LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 8/1 pp. 15-18
  • Nisa Kristjani Jixirqilhom Unur u Rispett

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nisa Kristjani Jixirqilhom Unur u Rispett
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Ġesù Ttratta Lin-​Nisa
  • It-​Tagħlim Taʼ Ġesù Rigward In-​Nisa
  • “Billi Tagħtuhom Unur”
  • Alla Jrid li n-Nisa Jiġu Rrispettati
    Artikli għall-Istudju minn “Torri tal-Għassa” bl-Ingliż tal-2012
  • “Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-Mulej”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Alla u Kristu Kif Iqisuhom lin-Nisa?
    Stenbaħ!—2008
  • X’hemm Lest Fil-​Futur Għan-​Nisa?
    Stenbaħ!—1998
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 8/1 pp. 15-18

Nisa Kristjani Jixirqilhom Unur u Rispett

“Intom l-​irġiel miżżewġin, komplu għammru . . . magħhom skond l-​għarfien, billi tagħtuhom unur bħal li kieku lil reċipjent iktar dgħajjef, il-​wieħed femminili.”—1 PIETRU 3:7.

1, 2. (a) Il-​konversazzjoni taʼ Ġesù mal-​mara Samaritana ħdejn il-​bir qajmet liema tħassib, u għala? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.) (b) Billi ppriedka lill-​mara Samaritana, Ġesù x’wera?

MAĠENB il-​bir antik ħdejn il-​belt taʼ Sikar f’jum minnhom f’nofs in-​nhar lejn it-​tmiem tas-​sena 30 E.K., Ġesù rrivela kif kien iħoss li għandhom jiġu ttrattati n-​nisa. Kien qattaʼ l-​għodwa jivvjaġġa qalb il-​kampanja kollha għoljiet tas-​Samarija u wasal ħdejn il-​bir għajjien, bil-​ġuħ, u bil-​għatx. Hekk kif qagħad bil-​qiegħda maġenb il-​bir, mara Samaritana avviċinat biex ittellaʼ ftit ilma. “Agħtini nixrob,” qalilha Ġesù. Il-​mara bil-​fors li ċċassat lejh bi stagħġib. Staqsiet: “Dan kif int, minkejja li int Lhudi, tistaqsini biex tixrob, meta jien mara Samaritana?” Iktar tard, meta d-​dixxipli tiegħu rritornaw wara li xtraw x’jieklu, issorprendew ruħhom, jistaqsu lilhom infushom għala Ġesù kien “qiegħed jitkellem maʼ mara.”—Ġwann 4:4-9, 27.

2 X’kien li wassal għall-​mistoqsija taʼ din il-​mara u għat-​tħassib tad-​dixxipli? Hi kienet Samaritana, u l-​Lhud ma kellhom ebda kuntatt mas-​Samaritani. (Ġwann 8:48) Imma b’mod evidenti kien hemm raġuni oħra għal tħassib. F’dak iż-​żmien, tradizzjoni rabbinika kienet tiskuraġġixxi lill-irġiel milli jitkellmu man-​nisa fil-​pubbliku.a Madankollu, Ġesù bil-​miftuħ ippriedka lil din il-​mara sinċiera, saħansitra rrivelalha li kien il-​Messija. (Ġwann 4:25, 26) Ġesù b’hekk wera li ma kienx se jiġi marbut b’xi tradizzjonijiet m’humiex skritturali, inklużi dawk li kienu jiddegradaw lin-​nisa. (Mark 7:9-13) Għall-​kuntrarju, b’dak li għamel u b’dak li għallem, Ġesù wera li n-​nisa għandhom jiġu stmati b’unur u b’rispett.

Kif Ġesù Ttratta Lin-​Nisa

3, 4. (a) Ġesù kif irreaġixxa lejn il-​mara li messitlu ħwejġu? (b) Ġesù kif ħalla eżempju tajjeb għal irġiel Kristjani, partikolarment l-​indokraturi?

3 Il-​mogħdrija tenera taʼ Ġesù għan-​nies kienet riflessa fil-​mod li bih ittratta man-​nisa. F’okkażjoni minnhom waħda mara li kienet ilha ssofri minn nixxiegħa taʼ demm għal 12-il sena fittxet lil Ġesù ġewwa folla. Il-​kundizzjoni tagħha għamlitha mhix nadifa ċeremonjalment, u għalhekk mhux suppost li kienet hemmhekk. (Levitiku 15:25-27) Imma tant kienet iddisprata li ndehset wara Ġesù. Meta messitlu ħwejġu, ġiet imfejqa dak il-​ħin stess! Għalkemm kien fi triqtu lejn id-​dar taʼ Ġajru, li bintu kienet marida serjament, Ġesù waqaf. Billi kien ħass qawwa toħroġ minnu, ħares madwaru biex jara min kien messu. Finalment, il-​mara ġiet u ntefgħet fl-​art quddiemu tirtogħod. Kien Ġesù se jċanfarha talli kienet fil-​folla jew talli messet ilbiesu mingħajr il-​permess tiegħu? Għall-​kuntrarju, sabet li kien kordjali ħafna u qalbu tajba. “Bint,” qal, “il-​fidi tiegħek fejqitek.” Din kienet l-​unika darba li Ġesù indirizza direttament lil mara bħala “bint.” Min jaf kemm dik il-​kelma serħitilha qalbha!—Mattew 9:18-22; Mark 5:21-34.

4 Ġesù ħares lil hinn mill-​kitba tal-​Liġi. Ra l-​ispirtu warajha u l-​ħtieġa għall-​ħniena u l-​mogħdrija. (Qabbel Mattew 23:23.) Ġesù nnota ċ-​ċirkostanzi ddisprati tal-​mara marradija u ħa inkonsiderazzjoni li hi kienet immotivata mill-​fidi. Hu b’hekk ta eżempju tajjeb lill-​irġiel Kristjani, partikolarment l-​indokraturi. Jekk oħt Kristjana qiegħda tiffaċċja problemi persunali jew sitwazzjoni speċjalment diffiċli jew taʼ prova, l-​anzjani għandhom jipprovaw iħarsu lil hinn mill-​kliem jew l-​azzjonijiet immedjati u jieħdu inkonsiderazzjoni ċ-​ċirkostanzi u l-​motivi. Dehen bħal dan jistaʼ jindika li paċenzja, fehma, u mogħdrija huma meħtiġin minflok pariri u korrezzjoni.—Proverbji 10:19; 16:23; 19:11.

5. (a) In-​nisa b’liema mod kienu restritti bit-​tradizzjonijiet rabbiniċi? (Ara n-​nota taʼ taħt.) (b) Min kienu l-​ewwel uħud li raw lil u taw xiehda dwar Ġesù rxoxtat?

5 Imdawrin minn tradizzjonijiet rabbiniċi, nisa li kienu jgħixu meta Ġesù kien fuq l-​art kienu restritti milli jaqdu bħala xhieda legali.b Ikkunsidra x’ġara ftit wara li Ġesù kien irxoxtat mill-​imwiet fl-​għodwa tas-​16 taʼ Nisan, 33 E.K. Min kellu jkun l-​ewwel li jara lil Ġesù rxoxtat u jagħti xiehda lil dixxipli oħrajn li l-​Mulej tagħhom kien ġie mqajjem? Ġara li kienu n-​nisa li baqgħu fejn setgħu jaraw il-​post taʼ l-​esekuzzjoni sakemm hu ħa l-​aħħar nifs.—Mattew 27:55, 56, 61.

