Kapitlu 7
Dak li Nitgħallmu mill-Fatt li Alla Jippermetti l-Ħażen
1. (a) Kieku Jehovah wettaq esekuzzjoni fil-pront fuq ir-ribelli f’Għeden, dak kif kien jeffettwana? (b) Minflok, Jehovah liema provvedimenti taʼ mħabba għamel disponibbli għalina?
MINKEJJA d-diffikultajiet li jistgħu jiġu fuqna fil-ħajja, il-fatt li twelidna ma kienx każ taʼ inġustizzja min-naħa t’Alla. Hu żejjen lill-ewwel bnedmin bil-perfezzjoni u tahom il-Ġenna bħala d-dar tagħhom. Li kieku minnufih wettaq esekuzzjoni fuqhom wara li rribellaw, ma kien ikun hemm ebda razza umana bħalma nafuha aħna bil-mard, il-faqar u l-kriminalità tagħha. Bil-ħniena kollha, madankollu, Jehovah ippermetta lil Adam u Eva jifformaw familja qabel ma mietu, avolja dawn kienu se jirtu l-imperfezzjoni. Permezz taʼ Kristu hu għamel provvediment għal dawk mid-dixxendenti t’Adam li jeżerċitaw fidi sabiex ikollhom dak li Adam kien tilef—ħajja eterna taħt ċirkostanzi li kellhom jagħmlu possibbli l-akbar tgawdija tal-ħajja.—Dewt. 32:4, 5; Ġwn. 10:10.
2. Dan kollu sar biss għas-salvazzjoni tagħna?
2 Il-benefiċċji taʼ dan għalina personalment huma bla qies. Imma mir-rakkont tal-Bibbja nitgħallmu li xi ħaġa bil-wisq iktar sinjifikanti mis-salvazzjoni persunali tagħna kienet involuta.
MINĦABBA L-ISEM KBIR TIEGĦU
3. X’kien hemm fin-nofs f’konnessjoni mat-twettiq taʼ l-iskop taʼ Jehovah għall-art u għall-umanità?
3 L-isem taʼ Jehovah, ir-reputazzjoni tiegħu bħala s-Sovran Universali u dak Alla tal-verità, kien involut fit-twettiq taʼ l-iskop tiegħu rigward l-art u l-umanità. Minħabba l-pożizzjoni taʼ Jehovah, il-paċi u l-benesseri taʼ l-univers kollu jeħtieġu li ismu jiġi mogħti r-rispett kollu li jixraqlu u li kulħadd ikun ubbidjenti lejh.
4. X’kien jinkludi eżattament dak l-iskop?
4 Wara li ħalaq lil Adam u Eva, tahom inkarigu x’iwettqu. Għamilha ċara li l-iskop tiegħu ma kienx biss li jrażżnu l-art kollha, u b’hekk jestendu t-trufijiet tal-Ġenna, imma biex jippopolawha b’dixxendenti taʼ l-ewwel raġel u mara, Adam u Eva. (Ġen. 1:28) Kien dan l-iskop se jfalli minħabba d-dnub tagħhom u jirriżulta fi tmaqdir fuq l-isem t’Alla?
5. (a) Skond Ġenesi 2:17, kwalunkwe wieħed li jiekol mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin meta kellu jmut? (b) Dan kif wettqu Jehovah, fil-waqt li rrispetta wkoll l-iskop tiegħu rigward l-ippopolar taʼ l-art?
5 Jehovah kien wissa lil Adam li jekk b’diżubbidjenza jiekol mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin hu kien se jmut pożittivament “fil-jum” li jiekol minnha. (Ġen. 2:17) Fi qbil mal-kelma t’Alla, f’dak l-istess jum li Adam dineb Jehovah sejjaħ lil dawk li kienu dinbu għar-rendikont u ppronunzja s-sentenza tal-mewt. Il-kastig kien wieħed li ma setgħux jaħarbu minnu. B’mod ġudizzjarju, mill-ħarsa t’Alla, Adam u Eva mietu f’dak il-jum. (Qabbel Luqa 20:37, 38.) Imma sabiex iwettaq l-iskop mistqarr tiegħu stess dwar l-ippopolar taʼ l-art, Jehovah ippermettielhom jipproduċu familja qabel ma mietu litteralment. Minkejja dan, mill-ħarsa t’Alla li jqis 1,000 sena bħala jum wieħed, meta l-ħajja t’Adam intemmet fl-età taʼ 930 sena, dan kien f’“jum” wieħed. (Ġen. 5:3-5; qabbel Salm 90:4; 2 Pietru 3:8.) B’hekk il-fatt li Jehovah dejjem jgħid il-verità ġie appoġġjat inkwantu għaż-żmien meta l-kastig kellu jiġi esegwit, u l-iskop tiegħu li jippopola l-art bin-nisel t’Adam ma ġiex imxejjen. Imma dan kien ifisser li, għal xi żmien, nies midinbin tħallew jgħixu.
6, 7. (a) Eżodu 9:15, 16 x’jindika dwar għala Jehovah jippermetti lil uħud mill-agħar biex jibqgħu għal xi żmien? (b) Fil-każ taʼ Farawni, kif ġiet murija l-qawwa taʼ Jehovah u Ismu kif sar magħruf? (ċ) Mela x’se jkun ir-riżultat fit-tmiem taʼ din is-sistema mill-agħar preżenti?
6 Dak li Jehovah qal lill-ħakkiem taʼ l-Eġittu fi żmien Mosè jkompli jindika għala Alla ppermetta li wħud mill-agħar ikomplu jeżistu għal xi żmien. Meta Farawni pprojbixxa t-tluq taʼ wlied Iżrael mill-Eġittu, Jehovah ma darbux immedjatament. Għaxar kastigi ġew fuq il-pajjiż, li wrew il-qawwa taʼ Jehovah f’modi diversi u taʼ l-għaġeb. Meta ta t-twissija għas-sebaʼ wieħed, Jehovah qal lil Farawni li setaʼ faċilment jelimina lil Farawni u lill-poplu tiegħu minn fuq wiċċ l-art. “Imma, fil-fatt,” qal Jehovah, “għal din ir-raġuni ħallejtek teżisti, bil-għan li nurik il-qawwa tiegħi u sabiex ikolli ismi ddikjarat maʼ l-art kollha.”—Eżo. 9:15, 16.
7 Meta Jehovah ħeles lil Iżrael, ismu tabilħaqq ġie li jkun magħruf sew. Illum, kważi 3,500 sena wara, dak li għamel ma ntesiex. Mhux biss kien iddikjarat l-isem persunali taʼ Jehovah imma wkoll il-verità dwar il-Wieħed li jġorr dak l-isem. Dan stabbilixxa r-reputazzjoni taʼ Jehovah bħala Alla li jżomm il-patti tiegħu u li jieħu azzjoni għan-nom tal-qaddejja tiegħu. Dan wera li minħabba l-qawwa tiegħu li tistaʼ kollox xejn ma jistaʼ jfixkel l-iskop tiegħu. Saħansitra iktar impressjonanti se tkun il-qerda li ġejja tas-sistema mill-agħar kollha kemm hi, viżibbli u inviżibbli. Dik il-wirja taʼ qawwa li tistaʼ kollox u l-glorja li ġġib għall-isem taʼ Jehovah qatt ma se tintesa fl-istorja universali. Il-benefiċċji tagħha se jkunu bla tmiem!—Eżek. 38:23; Riv. 19:1, 2.
‘O L-PROFONDITÀ TAʼ L-GĦERF T’ALLA!’
8. Pawlu jħeġġiġna nikkunsidraw liema fatturi oħrajn?
8 Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, l-appostlu Pawlu jqajjem il-mistoqsija: “Hemm l-inġustizzja m’Alla?” Imbagħad iwieġeb billi jenfasizza l-ħniena t’Alla billi jirreferi għal dak li Jehovah qal lil Farawni. Ukoll iġib quddiem moħħna l-fatt li aħna l-bnedmin qisna tafal f’idejn il-fuħħari. Jilmenta t-tafal dwar l-użu li jingħatalu? Pawlu jżid: “Jekk, issa, Alla, għalkemm għandu r-rieda li juri l-korla tiegħu u li jagħmel il-qawwa tiegħu magħrufa, ittollera b’ħafna sabar fit-tul lil reċipjenti taʼ korla li jixirqilhom il-qerda, sabiex jagħmel magħrufin ir-rikkezzi tal-glorja tiegħu fuq reċipjenti taʼ ħniena, li hu ħejja minn qabel għall-glorja, jiġifieri, lilna, li sejħilna mhux biss minn fost il-Lhud imma wkoll minn fost il-ġnus, b’daqshekk?”—Rum. 9:14-24.
9. (a) Min huma r-“reċipjenti taʼ korla li jixirqilhom il-qerda”? (b) Jehovah għala wera sabar fit-tul kbir minkejja l-ostilità tagħhom, u r-riżultat finali kif se jkun għall-ġid taʼ dawk li jħobbuh?
9 Minn mindu Jehovah għamel l-istqarrija profetika ddokumentata f’Ġenesi 3:15, Satana u ż-żerriegħa tiegħu kienu u għadhom ir-“reċipjenti taʼ korla li jixirqilhom il-qerda.” Matul dak iż-żmien kollu Jehovah eżerċita s-sabar fit-tul. Dawk mill-agħar irredikolaw il-mogħdijiet tiegħu; ippersegwitaw lill-qaddejja tiegħu, saħansitra qatlu lil Ibnu. Imma Jehovah wera rażna kbira, għall-benefiċċju dejjiemi tal-qaddejja tiegħu. Il-ħolqien kollu kellu l-opportunità li jara r-riżultati diżastrużi taʼ rvell kontra Alla. Fl-istess ħin, il-mewt taʼ Ġesù pprovdiet il-mezz taʼ ħelsien għall-umanità ubbidjenti u għat-‘tifrik tax-xogħlijiet tax-Xitan.’—1 Ġwn. 3:8; Eb. 2:14, 15.
10. Jehovah għala baqaʼ jittollera lil uħud mill-agħar matul dawn l-aħħar 1,900 sena?
10 Matul iktar minn 1,900 sena mill-irxoxt taʼ Ġesù ’l hawn Jehovah kompla jittollera lir-“reċipjenti taʼ korla,” billi jżomm lura l-qerda tagħhom. Għala? Għaliex kien qiegħed iħejji l-parti sekondarja taż-żerriegħa tal-mara, dawk li se jkunu assoċjati maʼ Ġesù Kristu fis-saltna tiegħu tas-sema. (Gal. 3:29) Dawn l-uħud, 144,000 fin-numru, huma r-“reċipjenti taʼ ħniena” li tkellem dwarhom l-appostlu Pawlu. L-ewwelnett, individwi minn fost il-Lhud ġew mistednin biex jifformaw din il-klassi. Imbagħad magħhom żdiedu s-Samaritani ċirkonċiżi u, finalment, nies mill-ġnus Ġentili. B’ħafna sabar fit-tul Jehovah ħaddem l-iskop tiegħu, billi ma sforza lil ħadd biex jaqdih, imma tefaʼ barkiet grandjużi fuq dawk li wieġbu b’apprezzament għall-provvedimenti taʼ mħabba tiegħu. Issa t-tħejjija taʼ dik il-klassi tas-sema hija kważi kompleta.
11. Liema grupp ieħor qiegħed issa jibbenefika mis-sabar fit-tul taʼ Jehovah?
11 Imma xi ngħidu dwar abitanti għall-art? Fiż-żmien stabbilit t’Alla biljuni se jiġu rxoxtati bħala sudditi fuq l-art tas-Saltna. Ukoll, partikolarment mill-1935 E.K. ’l hawn is-sabar fit-tul taʼ Jehovah għamel possibbli l-ġbir flimkien taʼ “folla kbira” mill-ġnus kollha bi prospett għas-salvazzjoni tagħhom.—Riv. 7:9, 10; Ġwn. 10:16.
12. (a) Bħala riżultat, x’tgħallimna dwar Jehovah innifsu? (b) Kif tirreaġixxi int għall-mod kif Jehovah immaniġġja dawn il-kwistjonijiet?
12 Kien hemm xi inġustizzja f’dan kollu? Ċertament li le! Jekk Alla jżomm lura l-qerda taʼ wħud mill-agħar, ir-“reċipjenti taʼ korla,” sabiex jistaʼ juri mogħdrija lejn oħrajn f’armonija maʼ l-iskop tiegħu, kif qatt jistaʼ wieħed bir-raġun jilmenta? Minflok, waqt li nosservaw il-kxif taʼ l-iskop tiegħu, aħna nitgħallmu ħafna dwar Jehovah innifsu. Nimmeraviljaw bl-aspetti differenti tal-personalità tiegħu li feġġu—il-ġustizzja tiegħu, il-ħniena tiegħu, is-sabar fit-tul tiegħu, id-diversità taʼ l-għerf tiegħu. Il-mod għaqli kif Jehovah immaniġġja din il-kwistjoni se jkun miżmum għal dejjem bħala xiehda għall-fatt li l-mod kif jaħkem hu huwa l-aħjar. Maʼ l-appostlu Pawlu ngħidu: “O l-profondità tar-rikkezzi u taʼ l-għerf u taʼ l-għarfien t’Alla! Kemm ma jistgħux jiġu mfittxijin il-ġudizzji tiegħu u ma jistgħux jinstabu l-mogħdijiet tiegħu!”—Rum. 11:33.
L-OPPORTUNITÀ BIEX NURU D-DEVOZZJONI TAGĦNA
13. (a) Meta ngħaddu minn sofferenza persunali liema opportunità tiġi ppreżentata lilna? (b) X’se jgħinna biex inwieġbu b’mod għaqli?
13 Hemm sitwazzjonijiet li jinvolvu sofferenza persunali reali minħabba li Alla għadu ma qeridx lil uħud mill-agħar u ġab ir-restawrazzjoni mbassra taʼ l-umanità. X’inhi r-reazzjoni tagħna għal dan? Naraw fihom opportunitajiet biex nieħdu sehem f’li neħilsu lill-isem taʼ Jehovah mit-tmaqdir u f’li nagħtu prova li x-Xitan huwa giddieb? Nistgħu nkunu msaħħin bil-kbir biex nagħmlu hekk billi nżommu f’moħħna l-parir: “Kun għaref, ibni, u ġiegħel lil qalbi tithenna, biex inkun nistaʼ nagħti risposta lil dak li qiegħed jinbixni.” (Prov. 27:11) Satana, il-wieħed li jinbex lil Jehovah, allega li jekk in-nies iġarrbu telf materjali jew afflizzjoni fiżika se jwaħħlu f’Alla, saħansitra jisħtuh. (Ġob 1:9-11; 2:4, 5) Aħna nferrħu qalb Jehovah meta, bil-lealtà tagħna lejn Alla waqt li niffaċċjaw tbatijiet, nuru li dan m’huwiex veru fil-każ tagħna. Għandna fiduċja sħiħa li Jehovah għandu affezzjoni tenera għall-qaddejja tiegħu u li, bħal fil-każ taʼ Ġob, fiż-żmien xieraq Jehovah se jippremjana ġenerożament jekk nagħtu prova li aħna leali.—Ġak. 5:11; Ġob 42:10-16.
14. Jekk aħna nistrieħu fuq Jehovah meta ngħaddu minn tiġrib, liema benefiċċji oħrajn jistgħu jaslu għandna?
14 Jekk b’fiduċja nistrieħu fuq Jehovah meta nġarrbu provi li jnikktuna, nistgħu niżviluppaw kwalitajiet imprezzabbli. Bħala riżultat taʼ l-affarijiet li sofra Ġesù, hu “tgħallem l-ubbidjenza” b’tali mod li qatt ma kien jaf qabel. Aħna, ukoll, nistgħu nitgħallmu—billi nikkultivaw sabar fit-tul, issaportar u apprezzament iktar profond lejn il-mogħdijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah. Se naċċettaw aħna bil-paċenzja dak it-taħriġ?—Eb. 5:8, 9; 12:11; Ġak. 1:2-4.
15. Waqt li bil-paċenzja nissaportu t-tbatija, kif jistgħu oħrajn jibbenefikaw?
15 Oħrajn se josservaw dak li nagħmlu. Minħabba dak li nġarrbu sforz l-imħabba tagħna lejn it-tjieba, maż-żmien uħud minnhom jistgħu jsiru japprezzaw min tassew huma ‘ħut’ Kristu llum, u billi jingħaqdu maʼ ‘ħutu’ fil-qima jistgħu jiksbu post għall-barkiet taʼ ħajja eterna. (Matt. 25:34-36, 40, 46) Jehovah u Ibnu jriduhom jieħdu dik l-opportunità. Irriduhom aħna? Lesti li nġarrbu t-tbatija sabiex dan ikun possibbli?
16. Il-ħarsa tagħna lejn tbatija persunali bħal din kif inhi relatata mal-kwistjoni t’unità?
16 Kemm hija ħaġa sabiħa meta nħarsu b’dan il-mod saħansitra lejn sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja bħala opportunitajiet biex nuru d-devozzjoni lejn Jehovah kif ukoll f’li nieħdu sehem fit-twettiq tar-rieda tiegħu! Li nagħmlu hekk jistaʼ jagħti prova li aħna tabilħaqq qegħdin nimxu lejn l-unità m’Alla u Kristu li għaliha Ġesù talab għan-nom tal-veri Kristjani kollha.—Ġwn. 17:20, 21.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Waqt li ppermetta l-ħażen, Jehovah kif wera b’mod xieraq rispett kbir lejn ismu stess?
● Li Jehovah ittollera r-“reċipjenti taʼ korla” kif ippermetta li l-ħniena tiegħu tasal saħansitra sa żmienna?
● X’għandna nirsistu li naraw f’sitwazzjonijiet li jinvolvu sofferenza li nesperjenzaw aħna personalment?