LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 5/15 pp. 3-8
  • Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SATANA HU QAWWI
  • SATANA HU KATTIV
  • SATANA HU QARRIEQ
  • Kun af lill-għadu tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Min Hu X-Xitan?
    Alla X’Jirrikjedi Minna?
  • Satana
    Stenbaħ!—2013
  • Min Huma l-Għedewwa t’Alla?
    Int Tistaʼ Tkun il-Ħabib t’Alla!
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 5/15 pp. 3-8
Pubblikatur tas-Saltna juri fuljett lil żewġt irġiel; tpinġija taʼ ljun jgħajjat li qiegħed maġenbhom

Oqgħod għassa—Satana jrid jibilgħek!

“Oqogħdu għassa. L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.”—1 PIETRU 5:8.

SATANA KIF WERA LI HU . . .

  • qawwi?

  • kattiv?

  • qarrieq?

1. Spjega kif anġlu sar Satana.

XI DARBA kellu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova. Imma iktar tard, dan l-​anġlu, li kien ħliqa spirtu, ried lin-​nies iqimuh. Minflok ma rrifjuta malajr malajr din ix-​xewqa ħażina, hu ppermetta lil din ix-​xewqa tikber sakemm dineb. (Ġakbu 1:14, 15) Ma nafux x’kien jismu fil-​bidu, imma aħna nafuh bħala Satana. Hu “ma żammx sħiħ fil-​verità.” Hu rribella kontra Ġeħova u sar “missier il-​gidba.”—Ġwanni 8:44.

2, 3. Il-​kliem “Satana,” “Xitan,” “serp,” u “dragun,” x’juru dwar l-​akbar għadu taʼ Ġeħova?

2 Minn mindu rribella, Satana sar l-​akbar għadu taʼ Ġeħova u għadu tan-​nies kollha. Aħna nistgħu naraw kemm verament Satana hu ħażin billi naraw kif tiddeskrivih il-​Bibbja. Satana jfisser “Wieħed li jopponi,” u dan juri li hu anġlu mill-​agħar li jobgħod it-​tmexxija t’Alla u li l-​ħin kollu qed jiġġildilha bil-​qawwa kollha tiegħu. Dak li verament Satana jrid hu t-​tmiem tat-​tmexxija taʼ Ġeħova.

3 F’​Rivelazzjoni 12:9, Satana jiġi msejjaħ Xitan, li jfisser “Wieħed li jimmalafama.” Satana ddiżonora ’l Alla billi sejjaħlu giddieb. Il-​kliem “is-​serp oriġinali” jfakkarna kif Satana għamel użu minn serp biex iqarraq b’Eva. L-​espressjoni “d-​dragun il-​kbir” ukoll hi deskrizzjoni tajba taʼ Satana. Hu feroċi, kattiv, u mill-​agħar. Hu jrid iwaqqaf l-​iskop taʼ Ġeħova milli jseħħ u jeqred lin-​nies t’Alla.

4. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

4 B’mod ċar, l-​ikbar periklu għall-​integrità tagħna hu Satana nnifsu. Mhux taʼ b’xejn li l-​Bibbja twissina: “Ibqgħu f’sensikom, oqogħdu għassa. L-​avversarju tagħkom, ix-​Xitan, iħuf bħal iljun jgħajjat, jipprova jiblaʼ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8) Għaldaqstant, dan l-​artiklu se jiddiskuti tliet kwalitajiet taʼ Satana li juru għala għandna bżonn nipproteġu lilna nfusna minn dan l-​għadu mill-​agħar taʼ Ġeħova u tan-​nies Tiegħu.

SATANA HU QAWWI

5, 6. (a) Agħti eżempji li juru li l-​anġli huma “setgħanin fil-​qawwa.” (b) F’liema sens Satana “jistaʼ jikkaġuna l-​mewt”?