6, 7. (a) Ġesù x’qalilhom lin-​nisa li ġew lejn il-​qabar? (b) Id-​dixxipli rġiel taʼ Ġesù għall-​ewwel kif irreaġixxew għax-​xiehda tan-​nisa, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

6 Kmieni fl-​għodwa taʼ l-​ewwel jum tal-​ġimgħa, Marija Maddalena u xi nisa oħrajn marru ħdejn il-​qabar bi ħwawar biex jidilku l-​ġisem taʼ Ġesù. Meta sabet il-​qabar vojt, Marija ġriet biex tgħid lil Pietru u lil Ġwanni. In-​nisa l-​oħrajn baqgħu hemmhekk. Malajr, dehrilhom anġlu u qalilhom li Ġesù kien ġie mqajjem. “Morru malajr u għidu lid-​dixxipli tiegħu,” struwixxa l-​anġlu. Fil-​waqt li dawn in-​nisa kienu qegħdin jgħaġġlu biex jagħtu l-​aħbar, Ġesù nnifsu dehrilhom. “Morru, irrapportaw lil ħuti,” qalilhom. (Mattew 28:1-10; Mark 16:1, 2; Ġwann 20:1, 2) Bla ma kienet konxja taż-​żjara taʼ l-​anġlu u maħkuma min-​niket, Marija Maddalena rritornat lejn il-​qabar vojt. Ġesù dehrilha hemmhekk, u wara li fl-​aħħar għarfitu, qal: “Mur fi triqtek lejn ħuti u għidilhom, ‘Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom u għand Alla tiegħi u Alla tagħkom.’”—Ġwann 20:11-18; qabbel Mattew 28:9, 10.

7 Ġesù setaʼ deher l-​ewwel lil Pietru, lil Ġwanni, jew lil wieħed mid-​dixxipli rġiel l-​oħrajn. Minflok, għażel li jiffavorixxi lil dawn in-​nisa billi jagħmilhom l-​ewwel uħud li jixhdu b’għajnejhom stess l-​irxoxt tiegħu u billi jinkarigahom biex jagħtu xiehda dwaru lid-​dixxipli rġiel tiegħu. L-​irġiel kif irreaġixxew inizzjalment? Ir-​rakkont jistqarr: “Dawn l-​għajdut dehru bħala ħmerijiet għalihom u ma kinux qegħdin jemmnu lin-​nisa.” (Luqa 24:11) Setaʼ jagħti l-​fatt li sabu x-​xiehda diffiċli biex jaċċettawha għaliex kienet ġejja mingħand in-​nisa? Jekk iva, maż-​żmien huma rċevew evidenza abbundanti li Ġesù kien ġie mqajjem mill-​imwiet. (Luqa 24:13-46; 1 Korintin 15:3-8) Illum, irġiel Kristjani jaġixxu bil-​għaqal meta jagħtu kas l-​osservazzjonijiet taʼ ħuthom spiritwali nisa.—Qabbel Ġenesi 21:12.

8. Bil-​mod kif ittratta man-​nisa, Ġesù x’irrivela?

8 Huwa verament emozzjonanti li tinnota l-​mod kif Ġesù ttratta man-​nisa. Billi dejjem wera mogħdrija u bilanċ komplet f’li jittratta man-​nisa, hu la eżaltahom u lanqas ċekkinhom. (Ġwann 2:3-5) Irrifjuta t-​tradizzjonijiet rabbiniċi li serqulhom id-​dinjità tagħhom u li ġabu fix-​xejn il-​Kelma t’Alla. (Qabbel Mattew 15:3-9.) Billi ttratta lin-​nisa b’unur u rispett, Ġesù rrivela personalment kif Alla Jehovah iħoss li għandhom jiġu ttrattati. (Ġwann 5:19) Ġesù wkoll ħalla eżempju splendidu għal irġiel Kristjani biex jimitawh.—1 Pietru 2:21.

It-​Tagħlim Taʼ Ġesù Rigward In-​Nisa

9, 10. Ġesù kif irribatta t-​tradizzjonijiet rabbiniċi rigward in-​nisa, u x’qal wara li l-​Fariżej qajmu mistoqsija dwar id-​divorzju?

9 Ġesù rribatta tradizzjonijiet rabbiniċi u ta dinjità lin-​nisa mhux biss bl-​azzjonijiet tiegħu imma bit-​tagħlim tiegħu wkoll. Ikkunsidra, per eżempju, dak li għallem dwar id-​divorzju u l-​adulterju.

10 Rigward id-​divorzju, Ġesù kien mistoqsi din il-​mistoqsija: “Huwa legali għal raġel li jiddivorzja lil martu fuq kull xorta taʼ bażi?” Skond ir-​rakkont taʼ Mark, Ġesù qal: “Kulmin jiddivorzja lil martu [ħlief fuq il-​bażi taʼ fornikazzjoni] u jiżżewweġ lil oħra jikkommetti adulterju kontra tagħha, u jekk qatt mara, wara li tiddivorzja lil żewġha, tiżżewweġ lil ieħor, hi tikkommetti adulterju.” (Mark 10:10-12; Mattew 19:3, 9) Dak il-​kliem mistqarr b’mod sempliċi wera rispett lejn id-​dinjità tan-​nisa. Dan kif?

11. Il-​kliem taʼ Ġesù “ħlief fuq il-​bażi taʼ fornikazzjoni” jindika liema ħaġa dwar ir-​rabta taż-​żwieġ?

11 L-​ewwel, bil-​kliem “ħlief fuq il-​bażi taʼ fornikazzjoni” (misjub fir-​rakkont tal-​Vanġelu taʼ Mattew), Ġesù indika li r-​rabta taż-​żwieġ m’għandhiex titqies ħafif, ħafif jew tinkiser malajr. It-​tagħlim prevalenti rabbiniku kien jippermetti għal divorzju fuq bażijiet daqstant żgħar bħalma huma li l-​mara tħassar ikla jew titkellem maʼ raġel stranġier. Iva, divorzju kien saħansitra permess jekk raġel sab mara li kienet iżjed attraenti f’għajnejh! Wieħed studjuż tal-​Bibbja jinnota: “Meta Ġesù tkellem bħalma għamel kien . . . qiegħed jagħti daqqa t’id lin-​nisa billi jfittex li jirrestawra liż-​żwieġ għall-​pożizzjoni li għandu jkollu.” Tabilħaqq, iż-​żwieġ għandu jkun għaqda permanenti li fiha mara tistaʼ tħossha fis-​sigurtà.—Mark 10:6-9.

12. Bil-​kliem “jikkommetti adulterju kontra tagħha,” Ġesù liema kunċett kien qiegħed jintroduċi?

12 It-​tieni, bl-​espressjoni “jikkommetti adulterju kontra tagħha,” Ġesù introduċa ħarsa li ma kenitx irrikonoxxuta fil-​qrati rabbiniċi​—il-​kunċett taʼ li raġel jikkommetti adulterju kontra martu. The Expositor’s Bible Commentary jispjega: “Fil-​Ġudaiżmu rabbiniku mara permezz taʼ infedeltà setgħet tikkommetti adulterju kontra żewġha; u raġel, billi jkollu relazzjonijiet sesswali maʼ mart raġel ieħor, setaʼ jikkommetti adulterju kontra tiegħu. Imma raġel qatt ma setaʼ jikkommetti adulterju kontra martu, jagħmel x’jagħmel. Ġesù, billi poġġa lir-​raġel miżżewweġ taħt l-​istess obbligu morali bħall-​mara miżżewġa, għolla l-​istat u d-​dinjità tan-​nisa.”

13. Rigward id-​divorzju, Ġesù kif wera li taħt is-​sistema Kristjana, kellu jkun hemm livell wieħed kemm għall-​irġiel kif ukoll għan-​nisa?

13 It-​tielet, bil-​frażi “wara li tiddivorzja lil żewġha,” Ġesù rrikonoxxa d-​dritt taʼ mara li tiddivorzja lir-​raġel li ma kienx leali​—prattika apparentament magħrufa imma li ma kenitx komuni taħt il-​liġi Lhudija f’dak iż-żmien.c Kien intqal li “mara tistaʼ tiġi ddivorzjata trid u ma tridx, imma raġel biss jekk irid hu.” Skond Ġesù, madankollu, taħt is-​sistema Kristjana, l-​istess livell kellu japplika kemm għall-​irġiel kif ukoll għan-​nisa.

14. Bit-​tagħlim tiegħu, Ġesù x’irrifletta?

14 It-​tagħlim taʼ Ġesù jirrivela b’mod ċar tħassib profond għall-​benesseri tan-​nisa. M’huwiex, għalhekk, diffiċli li tifhem għala xi nisa ħassew tant imħabba għal Ġesù li ħadu ħsieb il-​bżonnijiet tiegħu minn buthom stess. (Luqa 8:1-3) “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi,” Ġesù qal, “imma jappartjeni lil dak li bagħatni.” (Ġwann 7:16) B’dak li għallem, Ġesù rrifletta l-​konsiderazzjoni tenera taʼ Jehovah stess għan-​nisa.

“Billi Tagħtuhom Unur”

15. L-​appostlu Pietru x’kiteb dwar il-​mod li l-​irġiel miżżewġin għandhom jittrattaw lin-​nisa tagħhom?

15 L-​appostlu Pietru osserva personalment il-​mod kif Ġesù ttratta man-​nisa. Xi 30 sena wara, Pietru ta lin-​nisa miżżewġin pariri taʼ mħabba u mbagħad kiteb: “Intom l-​irġiel miżżewġin, komplu għammru bl-​istess manjiera magħhom skond l-​għarfien, billi tagħtuhom unur bħal li kieku lil reċipjent iktar dgħajjef, il-​wieħed femminili, ladarba intom ukoll werrieta magħhom tal-​favur m’huwiex mistħoqq tal-​ħajja, sabiex it-​talb tagħkom ma jkunx imtellef.” (1 Pietru 3:7) X’ried ifisser Pietru bil-​kliem “billi tagħtuhom unur”?

16. (a) X’inhi t-​tifsira tan-​nom Grieg tradott “unur”? (b) Jehovah kif onora lil Ġesù matul it-​trasfigurazzjoni, u x’nitgħallmu minn dan?

16 Skond lessikografu wieħed, in-​nom Grieg tradott “unur” (ti·meʹ) ifisser “prezz, valur, ġieħ, rispett.” Forom taʼ din il-​kelma Griega huma tradotti “għotjiet” u “prezzjuż.” (Atti 28:10; 1 Pietru 2:7) Aħna niksbu dehen f’dak li jfisser li tonora lil xi ħadd jekk neżaminaw l-​użu li għamel Pietru minn forma taʼ l-​istess kelma fit-2 Pietru 1:17. Hemmhekk qal b’referenza għat-​trasfigurazzjoni taʼ Ġesù: “Hu rċieva mingħand Alla l-​Missier unur u glorja, meta kelmiet bħal dawn kienu mogħtijin lilu permezz tal-​glorja taʼ l-​għaġeb: ‘Dan hu ibni, il-​maħbub tiegħi, li lilu jien innifsi approvajt.’” Fit-​trasfigurazzjoni taʼ Ġesù, Jehovah onora lil Ibnu billi esprima l-​approvazzjoni tiegħu għal Ġesù, u Alla għamel dan fejn oħrajn setgħu jisimgħuh. (Mattew 17:1-5) Ir-​raġel li jonora lil martu, allura, ma jumiljahiex jew ibaxxiha. Minflok, juri bi kliemu u b’għemilu​—fil-​privat u fil-​pubbliku—​li hu jistmaha.—Proverbji 31:28-30.

17. (a) L-​unur għala huwa dovut lill-​mara Kristjana miżżewġa? (b) Raġel għala m’għandux iħossu li hu għandu iżjed valur f’għajnejn Alla milli għandha mara?

17 Dan l-​unur, jgħid Pietru, għandu ‘jingħata’ minn irġiel Kristjani miżżewġin lin-​nisa tagħhom. Għandu jingħata, mhux bħala favur, imma bħala dritt xieraq tan-​nisa tagħhom. Għala huma n-​nisa miżżewġin intitolati għal unur bħal dan? Għaliex “intom ukoll werrieta magħhom tal-​favur m’huwiex mistħoqq tal-​ħajja,” jispjega Pietru. Fl-​ewwel seklu E.K., l-​irġiel u n-​nisa li rċevew l-​ittra taʼ Pietru kienu kollha msejħin biex ikunu werrieta sħab maʼ Kristu. (Rumani 8:16, 17; Galatin 3:28) Ma kellhomx l-​istess responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni, imma eventwalment kellhom jieħdu sehem f’li jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema. (Rivelazzjoni 20:6) Illum, ukoll, meta l-​biċċa l-​kbira min-​nies t’Alla għandhom tama għall-​art, ikun żball serju għal kwalunkwe raġel Kristjan li jħoss li minħabba l-​privileġġi li jistaʼ jkollu fil-​kongregazzjoni, hu għandu iktar valur f’għajnejn Alla min-​nisa. (Qabbel Luqa 17:10.) L-​irġiel u n-​nisa għandhom qagħda spiritwali ugwali quddiem Alla, għax il-​mewt bħala sagrifiċċju taʼ Ġesù fetħet l-​istess opportunità kemm lill-​irġiel kif ukoll lin-​nisa​—dik li jkunu meħlusin mill-​kundanna tad-​dnub u l-​mewt, b’ħajja taʼ dejjem quddiemhom.—Rumani 6:23.

18. Pietru liema raġuni valida jagħti biex raġel jonora lil martu?

18 Pietru jagħti raġuni valida oħra għala raġel miżżewweġ għandu jagħti unur lil martu, “sabiex it-​talb [tiegħu] ma jkunx imtellef.” L-​espressjoni ‘jkun imtellef’ tiġi minn verb Grieg (en·koʹpto) li litteralment ifisser “tniffed.” Skond l-​Expository Dictionary of New Testament Words taʼ Vine, din “kienet tintuża dwar li jimpedixxu lil persuni billi jkissru t-​triq, jew billi jpoġġu xi ostaklu dlonk quddiemhom.” Għalhekk, ir-​raġel li jonqos li jagħti unur lil martu jistaʼ jsib li hemm ostaklu fin-​nofs bejn it-​talb tiegħu u s-​smigħ t’Alla. Ir-​raġel jistaʼ jħossu mhux denju li javviċina lil Alla, jew Jehovah jistaʼ ma jkunx dispost li jagħti widen. B’mod ċar, Jehovah hu kkonċernat bil-​kbir dwar il-​mod kif l-​irġiel jittrattaw lin-​nisa.—Qabbel Il-​Biki taʼ Ġeremija 3:44.

19. Irġiel u nisa fil-​kongregazzjoni kif jistgħu jaqdu flimkien b’rispett lejn xulxin?

19 L-​obbligu li juru unur ma jaqax biss fuq l-​irġiel miżżewġin. Fil-​waqt li raġel għandu jonora lil martu billi jittrattaha b’imħabba u b’dinjità, mara għandha tonora lil żewġha billi tkun sottomessa u billi turi rispett profond. (1 Pietru 3:1-6) Iktar minn hekk, Pawlu wissa lill-​Kristjani biex ‘juru unur lil xulxin.’ (Rumani 12:10) Din hija sejħa biex irġiel u nisa fil-​kongregazzjoni jaqdu flimkien b’rispett lejn xulxin. Meta jsaltan spirtu bħal dan, nisa Kristjani ma jitkellmux b’manjiera li ddgħajjef l-​awtorità taʼ dawk li jieħdu t-​tmexxija. Minflok, se jappoġġjaw lill-​anzjani u jikkoperaw magħhom. (1 Korintin 14:34, 35; Ebrej 13:17) Min-​naħa tagħhom, indokraturi Kristjani se jittrattaw lil “nisa ixjeħ bħal ommijiet, nisa iżgħar bħal aħwa bniet bis-​safa kollu.” (1 Timotew 5:1, 2) B’mod għaqli, l-​anzjani se jagħtu konsiderazzjoni b’qalb tajba lil-​leħen taʼ ħuthom nisa Kristjani. B’hekk, meta oħt turi l-​istima tagħha lejn l-​istat taʼ kap teokratiku u bir-​rispett tistaqsi xi ħaġa jew saħansitra tagħmel osservazzjoni dwar xi ħaġa li teħtieġ attenzjoni, l-​anzjani minn qalbhom se jagħtu konsiderazzjoni lill-​mistoqsija jew problema tagħha.

