Il-Milied—Għala daqshekk Popolari fil-Ġappun
IT-TWEMMIN fil-Father Christmas huwa kbir ħafna fost it-tfal tal-Ġappun li hi art Buddista-Xintoista. Fl-1989, it-tfal Ġappuniżi kitbu 160,000 ittra u indirizzawhom lid-Dinja taʼ Santa Klaws fl-Iżvezja. L-ebda pajjiż ieħor ma bagħat daqshekk ittri. Huma kitbu ittri bit-tama li jaqtgħu x-xewqat taʼ qalbhom, kemm jekk b’ġugarell taʼ Graphic Computer li jiswa mat-18,000 yen ($136, Amerikan) u kemm jekk b’xi portable video game li tiswa mat-12,500 yen ($95, Amerikan).
Għat-tfajliet Ġappuniżi, li jkollhom date Lejlet il-Milied ikun ifisser xi ħaġa speċjali. “Skond stħarriġ dwar nisa żgħażagħ,” tgħid il-Mainichi Daily News, “38 fil-mija qalu li għamlu pjanijiet għal Lejlet il-Milied minn xahar qabel.” Il-ġuvintur għandhom mottivi ulterjuri f’li jkunu jridu li jkunu mat-tfajliet tagħhom Lejlet il-Milied. “Idea tajba tkun li titlob flimkien bil-kwiet mat-tfajla tiegħek,” issuġġeriet rivista tal-ġuvintur. “Agħmel hekk f’post in voga. Ir-relazzjoni tagħkom malajr se ssir iktar intima.”
Irġiel miżżewġin Ġappuniżi wkoll jittamaw li jqanqlu xi poter maġiku bit-tradizzjoni tal-Milied taʼ li jixtru “kejk imżejjen” fi triqthom lura mix-xogħol għad-dar. Billi jagħmlu l-parti taʼ Santa Klaws dawn jipprovaw jikkumpensaw talli kienu ttraskuraw lill-familja matul il-bqija tas-sena.
Tabilħaqq, il-Milied rabba l-għeruq fost il-Ġappuniżi li m’humiex Kristjani. Fil-fatt, 78 fil-mija taʼ dawk li sar stħarriġ dwarhom permezz taʼ katina taʼ supermarkets qalu li huma jagħmlu xi ħaġa speċjali għall-Milied. Ir-rata hija tal-għaġeb meta 1 fil-mija biss mill-popolazzjoni jsostnu li jemmnu fil-Kristjanità. Waqt li jistqarru li huma Buddisti jew Xintoisti, huma jħossuhom komdi mhux ħażin li jgawdu din il-vaganza “Kristjana.” Fl-almanakk tagħha, flimkien maʼ festi Ġappuniżi, il-famuża Shinto Ise Shrine issemmi lill-25 taʼ Diċembru bħala “għeluq snin Kristu.” Xeni taʼ wħud li m’humiex Kristjani mhedijin f’li jixxalaw matul il-Milied, madankollu, iqajjem il-mistoqsija:
Iċ-Ċelebrazzjoni taʼ Min Hu l-Milied?
Il-Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary jagħti definizzjoni tal-Milied bħala “festa Kristjana fil-25 taʼ Diċembru . . . li tikkommemora t-twelid taʼ Kristu.” Ġie meqjus bħala żmien għall-“Kristjani” biex “jingħaqdu fis-sentimenti tagħhom taʼ ferħ f’jum għeluq snin Kristu.”
Dawk li jiċċelebraw il-Milied purament bħala festa reliġjuża forsi jsibu li dawk li qalbuha f’festa sekulari bid-divertiment u l-għoti tar-rigali huma tedjanti u li saħansitra qegħdin jidgħu. “Fil-Ġappun għandna l-aqwa f’dak li hu kummerċjaliżmu grass: l-ebda Kristu,” kiteb Amerikan li jgħix fil-Ġappun. “F’għajnejn dawk tal-Punent,” kiteb ieħor dwar il-Milied Ġappuniż, “m’huwiex id-dundjan [li ma tantx issibu fis-swieq Ġappuniżi] li hu nieqes, imma l-iktar ingredjent essenzjali, l-ispirtu.”
X’inhu, allura, l-ispirtu tal-Milied? Huwa l-atmosfera taʼ xi servizz fil-knisja bil-għanjiet, il-ġulbiena, u x-xemgħat, li ħafna jużawhom fl-uniku pellegrinaġġ annwali lejn il-knisja? Jew huwa l-imħabba, il-burdata tajba, u l-għoti tar-rigali li jqanqal lil ħafna biex ikunu ġenerużi? Huwa t-trankwillità li taħkem fuq il-front tal-battalja waqt li s-suldati josservaw xi ftit jiem taʼ “paċi fuq l-art”?
Ħaġa tal-iskantament, l-ispirtu tal-Milied taʼ spiss jonqos li jġib paċi saħansitra fil-familja. Skond stħarriġ fl-Ingilterra fl-1987, ġie stmat li ‘gwerra ċivili’ kellha tibda f’70 fil-mija tad-djar Britanniċi matul il-Milied dik is-sena. Ġlied fuq il-flus ikun il-kaġun prinċipali. Li jixorbu żżejjed u li ma jwettqux dmirhom fil-familja wkoll iwassal għall-ġlied.
“Min jaf jekk aħniex nimmissjaw xi ħaġa dwar il-vera tifsira tal-Milied,” kiteb wieħed mill-Punent li jgħix fil-Ġappun u li żar lil daru matul l-istaġun tal-Milied dan l-aħħar.” Kull 25 taʼ Diċembru, jien inħoss l-istess nostalġija biex nerġaʼ lura lejn kif konna nagħmlu l-Milied dari—iċ-ċerimonja pagana li kienet tiċċelebra l-iqsar jum tax-xitwa billi jiġu adorati s-siġar u festi taʼ tbaħrid. Xorta għad għandna t-tiżjin pagan—il-mistletoe, il-holly, is-siġar taċ-ċipress u affarijiet bħal dawn— imma b’xi mod il-Milied qatt ma kien l-istess mindu ġie misruq mill-Kristjani u mdawwar f’festa reliġjuża.”
Bla dubju, il-Milied huwa festa pagana. Il-Kristjani tal-bidu ma kinux jiċċelebrawh “għaliex huma kkunsidraw iċ-ċelebrazzjoni tat-twelid taʼ kwalunkwe bniedem bħala drawwa pagana,” tgħid The World Book Encyclopedia. Il-festi pagani tas-Saturnalia u tas-Sena l-Ġdida huma s-sors tax-xalar u tat-tpartit taʼ rigali.
Jekk il-Milied huwa essenzjalment pagan, il-Kristjani ġenwini jridu jistaqsu l-mistoqsija, Huwa l-Milied għall-Kristjani? Ejjew naraw xi tgħid il-Bibbja dwar iċ-ċelebrazzjoni taʼ għeluq snin Kristu.