5 L-​anġli huma “setgħanin fil-​qawwa.” (Salm 103:20) Huma iktar intelliġenti u iktar b’saħħithom min-​nies. M’għandniex xi ngħidu, anġli leali jużaw il-​qawwa tagħhom biex jagħmlu affarijiet tajba. Pereżempju, wieħed mill-​anġli qatel 185,000 suldat Assirjan li kienu l-​għedewwa taʼ Ġeħova. Dan kien ikun impossibbli biex isir minn bniedem waħdu u saħansitra diffiċli għal armata sħiħa. (2 Slaten 19:35) Darb’oħra, anġlu uża l-​abbiltajiet u l-​qawwa tiegħu biex jeħles l-​appostli taʼ Ġesù mill-​ħabs. Għalkemm kien hemm l-​għassiesa fil-​viċin, ma nnotawx li l-​anġlu fetaħ il-​bibien, ħareġ lill-​appostli, u mbagħad reġaʼ sakkar il-​bibien warajhom!—Atti 5:18-23.

6 L-​anġli leali jużaw il-​qawwa biex jagħmlu affarijiet tajba, iżda Satana juża l-​qawwa biex jagħmel affarijiet mill-​agħar. U Satana żgur li għandu qawwa u influwenza kbira. Il-​Bibbja tirreferi għalih bħala “l-​ħakkiem taʼ din id-​dinja” u “l-​alla taʼ din is-​sistema.” (Ġwanni 12:31; 2 Korintin 4:4) Barra minn hekk, Satana “jistaʼ jikkaġuna l-​mewt.” (Ebrej 2:14) Dan ma jfissirx li joqtol lin-​nies kollha direttament. Allura xi jfisser? L-​ewwel nett, din id-​dinja hi mimlija bl-​attitudni taʼ Satana—attitudni taʼ mibegħda u vjolenza. It-​tieni nett, minħabba li Eva emmnet il-​gidba taʼ Satana u Adam m’obdiex ’l Alla, in-​nies kollha jidinbu u jmutu. (Rumani 5:12) Satana hu “qattiel.” Dan hu fi qbil maʼ kif sejjaħlu Ġesù. (Ġwanni 8:44) Satana, bħala għadu, huwa verament qawwi.

Mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova, qatt ma nkunu nistgħu nirbħu l-​ġlieda tagħna kontra Satana

7. Id-​demonji kif urew li huma qawwijin?

7 Meta niħduha kontra Satana, inkunu wkoll qed niħduha kontra dawk kollha li jappoġġawh u li jirribellaw kontra t-​tmexxija t’Alla. Dan jinkludi grupp kbir t’anġli li rribellaw bħal Satana u li jissejħu demonji. (Rivelazzjoni 12:3, 4) Ħafna drabi wrew li huma ħafna iktar b’saħħithom min-​nies, u ġegħluhom isofru ħafna. (Mattew 8:28-​32; Marku 5:1-​5) Qatt tinsa kemm verament huma qawwijin id-​demonji u l-​ħakkiem tagħhom. (Mattew 9:34) Mingħajr l-​għajnuna taʼ Ġeħova, qatt ma nkunu nistgħu nirbħu l-​ġlieda tagħna kontra Satana.

SATANA HU KATTIV

8. (a) X’inhu l-​iskop taʼ Satana? (Ara l-​ewwel stampa.) (b) Minn dak li rajt, din id-​dinja kif inhi kattiva bħal Satana?

8 L-​appostlu Pietru qabbel lil Satana maʼ “ljun jgħajjat.” Ktieb taʼ referenza jispjega li l-​kelma tradotta mill-​Grieg “jgħajjat” tfisser “l-​għajta t’annimal meta jkollu ħafna ġuħ.” Kemm hi deskrizzjoni tajba tal-​attitudni kattiva u mill-​agħar taʼ Satana! Hu diġà jikkontrolla d-​dinja kollha, madankollu dan mhuwiex biżżejjed għalih. Satana hu bħal iljun bil-​ġuħ, lest biex jiblaʼ iktar vittmi. (1 Ġwanni 5:19) Il-​miri prinċipali tiegħu huma l-​midlukin li għadhom fuq l-​art, li magħhom hemm in-​“nagħaġ oħrajn.” (Ġwanni 10:16; Rivelazzjoni 12:17) L-​iskop taʼ Satana hu li jeqred in-​nies taʼ Ġeħova. Il-​persekuzzjoni tal-​Kristjani veri mill-​ewwel seklu s’issa tagħti prova kemm Satana hu kattiv.

9, 10. (a) Satana kif attakka l-​ġens t’Iżrael? (Agħti eżempji.) (b) Satana għala kellu raġuni speċjali biex jimmira l-​attakki tiegħu kontra Iżrael tal-​qedem? (ċ) Kif taħseb li jħossu x-​Xitan meta xi ħadd mill-​qaddejja t’Alla jagħmel dnub serju llum?

9 Satana wera l-​kattiverija tiegħu b’mod ieħor. Iljun bil-​ġuħ ma jiddispjaċihx għall-​annimal li jaqbad. Ma jħoss l-​ebda mogħdrija qabel joqtlu u ma jiddispjaċihx wara li joqtlu. B’mod simili, Satana ma jħoss l-​ebda mogħdrija għal dawk li jattakka. Pereżempju, kif taħseb li Satana ħassu kull meta l-​Iżraelin waqgħu fid-​dnub, bħall-​immoralità sesswali u r-​regħba, jiġifieri li wieħed dejjem ikun irid? Tistaʼ timmaġina kemm ħa pjaċir Satana meta ra li rebaħ hekk kif ra r-​riżultat traġiku tal-​immoralità taʼ Żimri u tar-​regħba taʼ Geħażi?—Numri 25:6-8, 14, 15; 2 Slaten 5:20-27.

Raġel qed jara stampi mhux xierqa fuq il-kompjuter billejl; tpinġija taʼ ljun kbir li qed jitbissem fil-kamra

Satana jkun ferħan se jtir meta jara lil xi ħadd mill-qaddejja taʼ Ġeħova jagħmel dnub serju (Ara paragrafu 10)

10 Satana kellu raġuni speċjali biex jimmira l-​attakki tiegħu kontra Iżrael tal-​qedem. Ftakar li l-​Messija kellu jiġi minn dan il-​ġens, u kellu jkun il-​wieħed li jisħaq ras Satana u jagħti prova li Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi. (Ġenesi 3:15) Satana ma riedx li l-​Iżraelin ikollhom l-​approvazzjoni t’Alla, u allura għamel kulma setaʼ biex iwaqqagħhom fid-​dnub. Taħsibx li Satana ddispjaċieh għal David talli għamel adulterju. Taħsibx li ġietu xi ħasra minn Mosè talli tilef l-​opportunità li jidħol fl-​Art Imwiegħda. Anzi, Satana jkun ferħan se jtir meta jara lil xi ħadd mill-​qaddejja t’Alla jagħmel dnub serju. Fil-​fatt, ix-​Xitan juża rebħiet bħal dawn biex jgħajjar lil Ġeħova.—Proverbji 27:11.

11. Satana għala probabbilment ħajjar lil Sara?

11 Satana kien jobgħod b’mod partikulari l-​antenati tal-​Messija. Pereżempju, aħseb dwar x’ġara wara li Ġeħova qal lil Abraham li kellu jsir “ġens kbir.” (Ġenesi 12:1-​3) Waqt li Abraham u Sara kienu l-​Eġittu, il-​Fargħun ħa lil Sara d-​dar tiegħu u riedha ssir il-​mara tiegħu. Però, Ġeħova pproteġa lil Sara u ħelisha minn din is-​sitwazzjoni diffiċli. (Aqra Ġenesi 12:14-​20.) Xi ħaġa simili ġrat fil-​belt taʼ Gerar qabel ma twieled Iżakk. (Ġenesi 20:1-​7) Huwa possibbli li Satana kien responsabbli għal dawn is-​sitwazzjonijiet? Ftakar li Sara kienet ħalliet il-​belt sinjura taʼ Ur biex tmur tgħix fit-​tined. Allura, ittama Satana li jħajjarha bil-​palazzi lussużi tal-​Fargħun u Abimelek? Ħaseb Satana li hi kienet se tittradixxi lil żewġha u saħansitra lil Ġeħova billi tiżżewweġ wieħed minn dawn is-​slaten? Il-​Bibbja ma tgħidx, imma hemm probabbiltà kbira li x-​Xitan kien ikun ferħan ħafna li kieku Sara tilfet l-​opportunità li ssir waħda mill-​antenati tal-​Messija. Satana ma kien se jiddispjaċih xejn li kieku ż-​żwieġ taʼ din il-​mara tajba, ir-​reputazzjoni tagħha, u r-​relazzjoni li għandha maʼ Ġeħova jinġiebu fix-​xejn. Kemm hu kattiv u mill-​agħar Satana!

Satana ma jħabbilx rasu dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin

12, 13. (a) Satana kif wera li hu kattiv wara li twieled Ġesù? (b) Kif taħseb li jħossu Satana dwar iż-​żgħażagħ u t-​tfal li jħobbu lil Ġeħova u li qed jipprovaw jaqdu Lilu llum?

12 Ġesù twieled mijiet taʼ snin wara Abraham. Taħsibx li Satana qies lil din it-​tarbija bħala sabiħa jew gustuża. Satana kien jaf li din it-​tarbija se tikber u ssir il-​Messija mwiegħed. Ġesù kien il-​parti prinċipali tan-​nisel t’Abraham, u iktar tard kellu “jkisser l-​għemejjel tax-​Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Kien Satana se jaħseb li jekk joqtol tarbija kien se jkun kattiv wisq? Le. Hu mhux ħa jħabbel rasu dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. U hu aġixxa mill-​ewwel biex jipprova joqtol lil Ġesù bħala tarbija. Kif?

13 Meta s-​Sultan Erodi semaʼ mingħand l-​astrologi li “s-​sultan tal-​Lhud” twieled, is-​sultan irrabja ħafna u ried joqtol it-​tarbija. (Mattew 2:1-​3, 13) Għaldaqstant, hu ta l-​ordni biex jiġu maqtulin is-​subien kollha li kellhom sentejn jew inqas f’Betlem u fid-​distretti tagħha. (Aqra Mattew 2:13-​18.) Ġesù rnexxielu jibqaʼ ħaj minkejja din il-​qatla terribbli, imma dan x’jgħidilna dwar l-​għadu tagħna Satana? Għax-​Xitan, il-​ħajja tal-​bniedem ma tiswa xejn. Lanqas biss jimpurtah mit-​tfal. M’hemm ebda dubju li Satana hu ‘ljun li qed jgħajjat.’ Qatt tinsa kemm hu kattiv!

SATANA HU QARRIEQ

14, 15. Satana kif “għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux”?

14 L-​uniku mod kif Satana jistaʼ jdawwar lin-​nies kontra Alla tagħna kollu mħabba, Ġeħova, hu billi jqarraq bihom. (1 Ġwanni 4:8) Satana jqarraq bin-​nies ħalli ma jkunux “konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom,” jiġifieri biex ma jirrealizzawx li għandhom bżonn relazzjoni m’Alla. (Mattew 5:3) Ix-​Xitan “għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux” ħalli ma jkunux jistgħu jaraw il-​verità dwar Ġeħova.—2 Korintin 4:4.

15 Wieħed mill-​akbar modi kif Satana jqarraq bin-​nies hu permezz tar-​reliġjon falza. Hu jaf li Ġeħova ‘jesiġi devozzjoni esklużiva.’ (Eżodu 20:5) Allura immaġina kemm Satana jieħu pjaċir meta jara lin-​nies iqimu l-​antenati tagħhom jew in-​natura jew l-​annimali, jiġifieri jkun xi jkun basta mhux lil Ġeħova. B’dispjaċir, anki ħafna minn dawk li jaħsbu li l-​qima tagħhom hi aċċettabbli għal Alla huma fil-​fatt ikkontrollati minn twemmin falz u ritwali mhux bżonjużi. L-​Iżraelin fi żmien Isaija kienu f’sitwazzjoni simili. Ġeħova saqsiehom: “Għalfejn tibqgħu tħallsu l-​flus għal dak li m’huwiex ħobż, u għala titħabtu għal dak li ma jġibx sodisfazzjon? Isimgħuni sew, u kulu dak li hu tajjeb, u ħa titgħaxxaq ferm ruħkom b’ikel rikk.”—Isaija 55:2.

Satana jistaʼ jqarraq saħansitra bil-​qaddejja żelużi taʼ Ġeħova

16, 17. (a) Ġesù għala qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, Satana”? (b) Satana kif jistaʼ jqarraq bina ħalli nieqfu milli nkunu għassa?

16 Satana jistaʼ jqarraq saħansitra bil-​qaddejja żelużi taʼ Ġeħova. Pereżempju, aħseb x’ġara meta Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li dalwaqt kien se jiġi maqtul. L-​appostlu Pietru, li kien iħobb lil Ġesù, qal: “Kun ħanin miegħek innifsek, Mulej; żgur li mhux se jiġrilek dan.” Ġesù qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, Satana!” (Mattew 16:22, 23) Għala Ġesù lil Pietru sejjaħlu “Satana”? Għax Ġesù kien jaf x’kien se jiġri dalwaqt. Kien qed joqrob iż-​żmien biex Ġesù jmut bħala s-​sagrifiċċju tal-​fidwa u biex jagħti prova li x-​Xitan hu giddieb. Dan kien żmien kritiku fl-​istorja tal-​bniedem u mhux iż-​żmien għal Ġesù biex ikun “ħanin” miegħu nnifsu. Satana kien jitgħaxxaq li kieku Ġesù waqaf milli jkun għassa.

17 It-​tmiem taʼ din is-​sistema hu qrib, allura anki aħna qed ngħixu fi żminijiet kritiċi. Satana jridna nuru ‘ħniena’ magħna nfusna billi nkunu moħħna f’li jkollna suċċess f’din id-​dinja. Iridna ninsew li qed ngħixu fl-​aħħar żminijiet u jridna nieqfu milli nkunu għassa. Tħallix dan jiġri lilek! Minflok, ‘ibqaʼ għassa.’ (Mattew 24:42) Qatt temmen il-​gidba taʼ Satana li t-​tmiem hu fil-​bogħod jew li mhu ġej qatt.

18, 19. (a) Satana kif jistaʼ jipprova jqarraq bina u jġegħelna naħsbu li ma jixirqilniex l-​imħabba taʼ Ġeħova? (b) Ġeħova kif jgħinna nibqgħu għassa?

18 Satana jipprova jqarraq bina b’mod ieħor. Iridna nemmnu li ma jixirqilniex l-​imħabba taʼ Ġeħova u li Alla qatt ma jaħfer id-​dnubiet tagħna. Dan mhu xejn ħlief gideb minn Satana. Aħseb dwar dan, min verament ma jixraqlux l-​imħabba taʼ Ġeħova? Huwa Satana. Min hu dak li Alla mhu se jaħfirlu qatt? Huwa Satana. Imma l-​Bibbja taċċertana: “Alla mhux inġust biex jinsa għemilkom u l-​imħabba li wrejtu għal ismu.” (Ebrej 6:10) Ġeħova japprezza kulma nagħmlu biex nogħġbuh, u s-​servizz tagħna għalih qatt mhu għalxejn. (Aqra l-​1 Korintin 15:58.) Allura titqarrqux u temmnu l-​gideb taʼ Satana.

19 Bħalma rajna, Satana hu qawwi, kattiv, u qarrieq. Kif nistgħu nirbħu l-​ġlieda tagħna kontra għadu bħal dan? Ġeħova jagħtina l-​għajnuna. Il-​Kelma Tiegħu tgħallimna dwar il-​metodi taʼ Satana ħalli ‘l-​pjanijiet tiegħu nkunu nafuhom.’ (2 Korintin 2:11) Meta nifhmu l-​modi differenti taʼ kif Satana jattakkana, ikun eħfef għalina biex nibqgħu għassa. Imma li nkunu nafu bil-​metodi taʼ Satana mhuwiex biżżejjed. Il-​Bibbja tgħid: “Opponu lix-​Xitan, u hu jaħrab minnkom.” (Ġakbu 4:7) L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu niġġieldu lil Satana u nirbħulu fi tliet aspetti differenti.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Li nkunu għassa: Li nkunu attenti għall-​gideb li Satana jipprova jqarraqna bih. Pereżempju, Satana jridna nemmnu li m’aħniex ngħixu fl-​aħħar żminijiet u li Ġeħova ma jħobbniex

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja