tiggverna, evanġelizzaturi Kristjani huma assigurati minn suċċess fil-​ministeru tagħhom.—Titus 1:9; Ebrej 13:17.

Nikkunsidraw lil Oħrajn bħala Superjuri

13, 14. (a) L-​appostlu Pawlu liema parir ta kif insibu f’​Filippin 2:1-4? (b) Għala huwa importanti li niftakru dan il-​parir meta nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ evanġelizzar?

13 L-​appostlu Pawlu wera mħabba ġenwina lejn dawk li jfittxu l-​verità u ma kellux attitudni superjuri jew razzista. B’hekk, hu setaʼ jagħti parir lil nies li jemmnu bħalu biex ‘jikkunsidraw li l-​oħrajn huma superjuri.’—Filippin 2:1-4.

14 Bl-​istess mod, evanġelizzaturi Kristjani veri llum ma jurux attitudni superjuri meta jittrattaw maʼ nies taʼ razez u sfondi differenti. Wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah mill-​Istati Uniti, mibgħut biex jaħdem bħala missjunarju fl-​Afrika, igħid: “Jiena naf li m’aħniex superjuri. Forsi aħna għandna iżjed flus u dik li tissejjaħ edukazzjoni formali, imma huma [in-nies lokali] għandhom kwalitajiet li jisbqu lil tagħna.”

15. Dawk li jiġu mibgħutin biex jaħdmu f’artijiet barranin kif jistgħu juru rispett ġenwin lejn dixxipli prospettivi?

15 Ċertament, billi nuru rispett ġenwin lejn dawk li magħhom naqsmu l-​aħbar tajba, se nagħmluha eħfef għalihom li jaċċettaw il-​messaġġ tal-​Bibbja. Igħin ukoll meta evanġelizzatur missjunarju juri li hu kuntent li jgħix fost in-​nies li ntbagħat biex igħin. Missjunarju li rnexxa u li qattaʼ dawn l-​aħħar 38 sena fl-​Afrika jispjega: “Jien inħoss fil-​fond ġewwa fija li din hi dari, u li dawk fil-​kongregazzjoni fejn intbgħatt huma ħuti rġiel u nisa. Kull meta rritornajt lejn il-​Kanada bi btala, ma nħossnix verament li qiegħed id-​dar. Meta tasal l-​aħħar ġimgħa fil-​Kanada, ikolli ġenn biex immur lura. Dejjem inħossni hekk. Jien ingħid lill-​istudenti tiegħi tal-​Bibbja u lil ħuti kemm jien kuntent li erġajt gejt lura, u huma japprezzaw li jien irrid inkun magħhom.”−1 Tessalonkin 2:8.

16, 17. (a) Ħafna missjunarji u evanġelizzaturi lokali liema sfida aċċettaw sabiex ikunu iktar effettivi fil-​ministeru tagħhom? (b) Waħda missjunarja x’esperjenza kellha minħabba li tkellmet bil-​lingwa lokali?

16 Meta jsibu xi komunità kbira taʼ lingwa barranija fit-​territorji lokali tagħhom, xi wħud għamlu l-​isforz biex jitgħallmu l-​lingwa, billi b’dan juru li huma jqisu lill-​oħrajn li huma superjuri. “Fl-​Afrika t’Isfel,” josserva wieħed missjunarju, “xi drabi hemm sentiment taʼ sfiduċja bejn nies taʼ sfond Afrikan u nies taʼ sfond Ewropew. Imma l-​fatt li aħna nitkellmu bil-​lingwa lokali malajr iwarrab lil dan is-​sentiment.” Li nitkellmu l-​lingwa taʼ dawk li magħhom naqsmu l-​aħbar tajba hija taʼ għajnuna kbira f’li nilħqu l-​qalb tagħhom. Dan jirrikjedi xogħol iebes u persistenza umli. Missjunarju f’pajjiż Asjatiku jispjega: “Li tibqaʼ tlaqlaq waqt li kontinwament jidħku bik minħabba l-​iżballji tiegħek jistaʼ jkun taʼ prova. Jistaʼ jidher eħfef li ċċedi.” Madankollu, imħabba għal Alla u għall-​proxxmu għenet lil dan il-​missjunarju biex jippersevera.—Mark 12:30, 31.

17 M’għandniex xi ngħidu, in-​nies jitqanqlu meta stranġier jipprova jaqsam l-​aħbar tajba bil-​lingwa tagħhom. Xi drabi jirriżulta f’barkiet mhux mistennijin. Waħda missjunarja fil-​pajjiż Afrikan taʼ Lesotho kienet qiegħda titkellem bil-​lingwa Lesotho maʼ mara oħra, li kienet taħdem f’ħanut tat-​tapizzerija. Ministru tal-​gvern minn pajjiż Afrikan ieħor kien qed idur fil-​ħanut u semagħhom jitkellmu. Hu resaq lejhom u faħħarha taʼ dan, u hi wieġbitu bil-​lingwa tiegħu stess. “Għaliex ma tiġix [f’pajjiżi] u taħdem fost niesna, ladarba int taf ukoll bis-​Swahili?” staqsieha. Bit-​tattika, il-​missjunarja wieġbet: “Dik tkun xi ħaġa sabiħa. Imma jiena waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah, u fil-​preżent ix-​xogħol tagħna huwa pprojbit f’pajjiżek.” “Jekk jogħgbok,” wieġeb hu, “taħsibx li aħna lkoll nopponu lix-​xogħol tagħkom. Ħafna minna huma favur ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Forsi xi darba għad tkunu tistgħu tgħallmu bil-​libertà fost niesna.” Xi ftit taż-​żmien wara, il-​missjunarja ħadet ferħa kbira meta saret taf li x-​Xhieda taʼ Jehovah ingħataw il-​libertà tal-​qima f’dak l-​istess pajjiż.

Lesti li Nċedu Drittijiet

18, 19. (a) Pawlu b’liema mod importanti rsista biex jimita lis-​Sid tiegħu, Ġesù Kristu? (b) Irrakkonta esperjenza (dik tal-​paragrafu jew waħda persunali) biex turi l-​importanza taʼ li tevita kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tfixkel lil dawk li magħhom naqsmu l-​aħbar tajba.

18 Meta l-​appostlu Pawlu kiteb: “Siru imitaturi tiegħi, saħansitra bħalma jien taʼ Kristu,” kien għadu kif iddiskuta dwar il-​bżonn li nevitaw li nfixklu lil oħrajn, billi qal: “Kemm jekk qegħdin tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla. Ibqgħu ma ssirux kaġuni għal gambetta lil Lhud kif ukoll lil Griegi u lill-​kongregazzjoni t’Alla, saħansitra bħalma jien qiegħed nogħġob lin-​nies kollha f’kollox, mhux billi nfittex il-​vantaġġ tiegħi stess imma dak tal-​ħafna, sabiex jistgħu jiġu salvati.”−1 Korintin 10:31-33; 11:1.

19 Evanġelizzaturi bħal Pawlu, li lesti li jagħmlu sagrifiċċji fl-​interessi taʼ dawk li lilhom jippridkawlhom, jaħsdu ħafna barkiet. Per eżempju, f’pajjiż Afrikan, koppja missjunarja marru f’lukanda lokali għall-​ikel biex jiċċelebraw l-​anniversarju taż-​żwieġ tagħhom. Għall-​ewwel kienu bi ħsiebhom jordnaw l-​inbid mal-​ikla, ladarba l-​użu moderat tax-​xorb alkoħoliku mhux ikkundannat fil-​Bibbja. (Salm 104:15) Imma mbagħad din il-​koppja ddeċidew li ma jagħmlux hekk li ma jmorrux joffendu lin-​nies tal-​post. “Xi żmien wara,” jiftakar ir-​raġel, “iltqajna maʼ raġel li kien kok f’dik il-​lukanda, u bdejna studju tal-​Bibbja miegħu. Ħafna wara qalilna: ‘Tiftakru meta ġejtu fil-​lukanda biex tieklu? Aħna kollha konna wara l-​bieb tal-​kċina nosservawkom. Għax ara, il-​missjunarji tal-​knisja qalulna li nagħmlu ħażin jekk nixorbu. Iżda, meta huma jiġu fil-​lukanda, huma jordnaw inbid kemm jifilħu. Aħna għalhekk iddeċidejna li jekk intom tordnaw ix-​xorb, ma konniex se nisimgħukom meta tiġu tippridkawlna.’” Illum, dak il-​kok u xi oħrajn li kienu jaħdmu f’dik il-​lukanda huma Xhieda mgħammdin.

Għad Baqaʼ Ħafna xi Jsir

20. Għala huwa vitali li nissaportu bħala evanġelizzaturi żelużi, u ħafna xi privileġġ taʼ ferħ qegħdin jaħtfu?

20 Hekk kif it-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar joqrob bil-​għagla, ħafna għadhom jixxennqu biex jisimgħu l-​aħbar tajba, u huwa iżjed urġenti minn qatt qabel li kull Kristjan jissaporti bħala evanġelizzatur leali. (Mattew 24:13) Tistaʼ int tespandi sehmek f’dan ix-​xogħol billi ssir evanġelizzatur f’sens speċjali bħal Filippu, Pawlu, Barnabas, Silas, u Timotew? Ħafna qegħdin jagħmlu xi ħaġa simili billi jsiru pijunieri u jagħmlu lilhom infushom disponibbli biex jaqdu f’postijiet fejn hemm bżonn akbar.

21. B’liema mod “bieb kbir li jwassal għal attività” nfetaħ għan-​nies taʼ Jehovah?

21 Dan l-​aħħar, oqsma vasti għall-​evanġelizzar infetħu f’pajjiżi tal-​Afrika, tal-​Asja, u tal-​Ewropa tal-​Lvant, fejn ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah qabel kien restritt. Bħalma kien il-​każ mal-​appostlu Pawlu, “bieb kbir li jwassal għal attività ġie miftuħ” għan-​nies taʼ Jehovah. (1 Korintin 16:9) Per eżempju, evanġelizzaturi missjunarji li dan l-​aħħar waslu fil-​pajjiż Afrikan taʼ Mozambique ma jistgħux ilaħħqu mal-​għadd taʼ nies li jridu studji tal-​Bibbja. Kemm nistgħu nkunu ferħanin li x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah sar legali f’dik l-​art mill-​11 taʼ Frar, 1991, ’il hawn!

22. Kemm jekk it-​territorju lokali tagħna jinħadem tajjeb u kemm jekk le, x’għandna lkoll inkunu determinati li nagħmlu?

22 F’artijiet fejn minn dejjem kellna l-​libertà tal-​qima, ħutna wkoll qegħdin igawdu żjidiet kontinwi. Iva, kulfejn ingħixu, għad hemm ‘ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.’ (1 Korintin 15:58) Billi dan huwa l-​każ, ejjew inkomplu nagħmlu użu għaqli miż-​żmien li baqaʼ hekk kif kull wieħed ‘jagħmel ix-​xogħol taʼ evanġelizzatur, billi nwettqu bis-​sħiħ il-​ministeru tagħna.’—2 Timotew 4:5; Efesin 5:15, 16.

Tistaʼ Tispjega?

◻ X’inhu evanġelizzatur?

◻ Il-​kontenut tal-​aħbar tajba kif sar iżjed għani wara l-​1914?

◻ Ix-​xogħol tal-​evanġelizzar kif ipprogressa mill-​1919 ’il hawn?

◻ Liema fatturi ewlenin ikkontribwew għas-​suċċess tax-​xogħol tal-​evanġelizzar?

