Għandek Int Titgħammed?
KWAŻI miljun ruħ ġew imgħammdin mix-Xhieda taʼ Jehovah f’dawn l-aħħar tliet snin. Dan iwassal għal bejn wieħed u ieħor 824 kull ġurnata, jew 4 persuni mgħammdin kull 7 minuti. Hija din sempliċi kopja tal-fervur reliġjuż tas-sekli 15 u 16?
Le, dawn l-individwi ma ġewx imgħammdin bil-forza, bħala parti minn konverżjoni tal-massa, jew bħala riżultat taʼ xi appell emozzjonali minn xi oratur reliġjuż. Ġew imgħammdin għaliex Ġesù Kristu, is-Sid u l-Mexxej tal-Kristjani, ikkmanda li jsir hekk. Huma segwew il-passi u l-proċeduri li Ġesù semma u li ġew ipprattikati mill-appostli li hu nnifsu kien għażel u ħarreġ.
Wara l-irxoxt taʼ Ġesù u qabel it-tlugħ tiegħu lejn is-sema, hu ta lis-segwaċi tiegħu dan l-inkarigu bħala tislima tal-aħħar: “Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, billi tgħammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis, billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom. U, ħares! jiena magħkom il-jiem kollha sal-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.” (Mattew 28:19, 20) Minn dak in-nhar ’il hawn, din kienet l-unika magħmudija tal-ilma li kellha l-approvazzjoni t’Alla.
Fi qbil maʼ dan, il-Bibbja tgħidilna li s-segwaċi tal-bidu taʼ Kristu saru “xhieda [taʼ Ġesù] kemm f’Ġerusalemm u kemm fil-Ġudea kollha u fis-Samarija u sal-iktar parti ’l bogħod tal-art.” (Atti 1:8) Kif kien bassar Ġesù, ix-xogħol tal-ippridkar u tat-tagħlim tagħhom kellu jirriżulta fil-magħmudija taʼ wħud kredenti li kellhom ukoll ikunu segwaċi taʼ Kristu.
L-ewwel eżempju mniżżel bil-miktub taʼ dan seħħ f’Ġerusalemm nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K. F’dak iż-żmien l-appostlu Pietru “qam bil-wieqfa mal-ħdax” u kellem lill-kotra miġbura dwar Ġesù l-Messija. Ir-rakkont igħidilna li d-diskors tiegħu ‘laqathom f’qalbhom,’ u staqsew x’kellhom jagħmlu. “Indmu, u ħalli kull wieħed minnkom jitgħammed fl-isem taʼ Ġesù Kristu għall-maħfra taʼ dnubietkom,” qal Pietru. Ir-riżultat kien li “dawk li ħaddnu l-kelma tiegħu bil-qalb tgħammdu, u f’dak il-jum żdiedu madwar tlett elef ruħ.” (Atti 2:14-41) Rakkonti oħra jikkonfermaw li l-magħmudija tad-dixxipli kienet preċeduta milli huma jisimgħu l-messaġġ Kristjan, jemmnu l-aħbar tajba, u jindmu.—Atti 8:12, 13, 34-38; 10:34-48; 16:30-34; 18:5, 8; 19:1-5.
B’Liema Manjiera?
Imma dawn id-dixxipli l-ġodda kif kienu se jiġu mgħammdin fl-ilma? Kienu se jiġu mbexxin bl-ilma, jintefgħalhom l-ilma fuq rashom, jew jiġu mgħaddsin kompletament? Ir-rakkont tal-Bibbja x’juri? Ladarba Ġesù ħallielna mudell ‘biex insegwu l-passi tiegħu mill-qrib,’ hu b’liema manjiera ġie mgħammed?—1 Pietru 2:21.