20. Skond ir-​rekord taʼ l-​Iskrittura, in-​nisa kif għandhom jiġu ttrattati?

20 Minn mindu ġie ntrodott id-​dnub f’Għeden, nisa f’ħafna kulturi ġew imbaxxijin għal pożizzjoni taʼ diżunur. Imma dak m’huwiex it-​tip taʼ trattament li Jehovah oriġinalment riedhom jesperjenzaw. Huma x’inhuma l-​ħarsiet kulturali lejn in-​nisa li jistgħu jkunu prevalenti, ir-​rekord taʼ l-​Iskrittura kemm Ebrajka u kemm dik Kristjana Griega juri b’mod ċar li nisa devoti għandhom jiġu ttrattati b’unur u rispett. Huwa d-​dritt mogħti lilhom minn Alla.

(w95 7/15)

[Noti taʼ taħt]

a The International Standard Bible Encyclopedia tispjega: “In-​nisa ma kinux jieklu maʼ mistednin irġiel, u l-​irġiel kienu skuraġġiti milli jitkellmu man-​nisa. . . . Konversazzjoni maʼ mara f’post pubbliku kienet partikolarment skandaluża.” Il-​Mishnah Lhudija, kollezzjoni taʼ tagħlim rabbiniku, wissiet: “Titkellimx wisq man-​nisa. . . . Min jitkellem wisq man-​nisa jġib ħsara fuqu nnifsu u jittraskura l-​istudju tal-​Liġi u fl-​aħħar se jiret Geħenna.”​—Aboth 1:5.

b Il-ktieb Palestine in the Time of Christ jistqarr: “F’xi każi, il-​mara kienet titpoġġa kważi f’livell wieħed maʼ l-​irsir. Per eżempju, ma setgħetx tagħti xiehda f’qorti taʼ ġustizzja, ħlief biex tixhed dwar il-​mewt taʼ żewġha.” Billi jirreferi għal Levitiku 5:​1, The Mishnah jispjega: “[Il-Liġi dwar] ‘ħalfa taʼ testimonjanza’ tapplika għall-​irġiel imma mhux għan-​nisa.”​—Shebuoth 4:I.

c L-istoriku Lhudi taʼ l-​ewwel seklu Josefus jirrapporta li Salomè oħt is-​Sultan Erodi bagħtet lil żewġha “dokument li jħoll iż-​żwieġ tagħhom, li ma kienx skond il-​liġi Lhudija. Għaliex hu (biss) ir-​raġel li għandu permess mingħandna biex jagħmel dan.”​—Jewish Antiquities, XV, 259 [vii, 10].

X’Inhi T-​Tweġiba Tiegħek?

◻ Liema eżempji juru li Ġesù ttratta lin-​nisa b’unur u rispett?

◻ It-​tagħlim taʼ Ġesù kif wera rispett lejn id-​dinjità tan-​nisa?

◻ Għala għandu raġel jagħti unur lil martu Kristjana?

◻ Il-​Kristjani kollha għandhom liema obbligu biex juru unur?

[Stampa f’paġna 14]

Għall-​pjaċir kbir tagħhom, nisa devoti kienu l-​ewwel li raw lil Ġesù rxoxtat, li ġegħilhom jagħtu xiehda lil ħutu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja