Issottometti Ruħek Lealment għall-Awtorità Divina
“Il-Mulej hu l-imħallef tagħna; il-Mulej il-leġislatur tagħna.Il-Mulej is-sultan tagħna.”—Isaija 33:22.
1. Liema fatturi għamlu lill-Iżrael tal-qedem uniku fost il-ġnus?
FIS-SENA 1513 Q.E.K., beda jeżisti l-ġens taʼ Iżrael. F’dak iż-żmien, dan la kellu belt kapitali, la art li setgħet tissejjaħ tiegħu, u lanqas sultan viżibbli. Is-sudditi tiegħu qabel kienu lsiera. Madankollu, dan il-ġens il-ġdid jerġaʼ kien uniku b’mod ieħor. Alla Jehovah kien l-Imħallef, il-Leġislatur, u s-Sultan inviżibbli tiegħu. (Eżodu 19:5, 6; Isaija 33:22) L-ebda ġens ieħor ma setaʼ jgħid l-istess dwaru nnifsu!
2. Liema mistoqsija tqum rigward il-mod kif Iżrael kien organizzat, u t-tweġiba għala hija importanti għalina?
2 Ladarba Jehovah hu Alla t’ordni, kif ukoll Alla tas-sliem, nistgħu nistennew li kwalunkwe ġens taħt il-ħakma tiegħu kien se jkun organizzat tajjeb. (1 Korintin 14:33) Dan żgur li kien minnu fil-każ taʼ Iżrael. Imma kif setgħet organizzazzjoni viżibbli fuq l-art titmexxa minn Alla inviżibbli? Ikun tajjeb li nikkunsidraw kif Jehovah mexxa lil dak il-ġens tal-qedem, waqt li ninnotaw partikolarment kif il-mod li bih ittratta maʼ Iżrael jenfasizza l-importanza taʼ li nissottomettu ruħna lealment għall-awtorità divina.
Kif Kien Jitmexxa Iżrael tal-Qedem
3. Liema arranġamenti prattiċi għamel Jehovah biex jipprovdi gwida għall-poplu tiegħu?
3 Għalkemm Jehovah kien is-Sultan inviżibbli taʼ Iżrael, hu ħatar irġiel leali bħala r-rappreżentanti viżibbli tiegħu. Kien hemm prinċpijiet, kapijiet taʼ djar paterni, u rġiel ixjeħ biex jaqdu lin-nies bħala mħallfin u wħud li jagħtu l-pariri. (Eżodu 18:25, 26; Dewteronomju 1:15) Madankollu, m’għandniex nikkonkludu li mingħajr gwida divina dawn l-irġiel responsabbli setgħu b’xi mod jiġġudikaw l-affarijiet b’dehen u fehma li ma kien fihom l-ebda nuqqas. Huma ma kinux perfetti, u ma setgħux jaqraw il-qlub taʼ l-aduraturi sħabhom. Xorta waħda, l-imħallfin li kellhom il-biżaʼ t’Alla setgħu jagħtu lill-kredenti sħabhom pariri li kienu siewja għax kienu bbażati fuq il-Liġi taʼ Jehovah.—Dewteronomju 19:15; Salm 119:97-100.
4. L-imħallfin leali taʼ Iżrael liema tendenzi kienu ħerqanin li jevitaw, u għala?
4 Madankollu, biex tkun imħallef kien hemm bżonn iżjed milli tkun taf il-Liġi. Bħala nies imperfetti, l-irġiel ixjeħ kellhom joqogħdu għassa biex irażżnu kwalunkwe tendenzi mħassrin li kellhom huma stess—bħall-egoiżmu, il-parzjalità, u r-regħba—li setgħu jgħawġu l-ġudizzju tagħhom. Mosè qalilhom: “Tħarsux lejn l-uċuħ meta tagħmlu l-ħaqq, isimgħu ż-żgħir u l-kbir l-istess. Tibżgħu minn ħadd, għax il-ħaqq f’idejn Alla.” Iva, l-imħallfin taʼ Iżrael kienu qed jiġġudikaw għal Alla. Xi privileġġ onorabbli u straordinarju kien dan!—Korsiv tagħna; Dewteronomju 1:16, 17.
5. Minbarra li ħatar lill-imħallfin, liema arranġamenti oħra għamel Jehovah biex jieħu ħsieb lin-nies tiegħu?
5 Jehovah għamel arranġamenti oħra biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tan-nies tiegħu. Saħansitra qabel ma waslu fl-Art Imwiegħda, hu kkmandahom jibnu t-tabernaklu li kien iċ-ċentru tal-qima vera. Hu waqqaf ukoll saċerdozju biex jgħallem il-Liġi, joffri s-sagrifiċċji taʼ l-annimali, u jaħraq l-inċens taʼ fil-għodu u fil-għaxija. Alla qiegħed lil Aron, li kien akbar minn ħuh Mosè fl-età, bħala l-ewwel qassis il-kbir taʼ Iżrael u ħatar lil ulied Aron biex jgħinu lil missierhom fid-dmirijiet tiegħu.—Eżodu 28:1; Numri 3:10; 2 Kronaki 13:10, 11.
6, 7. (a) X’kienet ir-relazzjoni bejn il-qassisin u l-Leviti li ma kinux qassisin? (b) X’tagħlima nistgħu nieħdu mill-fatt li l-Leviti kienu jagħmlu varjetà taʼ xogħlijiet? (Kolossin 3:23)
6 Kienet biċċa xogħol verament kbira għall-qassisin biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali taʼ diversi miljuni taʼ nies, u dawn kienu ftit fl-għadd. Għalhekk sar arranġament biex jingħataw għajnuna minn membri oħrajn tat-tribù taʼ Levi. Jehovah qal lil Mosè: “Int tagħti l-Leviti lil Aron u lil uliedu: tagħtihomlu minn fost ulied Iżrael għalkollox.”—Numri 3:9, 39.
7 Il-Leviti kienu organizzati tajjeb. Huma kienu maqsumin skond it-tliet familji—il-Gersunin, il-Keħatin, u l-Merarin—li kull waħda minn dawn ngħatat inkarigu biex tagħmel ċertu xogħol. (Numri 3:14-17, 23-37) Ċerti inkarigi forsi kienu jidhru iktar importanti minn oħrajn, imma kollha kienu essenzjali. Minħabba t-tip taʼ xogħol tagħhom, il-Leviti Keħatin kienu jaħdmu viċin ħafna taʼ l-arka sagra tal-patt u t-tagħmir tat-tabernaklu. Madankollu, kull Levita, sew jekk kien mill-Keħatin u sew jekk le, gawda privileġġi meraviljużi. (Numri 1:51, 53) B’sogħba, xi wħud m’apprezzawx il-privileġġi li kellhom. Minflok ma ssottomettew ruħhom għall-awtorità divina, dawn tilfu s-sodisfazzjon fix-xogħol tagħhom u ċedew għall-kburija, l-ambizzjoni, u l-għira. Ċertu Levita jismu Koraħ kien wieħed minnhom.
“Issa Qegħdin Tfittxu Wkoll is-Saċerdozju?”
8. (a) Min kien Koraħ? (b) X’setaʼ ġagħal lil Koraħ jibda jqis lill-qassisin purament minn ħarsa umana?
8 Koraħ ma kienx il-kap tad-dar paterna taʼ Levi, u lanqas ma kien il-kap tal-familji tal-Keħatin. (Numri 3:30, 32) Minkejja dan, kien prinċep rispettat f’Iżrael. Minħabba d-dmirijiet tiegħu, Koraħ għandu mnejn kien jagħmilha ħafna maʼ Aron u wliedu. (Numri 4:18, 19) Billi kien jara l-imperfezzjonijiet taʼ dawn l-irġiel b’għajnejh stess, Koraħ forsi rraġuna: ‘Dawn il-qassisin huma vera imperfetti, imma lili jippretenduni li noqgħod għalihom! M’ilux wisq Aron għamel għoġol tad-deheb. Il-qima taʼ dan l-għoġol waqqgħet lill-poplu tagħna fl-idolatrija. Issa Aron, ħu Mosè, qed jaqdi bħala l-qassis il-kbir! Xi preferenzi! U xi ngħidu għal ulied Aron, Nadab u Abiħu? Dawn tant urew diżrispett għall-privileġġi tagħhom taʼ servizz li Jehovah kellu jagħtihom il-mewt!’a (Eżodu 32:1-5; Levitiku 10:1, 2) Kien x’kien ir-raġunar taʼ Koraħ, jidher ċar li hu beda jqis is-saċerdozju minn ħarsa umana. Dan wassal għar-ribelljoni tiegħu kontra Mosè u Aron, u fl-aħħar mill-aħħar, kontra Jehovah.—1 Samwel 15:23; Ġakbu 1:14, 15.
9, 10. Koraħ u sħabu r-ribelli liema akkuża għamlu kontra Mosè, u għala messhom kienu jafu li ma kellhomx jagħmlu hekk?
9 Billi kien raġel influwenti, ma kienx diffiċli għal Koraħ biex jiġbed għal warajh lil uħud oħrajn li kellhom l-istess attitudni tiegħu. Hu, flimkien maʼ Datan u Abiram, sab 250 oħra li kienu taʼ l-istess fehma—ilkoll prinċpijiet tal-ġemgħa. Kollha flimkien resqu fuq Mosè u Aron u qalu: “Il-ġemgħa kollha huma kkonsagrati u f’nofshom hemm il-Mulej. Għaliex togħlew fuq il-ġemgħa tal-Mulej?”—Numri 16:1-3.
10 Ir-ribelli messhom kienu jafu li ma kellhomx jisfidaw l-awtorità taʼ Mosè. Ma kienx ilu wisq li Aron u Mirjam għamlu preċiż hekk. Fil-fatt, huma saħansitra kienu użaw l-istess raġunar taʼ Koraħ! Skond Numri 12:1, 2, huma staqsew: “Jaqaw il-Mulej lil Mosè biss kellem? Ma kellimx lilna wkoll?” Jehovah kien qed jismaʼ. Hu kkmanda lil Mosè, ’l Aron, u ’l Mirjam biex jinġabru fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa sabiex Hu jkun jistaʼ jindikalhom lil min kien għażel bħala mexxej. Imbagħad, Jehovah qalilhom ċar u tond: “Jekk xi ħadd minnkom ikun profeta, Jiena l-Mulej nidhirlu f’viżjoni, u nkellmu fil-ħolm. Mhux hekk maʼ Mosè l-qaddej tiegħi, il-bniedem li fdajtlu dari.” Wara dan, Jehovah laqat temporanjament lil Mirjam bil-ġdiem.—Numri 12:4-7, 10.
11. Mosè kif ittratta s-sitwazzjoni li kienet tinvolvi lil Koraħ?
11 Koraħ u dawk li appoġġawh żgur li kienu jafu b’dik il-ġrajja. Ma kien hemm l-ebda skuża għar-ribelljoni tagħhom. Xorta waħda, Mosè pprova jirraġuna magħhom bil-paċenzja kollha. Hu ħeġġiġhom biex juru iżjed apprezzament lejn il-privileġġi tagħhom, billi qalilhom: “Forsi kienet xi ħaġa żgħira għalikom li Alla taʼ Iżrael għażilkom mill-ġemgħa taʼ Iżrael, biex iressaqkom lejh?” Le, ma kinitx “xi ħaġa żgħira”! Il-Leviti diġà kellhom ħafna. X’setgħu jixtiequ iżjed? Il-kliem li kompla jgħid Mosè kixef ir-raġunar taʼ qalbhom: “Issa qegħdin tfittxu wkoll is-saċerdozju?”b (Numri 12:3; 16:9, 10) Iżda, Jehovah kif irreaġixxa għal din ir-ribelljoni kontra l-awtorità divina?
L-Imħallef taʼ Iżrael Jintervieni
12. Minn xiex kienet tiddependi r-relazzjoni tajba taʼ Iżrael m’Alla?
12 Meta Jehovah ta l-Liġi lil Iżrael, hu qal lin-nies li jekk jobdu, kienu se jsiru “ġens qaddis” u li l-ġens setaʼ jibqaʼ qaddis sakemm kien se jaċċetta l-arranġament taʼ Jehovah. (Eżodu 19:5, 6) Issa, li r-ribelljoni kienet ħarġet fil-beraħ, kien wasal iż-żmien biex jintervieni l-Imħallef u l-Leġislatur taʼ Iżrael! Mosè qal lil Koraħ: “Int u l-klikka tiegħek, ejjew għada quddiem il-Mulej maʼ Aron. Ħudu ċensier, wieħed kull wieħed, poġġu l-inċens, u ressqu quddiem il-Mulej il-mitejn u ħamsin ċensier, wieħed wieħed, int u Aron, kulħadd biċ-ċensier tiegħu.”—Numri 16:16, 17.
13. (a) Għala kienet prużunzjoni min-naħa tar-ribelli li joffru l-inċens quddiem Jehovah? (b) Jehovah kif ittratta mar-ribelli?
13 Skond il-Liġi t’Alla, il-qassisin biss setgħu joffru l-inċens. L-idea waħedha taʼ qassis mhux Levita li joffri l-inċens quddiem Jehovah ukoll suppost li kellha ġġib lil dawk ir-ribelli f’sensihom. (Eżodu 30:7; Numri 4:16) Iżda mhux hekk ġara fil-każ taʼ Koraħ u sħabu! L-għada Koraħ “ġabar il-ġemgħa kollha fi dħul it-tinda tal-laqgħa” kontra Mosè u Aron. Ir-rakkont jgħidilna: “Il-Mulej kellem lil Mosè u ’l Aron, u qalilhom: ‘Warrbu minn nofs din il-ġemgħa, ħa neqridhom ilkoll f’salt wieħed.’” Imma Mosè u Aron talbu bil-ħrara biex in-nies ma jinqerdux. Jehovah aċċetta t-talbiet tagħhom. Inkwantu għal Koraħ u l-ġemgħa tiegħu, “ħareġ nar mingħand il-Mulej u qered il-mitejn u ħamsin raġel li kienu offrew l-inċens.”—Numri 16:19-22, 35.c
14. Jehovah għala ħa azzjoni qawwija kontra lġemgħa taʼ Iżrael?
14 Ħaġa taʼ l-iskantament, l-Iżraelin li raw kif Jehovah ittratta mar-ribelli xorta kienu għadhom ma ħaduhiex it-tagħlima. “L-għada l-ġemgħa kollha taʼ wlied Iżrael bdew igemgmu kontra Mosè u Aron u jgħidu: ‘Intom qtiltu l-poplu tal-Mulej.’” L-Iżraelin kienu qed iżommu mar-ribelli! Finalment, il-paċenzja taʼ Jehovah spiċċat. Ħadd—lanqas Mosè jew Aron—ma setaʼ jidħol għan-nies issa. Jehovah laqat l-uħud diżubbidjenti bi flaġell, “u ġara li l-mejtin b’dan il-flaġell laħqu l-erbatax-il elf u sebaʼ mija, minbarra dawk li kienu mietu qabel minħabba Koraħ.”—Numri 17:6-14 (16:41-49, NW).
15. (a) L-Iżraelin għal liema raġunijiet suppost kellhom jaċċettaw it-tmexxija taʼ Mosè u Aron bla ma joqogħdu jaħsbuha darbtejn? (b) X’għallmek dan ir-rakkont dwar Jehovah?
15 Dawk in-nies kollha ma kellhomx għalfejn jitilfu ħajjithom. Li kieku biss qagħdu jirraġunaw ftit! Setgħu staqsew lilhom infushom mistoqsijiet bħal: ‘Min deher quddiem il-Fargħun b’riskju għal ħajjithom? Min insista li l-Iżraelin jinħelsu? Min biss ġie mistieden jitlaʼ fuq il-muntanja tal-Ħoreb wara l-ħelsien taʼ Iżrael biex jitkellem wiċċ imbwiċċ maʼ l-anġlu t’Alla?’ Bla dubju, il-ħajja straordinarja taʼ Mosè u Aron uriet biċ-ċar il-lealtà tagħhom lejn Jehovah u l-imħabba tagħhom għall-poplu. (Eżodu 10:28; 19:24; 24:12-15) Jehovah xejn ma ħa pjaċir joqtol lir-ribelli. Iżda meta sar evidenti li n-nies kienu se jippersistu fir-ribelljoni tagħhom, hu ħa azzjoni deċiżiva. (Eżekjel 33:11) Dan kollu fih sinifikat kbir għalina llum. Għala?
Nidentifikaw il-Mezz taʼ Komunikazzjoni Llum
16. (a) Liema evidenza suppost ikkonvinċiet lil-Lhud taʼ l-ewwel seklu li Ġesù kien ir-rappreżentant taʼ Jehovah? (b) Jehovah għala bidlu s-saċerdozju tal-Leviti, u maʼ xiex?
16 Illum, hemm “ġens” ġdid li Jehovah huwa l-Imħallef, il-Leġislatur, u s-Sultan inviżibbli tiegħu. (Mattew 21:43) Dak il-“ġens” beda jeżisti fl-ewwel seklu E.K. Sa dak iż-żmien, flok it-tabernaklu taʼ żmien Mosè kien hemm tempju sabiħ f’Ġerusalemm, fejn kienu għadhom jaqdu l-Leviti. (Luqa 1:5, 8, 9) Madankollu, fis-sena 29 E.K., beda jeżisti tempju ieħor, wieħed spiritwali, b’Ġesù Kristu bħala l-Qassis il-Kbir. (Lhud 9:9, 11) Għal darb’oħra reġgħet qamet il-kwistjoni dwar l-awtorità divina. Jehovah lil min kien se juża biex imexxi lil dan il-“ġens” il-ġdid? Ġesù wera li kellu lealtà assoluta lejn Alla. Hu kien iħobb lin-nies. Barra minn hekk, wettaq ħafna sinjali taʼ l-għaġeb. Madankollu, bħall-antenati stinati tagħhom, il-maġġuranza tal-Leviti rrifjutaw li jaċċettaw lil Ġesù. (Mattew 26:63-68; Atti 4:5, 6, 18; 5:17) Finalment, Jehovah bidel is-saċerdozju tal-Leviti maʼ wieħed differenti ħafna—saċerdozju rjali. Dak is-saċerdozju rjali għadu jiffunzjona sa llum.
17. (a) Illum liema grupp jifforma s-saċerdozju rjali? (b) Jehovah kif juża s-saċerdozju rjali?
17 Illum, min jifforma dan is-saċerdozju rjali? L-appostlu Pietru jwieġeb din il-mistoqsija fl-ewwel ittra mnebbħa tiegħu. Pietru kiteb lill-membri midlukin tal-ġisem taʼ Kristu: “Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih, biex ixxandru t-tifħir taʼ dak li sejjħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.” (1 Pietru 2:9) Minn dan il-kliem jidher ċar li, bħala grupp, l-uħud midlukin li jsegwu l-passi taʼ Ġesù jifformaw dan is-“saċerdozju rjali,” li Pietru sejjaħlu wkoll “nazzjon qaddis.” Dawn huma l-mezz taʼ komunikazzjoni li Jehovah juża biex jipprovdi lin-nies tiegħu istruzzjoni u direzzjoni spiritwali.—Mattew 24:45-47.
18. Liema konnessjoni hemm bejn l-anzjani maħturin u s-saċerdozju rjali?
18 Sabiex jirrappreżentaw is-saċerdozju rjali hemm l-anzjani maħturin, li jaqdu f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà f’kongregazzjonijiet tan-nies taʼ Jehovah madwar id-dinja. Dawn l-irġiel jixirqilhom li nirrispettawhom u nappoġġawhom b’qalbna kollha, sew jekk huma mill-midlukin u sew jekk le. Għala? Għax, permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, Jehovah ħatar lill-anzjani fil-pożizzjonijiet tagħhom. (Lhud 13:7, 17) Dan kif?
19. L-anzjani b’liema mod huma maħturin mill-ispirtu qaddis?
19 Dawn l-anzjani jilħqu l-ħtiġijiet imniżżlin fil-Kelma t’Alla, li hija l-prodott taʼ l-ispirtu t’Alla. (1 Timotju 3:1-7; Titu 1:5-9) Għaldaqstant, jistaʼ jingħad li huma jinħatru mill-ispirtu qaddis. (Atti 20:28) L-irġiel ixjeħ, jew l-anzjani, iridu jkunu midħla sew tal-Kelma t’Alla. Bħall-Imħallef Suprem li ħatarhom, l-anzjani wkoll iridu jobogħdu l-iċken ħjiel taʼ parzjalità fil-ġudizzju.—Dewteronomju 10:17, 18.
20. X’tapprezza dwar l-anzjani li tant jaħdmu iebes?
20 Minflok ma nisfidaw l-awtorità tagħhom, aħna tassew napprezzaw l-anzjani tagħna li tant jaħdmu iebes. Is-servizz leali tagħhom, taʼ spiss tul ħafna u ħafna snin, iqanqal il-fiduċja tagħna. Huma fedelment jippreparaw għal-laqgħat tal-kongregazzjoni u jikkonduċuhom, jaħdmu spalla maʼ spalla magħna fl-ippridkar taʼ “l-Evanġelju tas-Saltna,” u jagħtuna pariri Skritturali meta jkollna bżonn. (Mattew 24:14; Lhud 10:23, 25; 1 Pietru 5:2) Dawn iżuruna meta nkunu morda u jfarrġuna meta nkunu mnikktin. Huma jappoġġaw l-interessi tas-Saltna lealment u mingħajr egoiżmu. L-ispirtu taʼ Jehovah qiegħed fuqhom; huma għandhom l-approvazzjoni tiegħu.—Galatin 5:22, 23.
21. L-anzjani taʼ xiex għandhom ikunu konxji, u għala?
21 M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani m’humiex perfetti. Billi huma konxji tal-limitazzjonijiet tagħhom, huma ma jipprovawx jagħmluha taʼ sidien fuq il-merħla, “il-wirt t’Alla.” Minflok, iqisu lilhom infushom bħala ħaddiema sħab għall-ferħ taʼ ħuthom. (1 Pietru 5:3, Karm Żammit; 2 Korintin 1:24) Anzjani umlin u ħabrieka jħobbu lil Jehovah, u jafu li iktar ma jimitawh mill-qrib, iktar se jagħmlu ġid fil-kongregazzjoni. B’dan f’moħħhom, huma kontinwament jistinkaw biex jikkultivaw kwalitajiet divini bħall-imħabba, il-mogħdrija, u l-paċenzja.
22. Ir-reviżjoni tar-rakkont taʼ Koraħ kif saħħitlek il-fidi tiegħek fl-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah?
22 Kemm aħna ferħanin li għandna lil Jehovah bħala l-Ħakkiem inviżibbli tagħna, lil Ġesù Kristu bħala l-Qassis il-Kbir tagħna, membri tas-saċerdozju rjali midluk bħala l-għalliema tagħna, u anzjani Kristjani leali bħala wħud li jagħtuna l-pariri! Għalkemm l-ebda organizzazzjoni mmexxija mill-bnedmin ma tistaʼ tkun perfetta, hija l-għaxqa tagħna li nistgħu naqdu lil Alla flimkien maʼ sħabna leali fit-twemmin, li jissottomettu ruħhom bil-ferħ għall-awtorità divina!
[Noti taʼ taħt]
a Iż-żewġ ulied subien l-oħra taʼ Aron, Elgħażar u Itamar, kienu eżemplari fis-servizz tagħhom lil Jehovah.—Levitiku 10:6.
b Datan u Abiram, li ssieħbu maʼ Koraħ fil-konfoffa, kienu Rubenin. Fil-fatt, milli jidher huma ma kinux qed jixxennqu għas-saċerdozju. Fil-każ tagħhom, kienu xebgħu mit-tmexxija taʼ Mosè u mill-fatt li sa dakinhar kienet għadha ma twettqitx l-istennija tagħhom li jidħlu fl-Art Imwiegħda.—Numri 16:12-14.
c Fi żmien il-patrijarki, kull kap tal-familja kien jirrappreżenta lil martu u lil uliedu quddiem Alla, u kien saħansitra joffri sagrifiċċji għan-nom tagħhom. (Ġenesi 8:20; 46:1; Ġob 1:5) Madankollu, meta twaqqfet il-Liġi, Jehovah ħatar bħala qassisin lill-membri rġiel tal-familja taʼ Aron, li permezz tagħhom kellhom jiġu offruti s-sagrifiċċji. Il-mitejn u ħamsin ribell milli jidher ma kinux lesti li jikkooperaw maʼ dan l-aġġustament fil-proċedura.
X’Tgħallimt?
• Jehovah liema arranġamenti taʼ mħabba għamel biex jieħu ħsieb l-Iżraelin?
• Għala ma kien hemm l-ebda skuża għar-ribelljoni taʼ Koraħ kontra Mosè u Aron?
• X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Jehovah ittratta mar-ribelli?
• Kif nistgħu nuru li napprezzaw l-arranġamenti taʼ Jehovah illum?
[Stampa f’paġna 9]
Tqis int kwalunkwe inkarigu fis-servizz taʼ Jehovah bħala privileġġ?
[Stampa f’paġna 10]
“Għaliex togħlew fuq il-ġemgħa tal-Mulej?”
[Stampa f’paġna 13]
L-anzjani maħturin jirrappreżentaw is-saċerdozju rjali