Wieġeb għall-Wegħdi t’Alla Billi Teżerċita l-Fidi
“Hu [Alla Jehovah] tana b’xejn il-wegħdi prezzjużi u grandjużi ferm.”—2 PIETRU 1:4.
1. X’igħinna biex neżerċitaw fidi vera?
JEHOVAH iridna neżerċitaw fidi fil-wegħdi tiegħu. Madankollu, “il-fidi mhix pussess tan-nies kollha.” (2 Tessalonkin 3:2) Din il-kwalità hija frotta tal-ispirtu qaddis, jew forza attiva, t’Alla. (Galatin 5:22, 23) Għaldaqstant, dawk biss li huma mmexxijin mill-ispirtu taʼ Jehovah jistgħu jeżerċitaw fidi.
2. L-appostlu Pawlu kif jiddefinixxi l-“fidi”?
2 Imma x’inhi l-fidi? L-appostlu Pawlu jsejħilha “t-turija evidenti taʼ realtajiet għalkemm ma jintlemħux.” L-evidenza taʼ dawn ir-realtajiet li ma jidhrux tant hi qawwija li l-fidi hi mkejla magħha. Il-fidi jintqal li hi wkoll “l-istennija assigurata taʼ affarijiet ittamati” għaliex dawk li jippossjedu din il-kwalità għandhom garanzija li dak kollu li wiegħed Alla Jehovah tant hu ċert illi hu bħal li kieku mwettaq.—Ebrej 11:1.
Il-Fidi u l-Wegħdi taʼ Jehovah
3. Kristjani midlukin x’se jġarrbu jekk jeżerċitaw fidi?
3 Biex nogħġbu lil Jehovah, irridu neżerċitaw fidi fil-wegħdi tiegħu. L-appostlu Pietru wera dan fit-tieni ittra mnebbħa tiegħu, miktuba madwar is-sena 64 E.K. Hu indika li jekk il-Kristjani midlukin sħabu jeżerċitaw fidi, kienu se jaraw it-twettieq tal-“wegħdi prezzjużi u grandjużi ferm” t’Alla. Bħala riżultat, kienu se ‘jsiru mxerkin fin-natura divina’ bħala werrieta sħab maʼ Ġesù Kristu fis-Saltna tas-sema. Bil-fidi u bil-għajnuna t’Alla Jehovah, kienu ħelsu milli jkunu fil-jasar għad-drawwiet u l-prattiċi korrotti taʼ din id-dinja. (2 Pietru 1:2-4) U aħseb ftit! Dawk li jeżerċitaw fidi vera jgawdu l-istess libertà imprezzabbli llum.
4. Liema kwalitajiet għandna nipprovdu lill-fidi tagħna?
4 Fidi fil-wegħdi taʼ Jehovah u gratitudni għal-libertà li tana Alla għandhom iqanqluna biex nagħmlu ħilitna kollha biex insiru Kristjani eżemplari. Pietru qal: “Billi tikkontribwixxu bi tweġiba l-isforz ħerqan kollu tagħkom, ipprovdu lill-fidi tagħkom virtù, lill-virtù tagħkom għarfien, lill-għarfien tagħkom kontroll fuqkom infuskom, lill-kontroll tagħkom fuqkom infuskom sabar, lis-sabar tagħkom devozzjoni lejn Alla, lid-devozzjoni tagħkom lejn Alla affezzjoni tal-aħwa, lill-affezzjoni tagħkom tal-aħwa mħabba.” (2 Pietru 1:5-7) Pietru b’hekk jagħtina lista li nagħmlu tajjeb li niftakruha bl-amment. Ejjew nagħtu daqqa t’għajn mill-qrib lejn dawn il-kwalitajiet.
Elementi Vitali tal-Fidi
5, 6. X’inhi l-virtù, u kif nistgħu nipprovduha lill-fidi tagħna?
5 Pietru qal li l-virtù, il-għarfien, il-kontroll fuqna nfusna, is-sabar, id-devozzjoni lejn Alla, l-affezzjoni tal-aħwa, u l-imħabba jridu jiġu pprovduti lil xulxin u lill-fidi tagħna. Irridu naħdmu iebes biex nagħmlu dawn il-kwalitajiet elementi vitali tal-fidi tagħna. Per eżempju, il-virtù m’hijiex kwalità li nistgħu nuru mingħajr ma jkollna fidi. Il-lessikografu W. E. Vine jindika li fit-2 Pietru 1:5, “il-virtù hija imponuta bħala kwalità essenzjali fl-eżerċizzju tal-fidi.” Kull waħda mill-kwalitajiet l-oħrajn li semma Pietru għandha tkun ukoll element tal-fidi tagħna.
