L-Iktar Mistoqsija Importanti li Teżisti
“JISTAʼ jkun hemm mistoqsija iktar importanti fl-eżistenza kollha tal-bniedem minn ‘Hemm Alla?’” staqsa l-ġenetista Francis S. Collins. Hu jqajjem punt li fih il-ħsib. Jekk m’hemmx Alla, mela m’hemm l-ebda ħajja wara dik preżenti, l-ebda awtorità iktar għolja fuq kwistjonijiet morali.
Ir-raġuni għala xi nies jiddubitaw li Alla jeżisti hi għax ħafna xjenzati ma jemmnux fih. Madanakollu, opinjonijiet popolari xi kultant jistgħu jkunu żbaljati għall-aħħar, bħalma se juri l-artiklu li jmiss.
B’sogħba, ħafna mir-reliġjonijiet tad-dinja żiedu mal-konfużjoni billi għallmu affarijiet li jmorru kontra għarfien xjentifiku li hu stabbilit sew. Eżempju li jispikka taʼ dan hu t-twemmin mhux Bibliku li Alla ħalaq l-art f’sitt ijiem t’24 siegħa kull wieħed, xi eluf taʼ snin ilu.
Meta jiffaċċjaw dawn it-teoriji u l-filosofiji li ma jaqblux, ħafna jaqtgħu qalbhom ifittxu l-verità dwar l-eżistenza t’Alla. Imma x’jistaʼ jkun iktar taʼ siwi—u taʼ iktar valur—milli ssib tweġiba taʼ min joqgħod fuqha għal mistoqsija fundamentali bħal din? Ovvjament, ħadd minna ma ra lil Alla, u lanqas ma konna preżenti meta l-univers u l-ħajja bdew jeżistu. Allura, kemm jekk nemmnu f’Alla u kemm jekk le, l-opinjoni tagħna tinvolvi xi ftit tal-fidi. Imma x’tip taʼ fidi?
Fidi Vera Hija Bbażata fuq Evidenza Konkreta
Il-fidi—għandna kemm għandna minnha—hija parti importanti minn ħajjitna. Aħna naċċettaw impjieg u nistennew li nitħallsu. Niżirgħu l-uċuħ tar-rabaʼ bit-tama li ż-żerriegħa se tinbet. Nafdaw lil ħbiebna. U għandna fiduċja fil-liġijiet li hemm fl-univers. Din hi fidi informata, għax hi bbażata fuq l-evidenza. Bl-istess mod, il-fidi li Alla jeżisti hi bbażata fuq l-evidenza.
F’Ebrej 11:1, il-Bibbja tgħid: “Il-fidi hi . . . t-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” Verżjoni oħra tgħid: “Il-fidi . . . tagħmilna ċerti minn realtajiet li ma narawx.” (The New English Bible) Biex nagħtu eżempju: Tinsab miexi max-xatt meta f’daqqa waħda tħoss l-art titheżżeż. Imbagħad tara l-ilma jofrogħ. Int tinduna xi jfissru dawn il-fenomeni u li dawn iħabbru li ġej tsunami. F’dan il-każ, it-tregħid flimkien mal-ilma li sparixxa jifformaw “turija evidenti” tar-realtà li għadha ma tidhirx, il-mewġ li riesaq. Minħabba f’hekk, il-fidi informata tiegħek tqanqlek taħrab f’post għoli għas-sigurtà.
Il-fidi f’Alla wkoll għandha tkun fidi informata, xi ħaġa li tirriżulta minn evidenza konvinċenti. Hekk biss jistaʼ Alla jsir ‘realtà li ma tidhirx’ għalik. Hemm għalfejn tkun xjenzat biex teżamina u tiżen evidenza bħal din? Vladimir Prelog, li rebaħ il-Premju Nobel, stqarr li lanqas “dawk li rebħu l-Premju Nobel ma jafu iktar minn nies oħra dwar Alla, ir-reliġjon, u l-ħajja wara l-mewt.”
Qalb onesta u għatx għall-verità għandhom iqanqluk teżamina l-evidenza b’moħħ miftuħ u tħalli dik l-evidenza tmexxik fid-direzzjoni t-tajba. Liema evidenza hi disponibbli biex tiġi eżaminata?
[Stampa f’paġna 3]
Il-bidwi għandu l-fidi li ż-żerriegħa se tinbet u tikber