Il-Bibbja turi li Ġesù ġie mgħammed fil-Ġordan, xmara mdaqqsa. Wara li ġie mgħammed, hu “telaʼ ’l barra mill-ilma.” (Mark 1:10; Mattew 3:13, 16) Mela Ġesù attwalment kien ġie mgħaddas fix-Xmara Ġordan. Hu ġie mgħammed minn Ġwanni, li, billi fittex post xieraq biex iwettaq il-magħmudijiet, għażel lok fil-Wied tal-Ġordan ħdejn Salim “għaliex kien hemm kwantità kbira taʼ ilma hemmhekk.” (Ġwann 3:23) Il-fatt li t-tgħaddis għalkollox taħt l-ilma kien il-livell kif kienet tiġi pprattikata l-magħmudija fost is-segwaċi taʼ Ġesù jiġi muri mill-kliem tal-ewnuku Etjopjan. Billi wieġeb għat-tagħlim taʼ Filippu, hu esklama: “Ħares! Medda taʼ ilma; x’iżommni milli nitgħammed?” Imbagħad ninnotaw li “t-tnejn niżlu ġewwa l-ilma” u wara dan “telgħu ’l barra mill-ilma.”—Atti 8:36-39.
Tipponta l-istorja sekulari wkoll lejn l-ipprattikar tal-magħmudija permezz tat-tgħaddis fost il-Kristjani? Tabilħaqq li hekk tagħmel. U huwa interessanti li tinnota li ħafna vaski tal-magħmudijiet adattati għat-tgħaddis għadhom jeżistu f’għadd taʼ artijiet. “L-evidenza arkeoloġika tagħti xiehda abbundanti li t-tgħaddis kien il-mod komuni li bih saret il-magħmudija matul l-ewwel għaxar sekli jew sas-seklu erbatax,” igħid il-ġurnal Ministry. Hu jżid: “Fost ir-rovini taʼ strutturi Kristjani bikrin, kif ukoll fil-knejjes l-antiki li għadhom jintużaw, l-istorja tal-magħmudija Kristjana tistaʼ tinstab traċċi tagħha. Tpinġijiet f’katakombijiet u knejjes, xogħlijiet taʼ mużajk fl-art, fuq il-ħitan, u s-soqfa, skulturi, u tpinġijiet f’manuskritti antiki tat-Testment il-Ġdid iżidu dettalji maʼ din l-istorja. Dan hu miżjud mal-evidenza misjuba fil-kitbiet tas-santi padri tal-knisja li t-tgħaddis kien il-mod bikri kif il-knisja kienet tagħmel il-magħmudija.”
Tammetti in-New Catholic Encyclopedia: “Huwa evidenti li l-Magħmudija fil-Knisja bikrija kienet bit-tgħaddis.” Mhux taʼ b’xejn, allura, li nsibu f’gazzetti titli bħal dawn: “Il-Kattoliċi Jġibu Lura l-Magħmudija bit-Tgħaddis” (The Edmonton Journal, tal-Kanada, tal-24 taʼ Settembru, 1983), “Il-Magħmudija bit-Tgħaddis Tingħoġob mal-Kattoliċi t’Hawnhekk.” (St. Louis Post-Dispatch, tas-7 t’April, 1985), “Ħafna Kattoliċi Jagħżlu l-Magħmudija bit-Tgħaddis” (The New York Times, tal-25 taʼ Marzu, 1989), u “Magħmudijiet bit-Tgħaddis Qed Igawdu Rinaxximent” (The Houston Chronicle, tal-24 t’Awissu, 1991).
Għal Liema Skop?
Ġesù għala ried li d-dixxipli tiegħu jiġu mgħammdin? Sewwa, dan kien simbolu xieraq tad-dedikazzjoni b’qalbhom kollha lejn Alla. L-“aħbar tajba” kellha tiġi ppridkata mal-art kollha, u riedu jiġu magħmulin dixxipli min-“nies tal-ġnus kollha.” (Mattew 24:14; 28:19) Dan kien ifisser li Alla ma baqax jittratta esklussivament mal-ġens Lhudi, magħmul min-nies li kienu ddedikati lilu mit-twelid. Kornelju u l-familja tiegħu kienu l-ewwel Ġentili, jew uħud li ma kinux Lhud, li aċċettaw il-verità dwar Ġesù Kristu u tgħammdu.
Li ġew imniżżlin taħt l-ilma wera li dawk li kienu qed jitgħammdu mietu għall-korsa taʼ ħajja li kienet iċċentrata madwarhom stess. Li jintrefgħu mill-ilma ssimbolizza li huma kienu issa ħajjin biex jagħmlu r-rieda t’Alla u kienu qed jagħmluha l-ewwel ħaġa f’ħajjithom, bħalma għamel Ġesù. (Mattew 16:24) Il-fatt li ġew imgħammdin “fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis” kien jindika li huma tgħallmu u aċċettaw il-verità dwar kull wieħed minn dawn u għarfu x’inhuma. (Mattew 28:19; qabbel Atti 13:48.) Il-magħmudija kienet sempliċement l-ewwel pass taʼ ubbidjenza lejn Alla u sottomissjoni lejn ir-rieda tiegħu.
L-Iskrittura ma tappoġġjax il-ħarsa reliġjuża popolari li l-magħmudija hija sagrament, jiġifieri, ċerimonja reliġjuża li tagħti xi mertu—grazzja, qdusija, jew benefiċċju spiritwali—lil min jitgħammed. Per eżempju, l-editt papali tal-Papa Ewġenju IV ikkwotat fl-artiklu taʼ qabel kompla jgħid dwar il-magħmudija: “L-effett taʼ dan is-sagrament huwa l-maħfra tad-dnubiet kollha, oriġinali u attwali; bl-istess mod tal-kastig kollu li hu dovut minħabba d-dnub. Bħala konsegwenza, l-ebda sodisfazzjon għad-dnubiet taʼ qabel ma hu mitlub minn dawk li jitgħammdu; u jekk imutu qabel ma jikkommettu xi dnub, jitilgħu immedjatament lejn is-saltna tas-sema u l-viżjoni t’Alla.”
Madankollu, Ġesù ġie mgħammed għalkemm “ma kkommetta ebda dnub.” (1 Pietru 2:22) Barra minn hekk, skond l-Iskrittura, il-maħfra tad-dnubiet tiġi biss permezz tas-sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù Kristu. Ananija ħeġġeġ lil Sawlu taʼ Tarsu: ‘Qum, tgħammed u aħsel dnubietek lil hinn billi ssejjaħ lil isem [Ġesù].’ (Atti 22:12-16) Iva, salvazzjoni hija possibbli biss permezz tad-demm imxerred taʼ Ġesù u billi wieħed ‘isejjaħ lil ismu’ bil-fidi.—Ebrej 9:22; 1 Ġwann 1:7.
Xi ngħidu, allura, dwar il-kelmiet taʼ Pietru fl-1 Pietru 3:21? Hemmhekk igħid: “Dik li tikkorrispondi maʼ dan qiegħda issa wkoll issalva lilkom, jiġifieri, il-magħmudija, (mhux it-tneħħija tal-ħmieġ tal-laħam, imma t-talba magħmula lil Alla għal kuxjenza tajba,) permezz tal-irxoxt taʼ Ġesù Kristu.” Pietru kien qiegħed iqabbel il-magħmudija mal-esperjenza taʼ Noè li għadda mill-ilmijiet tad-Dulluvju. (Vers 20) Noè, billi wera fidi sħiħa f’Alla, bena l-arka għall-ippriservar tal-familja tiegħu. (Ebrej 11:7) Bl-istess mod, billi jeżerċitaw fidi f’Alla Jehovah u fil-provvediment tiegħu għas-salvazzjoni permezz taʼ Kristu Ġesù, in-nies illum jistgħu jiġu salvati minn din id-dinja mill-agħar preżenti. Huma jridu wkoll jaġixxu skond dik il-fidi. Billi jindmu mid-dnubiet, billi jduru lura minn korsa ħażina, u billi jagħmlu dedikazzjoni bla riserva lil Alla Jehovah fit-talb, tintgħamel talba lil Alla għal kuxjenza tajba. Imma huwa fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, u l-irxoxt li permezz tiegħu ppreżenta l-valur taʼ dak is-sagrifiċċju lil Alla fis-sema, li d-dnubiet huma maħfurin u s-salvazzjoni hija possibbli.—1 Pietru 3:22.
Inti x’Se Tagħmel?
Inti xi wieħed jew waħda li ilek tassoċja max-Xhieda taʼ Jehovah għal xi żmien? Forsi diġà għamilt it-tibdiliet neċessarji f’ħajtek fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja imma għadek ma ħadtx il-passi tad-dedikazzjoni u l-magħmudija. Int forsi tixtieq tagħmel ir-rieda t’Alla, iżda jistaʼ jkun li tibżaʼ li l-magħmudija se tobbligak. Għaldaqstant, forsi tippreferi li tevita responsabbiltà bħal din u l-fatt li tkun trid tagħti rendikont bħal dan għal xi żmien. Kważi 11.5 miljun ruħ attendew iċ-ċelebrazzjoni tal-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej is-sena l-oħra. Madankollu, il-quċċata fin-numru taʼ dawk li ħadu sehem fix-xogħol tal-ippridkar tal-aħbar tajba matul is-sena kien inqas minn 4.5 miljun. Dan ifisser li madwar sebaʼ miljun ruħ qegħdin juru xi ftit apprezzament għall-verità t’Alla, għalkemm m’humiex Xhieda mgħammdin taʼ Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, xi wħud minn dawn huma tfal żgħar u nies li għadhom kif bdew juru interess. Imma xi wħud minn dawk li qegħdin jieħdu sehem fix-xogħol tal-ippridkar għadhom ukoll m’humiex imgħammdin. Hemm ħafna nies li ħadu għarfien eżatt tal-Bibbja imma għadhom ma bbenefikawx għalkollox mill-provvediment t’Alla għas-salvazzjoni billi jiġu mgħammdin.
Punt importanti li għandek tiftakar hu li l-għarfien taʼ dak li Alla jinħtieġ minnek hu li jwasslek li trid tagħti rendikont. “Jekk wieħed jaf kif jagħmel dak li hu sewwa u madankollu ma jagħmlux, huwa dnub għalih,” igħid Ġakbu 4:17. Eżekjel 33:7-9 juri li wieħed li jintqalulu l-kmandamenti u l-istruzzjonijiet t’Alla huwa responsabbli biex iwettaqhom. Mela l-mistoqsija hi jekk wieħed għandux imħabba sinċiera għal Alla u xewqa reali biex jogħġbu. Wieħed li verament għandu mħabba bħal din u jrid relazzjoni speċjali maʼ Alla Jehovah ma jżommx lura milli jiddedika ħajtu mingħajr riżerva lilu. Il-magħmudija hija biss simbolu minn barra taʼ dik id-dedikazzjoni. Hija pass neċessarju lejn is-salvazzjoni. Dawk li ġenwinament jemmnu jitgħammdu.—Atti 8:12.
Il-prospetti grandjużi li Alla jestendi għal individwi leali u ddedikati fid-dinja l-ġdida li ġejja jegħlbu bil-wisq lil kwalunkwe vantaġġ temporanju li din is-sistema taʼ affarijiet qadima u mill-agħar tistaʼ tidher li toffri. Il-biżaʼ minn bnedmin sħabna tisparixxi meta nikkunsidraw id-driegħ setgħan t’Alla. (1 Korintin 10:22; 1 Pietru 5:6, 7) Verament, dan huwa l-waqt li tistaqsi lilek innifsek, bħalma staqsa l-ewnuku Etjopjan lil Filippu: “X’iżommni milli nitgħammed?”
[Stampa f’paġna 7]
Bħall-ewnuku Etjopjan, tistaqsi int lilek innifsek: “X’iżommni milli nitgħammed?”