6 L-ewwel, irridu nipprovdu virtù lill-fidi tagħna. Li tkun virtuż ifisser li tagħmel dak li hu tajjeb fil-ħarsa t’Alla. Għall-kelma Griega hawn tradotta “virtù,” xi verżjonijiet jużaw “tjubija.” (New International Version; The Jerusalem Bible; Today’s English Version) Il-virtù tqanqalna biex nevitaw li nagħmlu l-ħażin jew id-deni lil bnedmin sħabna. (Salm 97:10) Tinkuraġġixxi wkoll azzjoni kuraġġuża f’li nagħmlu t-tajjeb għall-benefiċċju spiritwali, fiżiku, u emozzjonali taʼ oħrajn.
7. Għala għandna nipprovdu l-għarfien mal-fidi tagħna u l-virtù?
7 Pietru għala jħeġġiġna biex nipprovdu għarfien mal-fidi tagħna u l-virtù? Sewwa, hekk kif niffaċċjaw sfidi ġodda għall-fidi tagħna, għandna bżonn għarfien jekk irridu niddistingwu t-tajjeb mill-ħażin. (Ebrej 5:14) Permezz taʼ studju tal-Bibbja u esperjenza fl-applikar tal-Kelma t’Alla u fl-eżerċitar taʼ għerf prattiku fil-ħajja taʼ kuljum, aħna nkabbru l-għarfien tagħna. Imbagħad, dan igħinna biex inżommu l-fidi tagħna u nkomplu nagħmlu dak li hu virtuż meta nkunu taħt prova.—Proverbji 2:6-8; Ġakbu 1:5-8.
8. X’inhu l-kontroll fuqna nfusna, u kif inhu marbut mas-sabar?
8 Biex igħinna niffaċċjaw il-provi bil-fidi, irridu nipprovdu mal-għarfien tagħna l-kontroll fuqna nfusna. Il-kelma Griega għal “kontroll fuqkom infuskom” tindika l-abbiltà li jkollna qabda tajba fuqna nfusna. Din il-frotta tal-ispirtu t’Alla tgħinna nuru rażna fil-ħsieb, fil-kliem, u fil-kondotta. Billi nippersistu f’li neżerċitaw kontroll fuqna nfusna, nipprovdu miegħu s-sabar. It-terminu Grieg għal “sabar” jissinjifika sodizza kuraġġuża, mhux li tirrassenja ruħek bi swied il-qalb għal tbatija li ma tistax taħrab minnha. Kien għall-ferħ li tqiegħed quddiemu li Ġesù ssaporta z-zokk tat-tortura. (Ebrej 12:2) Saħħa li tingħata mingħand Alla msieħba mas-sabar twieżen il-fidi tagħna u tgħinna nifirħu fit-tribulazzjoni, nirreżistu t-tentazzjoni, u nevitaw li nagħmlu kompromess meta niġu ppersegwitati.—Filippin 4:13.
9. (a) X’inhi d-devozzjoni lejn Alla? (b) Għala għandna nipprovdu l-affezzjoni tal-aħwa mad-devozzjoni tagħna lejn Alla? (ċ) Kif nistgħu nipprovdu l-imħabba mal-affezzjoni tagħna tal-aħwa?
9 Mas-sabar tagħna rridu nipprovdu d-devozzjoni lejn Alla—reverenza, qima, u servizz lil Jehovah. Il-fidi tagħna tikber hekk kif nipprattikaw id-devozzjoni lejn Alla u naraw kif Jehovah jittratta mal-poplu tiegħu. Madankollu, biex nuru mħabba lejn Alla, għandna bżonn affezzjoni tal-aħwa. Wara kollox, “dak li ma jħobbx lil ħuh, li ra, ma jistax ikun qiegħed iħobb lil Alla, li ma rax.” (1 Ġwann 4:20) Qlubna għandhom iqanqluna biex nuru affezzjoni vera lejn qaddejja oħrajn taʼ Jehovah u biex nieħdu interess fihom kontinwament. (Ġakbu 2:14-17) Imma għala jintqalilna biex nipprovdu mħabba mal-affezzjoni tagħna tal-aħwa? Jidher ċar li Pietru ried ifisser li għandna nuru mħabba għall-bnedmin kollha, mhux biss għal ħutna. Din l-imħabba tintwera b’mod speċjali billi nippridkaw l-aħbar tajba u ngħinu lin-nies spiritwalment.—Mattew 24:14; 28:19, 20.