[Kaxxa f’paġna 13]

Espansjoni mill-​1939 ’il hawn

Ikkunsidra eżempji minn tliet kontinenti fejn intbagħtu missjunarji mħarrġin f’Gilead. Lura fl-​1939 kien hemm biss 636 xandara tos-Saltna li baghtu r-​rapport mill-​Afrika tal-​Punent. Sas-​sena 1991 dan il-​għadd kien żdied għal iktar minn 200,000 fi 12-il pajjiż tal-​Afrika tal-​Punent. Il-​missjunarji kkontribwew ukoll għal żjidiet fenomenali f’pajjiżi tal-​Amerka t’Isfel. Wieħed hu l-​Brażil li żdied minn 114-il xandâr tas-​Saltna fl-​l939 għal 335,039 f’April 1992. Tkabbir simili segwa l-​wasla tal-​missjunarji f’pajjiżi tal-​Asja. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija il-​għadd żgħir taʼ Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġappun kienu ppersegwitati bl-​aħrax, u x-​xogħol tagħhom ġie mwaqqaf. Imbagħad, fl-​1949, 13-il missjunarju waslu biex igħinu ħa jorganizzaw ix-​xogħol mill-​ġdid. F’dik is-​sena taʼ servizz inqas minn għaxar pubblikaturi lokali bagħtu r-​rapport tas-​servizz tal-​għalqa għall-​Ġappun kollu, fil-​waqt li f’April 1992 it-​total grandjuż taʼ pubblikaturi laħaq 167,370.

[Kaxxa f’paġna 15]

Il-​Kristjaneżmu u l-​Problema tal-​Lingwa

Xi wħud mill-​missjunarji tal-​Kristjaneżmu għamlu sforz ħerqan biex jitgħallmu lingwa barranija, imma ħafna stennew lin-​nies lokali li jitkellmu l-​lingwa Ewropea tagħhom. Kif jispjega Geoffrey Moorhouse fil-​ktieb tiegħu The Missionaries:

“L-​inkwiet kien li l-​akkwist taʼ lingwa lokali kien meqjus taʼ spiss bħala xejn iżied għajr mezz taʼ traduzzjoni tal-​lskrittura. Komparattivament ftit li xejn sar sforz, minn individwi jew mis-​soċjetajiet li jimpjegawhom, biex jiżżguraw li missjunarju setaʼ jitkellem maʼ bniedem tal-​post bil-​lingwa tiegħu stess bil-​mod fluwenti li waħdu jistaʼ jpproduċi fehma profonda bejn żewġ bnedmin umani. Kull missjunarju kien jitgħallem xi żweġ kelmiet lil hemm u ’l hawn mill-​vokabularju lokali . . . Mill-​bqija, il-​komunikazzjoni kienet ġeneralment issir bl-​intonar assurd u tal-​biżaʼ tal-​hekk imsejjaħ pidgin English, bil-​pretensjoni impliċita tiegħu li l-​abitant Afrikan irid jissottometti lilu nnifsu lejn ir-​regoli tal-​viżitatur Ingliż. L-​agħar ħaġa kienet li din kienet jerġaʼ manifestazzjoni oħra taʼ superjorità razzjali.

Fl-​1922 l-​Iskola tal-​Istudji Orjentali u Afrikani f’Londra ppubblikat rapport fuq, il-​problema tal-​lingwa. “Aħna tal-​opinjoni,” qal ir-​rapport, “li l-​livell medju taʼ abbiltà miksuba mill-​missjunarji fil-​lingwa tal-​post. . . huwa baxx b’mod dispjaċevoli u saħansitra b’mod perikoluż.”

Missjunarji tal-​Watch Tower Society minn dejjem qiesu t-​agħlim tal-​lingwa lokali bħala obbligu, li jgħin biex jispjega s-​suċċess tagħhom fil-​qasam missjunarju.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja