“Ejjew Għandi, . . . U Jiena Nserraħkom”
Laqgħat li Jħajru għall-Imħabba u għall-Għemil Tajjeb
MINN Toronto sa Tokyo, minn Moska sa Montevideo—diversi drabi kull ġimgħa, miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah u l-ħbieb tagħhom imorru bi ħġarhom lejn il-postijiet tagħhom taʼ qima. Dawn l-individwi jinkludu rġiel taʼ familja li jaħdmu iebes u li jkunu għajjenin wara ġurnata twila taʼ xogħol; nisa u ommijiet biżlin flimkien maʼ wliedhom żgħar; żgħażagħ kollhom enerġija li jkunu qattgħu ġurnata l-iskola; xi wħud imdaħħlin fiż-żmien li forsi ma tantx jifilħu jimxu minħabba l-uġigħ li jkollhom; romol u orfni kuraġġużi; u wħud dipressi li għandhom bżonn il-faraġ.
Dawn ix-Xhieda taʼ Jehovah jużaw ħafna mezzi tat-trasport—minn ferroviji tal-passiġġieri li jiġru ħafna sa ħmir, minn ferroviji taʼ taħt l-art ippakkjati sa trakkijiet. Xi wħud iridu jgħaddu minn ġo xmajjar mimlijin bil-kukkudrilli, filwaqt li oħrajn iridu jħabbtu wiċċhom mal-ġenn tat-traffiku tal-bliet kbar. Għala jagħmlu daqshekk sforzi dawn in-nies?
L-ewwelnett, għax li jattendu u jipparteċipaw fil-laqgħat Kristjani huwa mod importanti kif iqimu lil Alla Jehovah. (Lhud 13:15) L-appostlu Pawlu rrefera għal raġuni oħra meta kiteb: “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-laqgħat tagħna flimkien, . . . agħmlu l-qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-Jum.” (Lhud 10:24, 25, korsiv tagħna.) Hawnhekk, Pawlu kien qed iħoss l-istess sentimenti tas-salmista David, li għanna: “Fraħt meta qaluli: ‘Sejrin f’dar il-Mulej!’”—Salm 122:1.
Għala jifirħu l-Kristjani meta jkunu preżenti fil-laqgħat tagħhom? Għax dawk li jattendu ma jkunux qed josservaw biss. Minflok, il-laqgħat jagħtuhom l-opportunitajiet li jsiru jafu lil xulxin. B’mod speċjali, dawn il-laqgħat jipprovdu okkażjonijiet biex ilkoll jagħtu, u mhux jirċievu biss, biex iħajru lil xulxin ħalli juru mħabba u jwettqu għemejjel tajbin. Dan jgħin biex il-laqgħat ikunu okkażjonijiet li jibnu. Iktar minn hekk, il-laqgħat Kristjani huma mod wieħed fejn Ġesù jwettaq il-wegħda tiegħu: “Ejjew għandi, . . . u jiena nserraħkom.”—Mattew 11:28.
Menqa taʼ Faraġ u Għajnuna
Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom raġunijiet validi biex iqisu l-laqgħat tagħhom bħala taʼ serħan. L-ewwelnett, fil-laqgħat jiġi servut l-ikel spiritwali fil-ħin u fil-waqt mill-ilsir leali u diskret. (Mattew 24:45) Il-laqgħat għandhom ukoll parti importanti biex lill-qaddejja taʼ Jehovah jagħmluhom għalliema tal-Kelma t’Alla tas-sengħa u żelużi. Iżjed minn hekk, fis-Sala tas-Saltna, wieħed jistaʼ jsib grupp taʼ ħbieb li jafu jħobbu, li jimpurtahom, u li jagħtu kas, li dejjem lesti u disposti li jgħinu u jfarrġu lil oħrajn fi żmien taʼ niket.—2 Korintin 7:5-7.
Din kienet l-esperjenza taʼ Phillis, armla li tilfet lil żewġha meta t-tfal tagħha kellhom waħda ħames snin u l-oħra tmien snin. Hi tiddeskrivi l-effett taʼ serħan li l-laqgħat Kristjani kellhom fuqha u fuq uliedha żgħar b’dan il-mod: “Kont inħoss faraġ kbir meta mmur is-Sala tas-Saltna għax l-aħwa dejjem urew li jħobbuni u li jimpurtahom minni. Dan għamluh b’sempliċi tgħanniqa, ħsieb Skritturali, jew għafsa taʼ l-id. Kien il-post li dejjem xtaqt inkun fih.”—1 Tessalonikin 5:14.
Wara li Marie għamlet operazzjoni kbira, it-tabib tagħha qalilha li kienet se ddum mill-inqas sitt ġimgħat biex tfiq. Matul l-ewwel ġimgħat tagħha meta kienet qed tirkupra, Marie ma setgħetx tattendi għal-laqgħat. It-tabib tagħha induna li ma kinitx ferriħija daqs qabel. Meta rrealizza li ma kinitx qed tattendi għal-laqgħat, hu inkuraġġieha biex tmur. Marie wiġbitu li żewġha, li ma kienx taʼ l-istess reliġjon, ma kienx se jħalliha tmur għal-laqgħat għax kien jibżaʼ li jiġrilha xi ħaġa. Għalhekk, it-tabib kiteb riċetta uffiċjali li fiha kien qed “jordna” lil Marie biex tmur is-Sala tas-Saltna għall-inkuraġġiment u s-sħubija li tibni. Marie tikkonkludi: “Wara li attendejt l-ewwel laqgħa, ħassejtni tant aħjar. Bdejt niekol, irqadt il-lejl kollu, ma kellix għalfejn nieħu pilloli għall-uġigħ taʼ spiss, u kont qed nerġaʼ nitbissem!”—Proverbji 16:24.
L-atmosfera kollha mħabba li jkun hemm fil-laqgħat Kristjani jinnotawha wkoll dawk taʼ barra. Studenta universitarja għażlet li tosserva lix-Xhieda taʼ Jehovah sabiex tikteb artiklu għall-kors tagħha taʼ l-etnoloġija (studju dwar id-differenzi bejn ir-razez). Rigward l-atmosfera fil-laqgħat, fl-artiklu tagħha kitbet: “Il-merħba mill-qalb li tawni . . . [kienet] tassew impressjonanti. . . . Il-ġentilezza tax-Xhieda taʼ Jehovah kienet kwalità li tassew tispikka u din inħoss hi l-iktar parti sinifikanti f’dan l-ambjent.”—1 Korintin 14:25.
F’din id-dinja mimlija inkwiet, il-kongregazzjoni Kristjana hija menqa spiritwali. Hija post taʼ paċi u mħabba. Meta tkun preżenti fil-laqgħat, int tistaʼ tesperjenza personalment il-verità tal-kliem tas-salmista: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien [“ħaġa waħda,” KŻ]!”—Salm 133:1.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 25]
JISSODISFAW BŻONN SPEĊJALI
Kif jistgħu dawk li huma neqsin mis-smigħ jibbenefikaw mil-laqgħat Kristjani? Madwar id-dinja, ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jifformaw kongregazzjonijiet tal-lingwa bis-sinjali. Matul dawn l-aħħar 13-il sena, fl-Istati Uniti ġew ifformati 27 kongregazzjoni tal-lingwa bis-sinjali kif ukoll 43 grupp tal-lingwa bis-sinjali. F’minn taʼ l-inqas 40 pajjiż ieħor, issa hemm madwar 140 kongregazzjoni tal-lingwa bis-sinjali. Ġew preparati xi pubblikazzjonijiet Kristjani fuq vidjos bi 13-il lingwa bis-sinjali.
Il-kongregazzjoni Kristjana toffri lit-torox l-opportunità li jfaħħru lil Jehovah. Odile, li kienet tgħix fi Franza u li qabel kienet Kattolika, tinsab grata ferm li rċiviet edukazzjoni mill-Bibbja fil-laqgħat Kristjani. Hi kienet issofri minn mumenti taʼ dipressjoni qawwija u ġieli ħasbet li tikkommetti suwiċidju. “Erġajt ksibt saħħti u l-ferħ li ngħix,” tgħid hi. “Imma fuq kollox, sibt il-verità. Issa għandi skop f’ħajti.”