Effetti Kuntrastanti
10. (a) Kif se naġixxu jekk il-virtù, il-għarfien, il-kontroll fuqna nfusna, is-sabar, id-devozzjoni lejn Alla, l-affezzjoni tal-aħwa, u l-imħabba jiġu pprovduti mal-fidi tagħna? (b) X’jiġri jekk wieħed li jgħid li hu Kristjan ikun nieqes minn dawn il-kwalitajiet?
10 Jekk nipprovdu l-virtù, il-għarfien, il-kontroll fuqna nfusna, is-sabar, id-devozzjoni lejn Alla, l-affezzjoni tal-aħwa, u l-imħabba lill-fidi tagħna, aħna se naħsbu, se nitkellmu, u se naġixxu b’modi approvati minn Alla. Mill-banda l-oħra, jekk wieħed li jistqarr li hu Kristjan jonqos li juri dawn il-kwalitajiet, hu jsir għama spiritwalment. Hu ‘jagħlaq għajnejh għad-dawl’ mingħand Alla u jinsa li hu ġie mnaddaf minn dnubiet tal-passat. (2 Pietru 1:8-10; 2:20-22) Ejjew qatt ma nonqsu b’dak il-mod u b’hekk nitilfu l-fidi fil-wegħdi t’Alla.
11. X’nistgħu nistennew b’mod xieraq minn uħud leali midlukin?
11 Kristjani midlukin leali għandhom fidi fil-wegħdi taʼ Jehovah u jistinkaw biex jagħmlu s-sejħa u l-għażla tagħhom minnu ċerti. Minkejja xi ostakoli fil-mogħdija tagħhom, nistgħu nistennew minnhom li juru kwalitajiet taʼ tjieba. Għal uħud midlukin leali ‘hemm ipprovdut b’mod għani d-dħul fis-saltna taʼ dejjem taʼ Ġesù Kristu’ permezz tal-irxoxt tagħhom għall-ħajja fl-ispirtu fis-sema.—2 Pietru 1:11.
12. Kif għandna nifhmu l-kliem tat-2 Pietru 1:12-15?
12 Pietru rrealizza li hu kien dalwaqt se jmut, u kien jistenna li jirċievi rxoxt għall-ħajja fis-sema meta jasal il-waqt. Imma dment li hu kien ħaj f’“dan it-tabernaklu”—il-ġisem uman tiegħu—hu pprova jibni fidi fi kredenti sħabu u jqajjimhom billi jfakkarhom dwar l-affarijiet meħtieġa għall-favur divin. Wara t-tluq tiegħu fil-mewt, l-aħwa spiritwali taʼ Pietru setgħu jwieżnu l-fidi tagħhom billi jerġgħu jiftakru kliemu.—2 Pietru 1:12-15.
Fidi fil-Kelma Profetika
13. Alla kif ipprovda xiehda li ssaħħaħ il-fidi dwar il-miġja taʼ Kristu?
13 Alla nnifsu ta xiehda li ssaħħaħ il-fidi dwar iċ-ċertezza tal-miġja taʼ Ġesù “b’qawwa u glorja kbira.” (Mattew 24:30; 2 Pietru 1:16-18) Neqsin mill-evidenza, qassisin pagani rrakkontaw ħrejjef foloz dwar l-allat tagħhom, fil-waqt li Pietru, Ġakbu, u Ġwanni kienu xhieda li raw b’għajnejhom stess il-kobor taʼ Kristu fit-trasfigurazzjoni. (Mattew 17:1-5) Huma rawh igglorifikat u semgħu l-ħoss taʼ leħen Alla stess jirrikonoxxi lil Ġesù bħala Ibnu l-maħbub. Dak ir-rikonoxximent u d-dehra brillanti li Kristu ngħata dak in-nhar kienu għoti taʼ unur u glorja lilu. Minħabba din ir-rivelazzjoni divina, Pietru sejjaħ il-post, wisq probabbli xi fergħa taʼ Ħermon, “il-muntanja qaddisa.”—Qabbel Eżodu 3:4, 5.
14. Il-fidi tagħna kif għandha tiġi effettwata mit-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù?
14 It-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù kif għandha teffettwa l-fidi tagħna? Pietru qal: “Għaldaqstant għandna l-kelma profetika magħmula iktar fiż-żgur; u intom qegħdin tagħmlu sew li tagħtu kasha bħal li kieku għal musbieħ li qiegħed jiddi f’post mudlam, sakemm iżernaq il-jum u kewkba taʼ bin-nhar titlaʼ, fi qlubkom.” (2 Pietru 1:19) “[I]l-kelma profetika” milli jidher kienet tinkludi mhux biss il-profeziji tal-Iskrittura Ebrajka dwar il-Messija imma wkoll l-istqarrija taʼ Ġesù li hu kellu jiġi “b’qawwa u glorja kbira.” Il-kelma kif kienet “magħmula iktar fiż-żgur” bit-trasfigurazzjoni? Dik il-ġrajja vverifikat il-kelma profetika dwar il-miġja glorjuża taʼ Kristu b’qawwa tas-Saltna.
15. X’inhu involut f’li tagħti kas il-kelma profetika?
15 Biex insaħħu l-fidi tagħna, irridu noqogħdu attenti għall-kelma profetika. Dan jinvolvi li nistudjaw dik il-kelma, niddiskutuha fil-laqgħat Kristjani, u napplikaw il-parir tagħha. (Ġakbu 1:22-27) Irridu nħalluha tkun “musbieħ li qiegħed jiddi f’post mudlam,” billi ddawwal lil qlubna. (Efesin 1:18) Imbagħad biss se tiggwidana sakemm il-“kewkba taʼ bin-nhar,” jew, “[i]l-kewkba tiddi taʼ fil-għodu,” Ġesù Kristu, jirrivela lilu nnifsu fil-glorja. (Rivelazzjoni 22:16) Dik ir-rivelazzjoni se tfisser qerda għal uħud bla fidi u barkiet għal dawk li jeżerċitaw il-fidi.—2 Tessalonkin 1:6-10.
16. Għala jistaʼ jkollna fidi li l-wegħdi profetiċi kollha fil-Kelma t’Alla se jitwettqu?
16 Il-profeti t’Alla ma kinux sempliċement irġiel li jilħqilhom li għamlu tbassiriet għaqlin, għax Pietru qal: “Ebda profezija tal-Iskrittura ma toħroġ minn xi interpretazzjoni privata. Għax il-profezija f’ebda żmien ma nġiebet bir-rieda tal-bniedem, imma bnedmin tkellmu minn Alla waqt li kienu mqanqlin mill-ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:20, 21) Per eżempju, David qal: “L-ispirtu taʼ Jehovah kien li tkellem permezz tiegħi.” (2 Samwel 23:1, 2) U Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” (2 Timotew 3:16) Ladarba l-profeti t’Alla kienu mnebbħin permezz tal-ispirtu tiegħu, aħna nistgħu jkollna fidi li l-wegħdi kollha fil-Kelma tiegħu se jitwettqu.
Kellhom Fidi fil-Wegħdi t’Alla
17. Liema wegħda kienet il-bażi tal-fidi taʼ Abel?
17 Il-wegħdi taʼ Jehovah kienu bażi għall-fidi tas-“sħaba kbira” taʼ xhieda tiegħu taʼ qabel Kristu. (Ebrej 11:1–12:1) Per eżempju, Abel kellu fidi fil-wegħda t’Alla dwar “żerriegħa” li kellha tbenġel “lis-serpent” fir-ras. Kien hemm prova taʼ twettieq tas-sentenza t’Alla fuq il-ġenituri taʼ Abel. ’Il barra minn Għeden, Adam u l-familja tiegħu kielu ħobż fil-għaraq taʼ wiċċhom għaliex l-art misħuta kienet tipproduċi xewk u għollieq. Wisq probabbli Abel innota li Eva kienet tixxennaq għal żewġha u ra li Adam kien jiddominaha. Ċertament li hi tkellmet dwar l-uġigħ tat-tqala tagħha. U d-daħla tal-ġnien taʼ Għeden kienet imħarsa minn kerubini u x-xafra taqbad taʼ sejf. (Ġenesi 3:14-19, 24) Dan kollu fforma “turija evidenti” li kienet tiżżgura lil Abel li l-ħelsien kien se jiġi permezz taż-Żerriegħa mwiegħed. Billi aġixxa bil-fidi, Abel offra lil Alla sagrifiċċju li wera li kien jiswa iktar minn dak taʼ Kajjin.—Ebrej 11:1, 4.
18, 19. Abraham u Sara b’liema modi eżerċitaw fidi?
18 Il-patrijarki Abraham, Iżakk, u Ġakobb ukoll kellhom fidi fil-wegħdi taʼ Jehovah. Abraham eżerċita fidi fil-wegħda t’Alla li l-familji kollha tal-art se jbierku lilhom infushom permezz tiegħu u li ż-żerriegħa tiegħu kien se jingħata art. (Ġenesi 12:1-9; 15:18-21) Ibnu Iżakk u neputih Ġakobb kienu “werrieta miegħu tal-istess wegħda.” Bil-fidi Abraham “għammar bħala barrani fl-art tal-wegħda” u stenna “l-belt li għandha sisien veri,” is-Saltna t’Alla tas-sema li taħtha hu se jiġi rxoxtat għall-ħajja fuq l-art. (Ebrej 11:8-10) Għandek int fidi simili?
19 Sara, mart Abraham, kellha madwar 90 sena u kienet ilha sew li qabżet l-età li setgħet ikollha t-tfal meta hi eżerċitat fidi fil-wegħda t’Alla u ngħatat qawwa “biex tikkonċepixxi żerriegħa” u twelled lil Iżakk. B’hekk, minn Abraham li kellu 100 sena, “kważi mejjet” rigward ir-riproduzzjoni, eventwalment “kienu mweldin tfal sewwa sew bħall-kwiekeb fis-sema fil-kotra.”—Ebrej 11:11, 12; Ġenesi 17:15-17; 18:11; 21:1-7.
20. Għalkemm il-patrijarki ma rawx it-twettieq sħiħ tal-wegħdi t’Alla lilhom, huma x’għamlu?
20 Il-patrijarki leali mietu mingħajr ma raw il-twettieq sħiħ tal-wegħdi t’Alla għalihom. Madankollu, “huma raw [l-affarijiet imwegħdin] fil-bogħod u tawhom merħba u ddikjaraw pubblikament li huma kienu stranġieri u residenti temporanji fl-art.” Għaddew ġenerazzjonijiet sħaħ qabel ma l-Art Imwiegħda saret il-pussess taʼ nisel Abraham. Matul ħajjithom kollha, madankollu, il-patrijarki li kellhom il-biżaʼ t’Alla eżerċitaw fidi fil-wegħdi taʼ Jehovah. Peress li huma qatt ma tilfu l-fidi, dalwaqt se jiġu rxoxtati għall-ħajja fil-qasam tal-art tal-“belt” li Alla lesta għalihom, is-Saltna Messjanika. (Ebrej 11:13-16) B’mod simili, il-fidi tistaʼ żżommna leali lejn Jehovah saħansitra jekk ma narawx it-twettieq immedjat tal-wegħdi tal-għaġeb kollha tiegħu. Il-fidi tagħna se tqanqalna wkoll biex nobdu lil Alla, saħansitra bħalma għamel Abraham. U bħalma għadda wirt spiritwali lil nislu, hekk ukoll aħna nistgħu ngħinu lil uliedna biex jeżerċitaw fidi fil-wegħdi prezzjużi taʼ Jehovah.—Ebrej 11:17-21.
Il-Fidi Vitali għall-Kristjani
21. Biex inkunu aċċettabbli għal Alla llum, x’irridu ninkludu fl-eżerċitar tagħna tal-fidi?
21 Hemm, m’għandniex xi ngħidu, iżjed fil-fidi milli li jkollok fiduċja fit-twettieq tal-wegħdi taʼ Jehovah. Matul l-istorja umana kollha, kien neċessarju li neżerċitaw fidi f’Alla b’diversi modi jekk irridu ngawdu l-approvazzjoni tiegħu. Pawlu indika li “mingħajr fidi hu impossibbli li togħġob [lil Alla Jehovah] sewwa, għax dak li jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu u li jsir dak li jħallas lil dawk li qegħdin ifittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Biex ikun aċċettabbli għal Jehovah illum, wieħed irid jeżerċita fidi f’Ġesù Kristu u fis-sagrifiċċju taʼ rahan li Alla pprovda permezz tiegħu. (Rumani 5:8; Galatin 2:15, 16) Kien bħalma qal Ġesù nnifsu: “Alla tant ħabb lid-dinja [tal-bnedmin] li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem. Dak li jeżerċita fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem; dak li ma jobdix lill-Iben mhux se jaraha l-ħajja, imma l-korla t’Alla tibqaʼ fuqu.”—Ġwann 3:16, 36.
22. Is-Saltna Messjanika se ġġib it-twettieq taʼ liema wegħda?
22 Ġesù għandu rwol vitali fit-twettieq tal-wegħdi t’Alla dwar is-Saltna li għaliha jitolbu l-Kristjani. (Isaija 9:6, 7; Danjel 7:13, 14; Mattew 6:9, 10) Kif wera Pietru, it-trasfigurazzjoni vverifikat il-kelma profetika dwar il-miġja taʼ Ġesù f’qawwa u glorja tas-Saltna. Is-Saltna Messjanika se ġġib it-twettieq taʼ wegħda oħra t’Alla, għax Pietru kiteb: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qegħdin nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn it-tjieba għandha tgħammar.” (2 Pietru 3:13) Profezija simili twettqet meta l-eżiljati Lhud fil-Babilonja ġew irrestawrati f’arthom fis-sena 537 Q.E.K. taħt gvern b’Żerubbabel bħala gvernatur u Ġożwè bħala qassis il-kbir. (Isaija 65:17) Imma Pietru pponta lejn żmien fil-futur meta “smewwiet ġodda”—is-Saltna Messjanika tas-sema—se jaħkmu fuq “art ġdida,” soċjetà umana taʼ tjieba li tkun tgħix fuq dan il-globu.—Qabbel Salm 96:1.
23. Liema mistoqsijiet dwar il-virtù se niddiskutu darb’oħra?
23 Bħala qaddejja leali taʼ Jehovah u segwaċi taʼ Ibnu l-maħbub, Ġesù Kristu, aħna nixxennqu għad-dinja ġdida mwiegħda t’Alla. Aħna nafu li hija qrib, u għandna fidi li l-wegħdi prezzjużi kollha taʼ Jehovah se jitwettqu. Biex nimxu b’mod aċċettabbli quddiem Alla tagħna, irridu nsaħħu l-fidi tagħna billi nipprovdulha l-virtù, il-għarfien, il-kontroll fuqna nfusna, is-sabar, id-devozzjoni lejn Alla, l-affezzjoni tal-aħwa, u l-imħabba.a F’dan il-punt, nistgħu nistaqsu, Kif nistgħu nuru l-virtù? U li nkunu virtużi kif jistaʼ jibbenefika lilna u lil oħrajn, b’mod speċjali lil sħabna Kristjani, li wieġbu għall-wegħdi t’Alla billi eżerċitaw il-fidi?
[Nota taʼ taħt]
a Il-fidi u l-virtù huma diskussi f’din il-ħarġa tat-Torri tal-Għassa. Il-għarfien, il-kontroll fuqna nfusna, is-sabar, id-devozzjoni lejn Alla, l-affezzjoni tal-aħwa, u l-imħabba se jiġu diskussi iktar fid-dettal f’ħarġiet futuri.
X’Inhuma t-Tweġibiet Tiegħek?
◻ Il-“fidi” kif tistaʼ tiġi definita?
◻ Skond it-2 Pietru 1:5-7, liema kwalitajiet għandhom jiġu pprovduti mal-fidi tagħna?
◻ It-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù liema effett għandha jkollha fuq il-fidi tagħna?
◻ Liema eżempji taʼ fidi kienu pprovduti minn Abel, Abraham, Sara, u oħrajn taʼ żminijiet bikrin?