LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 10/15 pp. 30-31
  • Min Hu l-“Alla l-Veru u l-Ħajja taʼ Dejjem”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Hu l-“Alla l-Veru u l-Ħajja taʼ Dejjem”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​“Alla l-​Veru”
  • Għala Għandna Nimxu Wara “l-Kristu”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Ġwanni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “It-Triq, il-Verità, u l-Ħajja”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 10/15 pp. 30-31

Min Hu l-​“Alla l-​Veru u l-​Ħajja taʼ Dejjem”?

Ġeħova, Missier Sidna Ġesù Kristu, huwa l-​Alla veru. Hu l-​Ħallieq, il-​wieħed li jagħti l-​ħajja eterna lil dawk li jħobbuh. Dan hu l-​mod kif ħafna minn dawk li jaqraw u jemmnu l-​Bibbja jwieġbu l-​mistoqsija li jqajjem dan it-​titlu. Tabilħaqq, Ġesù nnifsu qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3.

Madankollu, ħafna minn dawk li jmorru l-​knisja jifhmuha b’mod ieħor din l-​espressjoni. Il-​kliem f’dan it-​titlu ġej mill-​1 Ġwanni 5:20 li, parti minnu, jgħid: “Aħna qegħdin f’unjoni miegħu, permezz taʼ Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu Alla l-​veru u l-​ħajja taʼ dejjem.”

Uħud li jemmnu fid-​duttrina tat-​Trinità jsostnu li l-​pronom dimostrattiv “dan” (ħutos) jirreferi għan-​nom li jiġi eżattament qabel, jiġifieri Ġesù Kristu. Huma jgħidu li Ġesù huwa l-​“Alla l-​veru u l-​ħajja taʼ dejjem.” Madankollu, din l-​interpretazzjoni ma taqbilx maʼ dak li jgħid il-​kumplament taʼ l-​Iskrittura. U ħafna studjużi t’awtorità ma jaċċettawx din il-​ħarsa Trinitarjana. B. F. Westcott, studjuż fl-​Università taʼ Cambridge, kiteb: “L-​iktar referenza loġika [għall-pronom ħutos] m’hijiex għas-​suġġett li jkun għadu kif issemma imma għas-​suġġett li kellu f’moħħu l-​appostlu.” Għalhekk, l-​appostlu Ġwanni ma kellux f’moħħu lil Ġesù imma lil Missieru. Erich Haupt, teologu Ġermaniż, kiteb li jrid jiġi determinat jekk il-​pronom ħutos taʼ l-​espressjoni taʼ wara jirreferix għas-​suġġett li jiġi eżattament qabel jew għal Alla, li hu n-​nom marbut miegħu u li jissemma iktar ’il bogħod fis-​sentenza. Hu jkompli jgħid li jekk tieħu dan il-​vers bħala prova li hemm biss Alla wieħed veru, ikun iktar fi qbil mat-​twissija kontra l-​idoli li hemm fl-​aħħar tal-​kapitlu milli kieku tipprova tużah bħala prova li Ġesù hu Alla.

Anki A Grammatical Analysis of the Greek New Testament, pubblikat mill-​Istitut Bibliku Pontifikali taʼ Ruma, jgħid li bħala l-​qofol taʼ versi 18-20 ir-​referenza għal ħutos tirreferi kważi ċertament għall-​Alla reali u veru, li huwa l-​kuntrarju tal-​paganiżmu (vers 21).

Ħafna drabi ħutos, li ġeneralment tiġi tradotta bħala “dan,” ma tirreferix għas-​suġġett li jiġi eżattament qabel fil-​frażi. Nistgħu nifhmu dan il-​punt permezz taʼ skritturi oħrajn. Fit-​2 Ġwanni 7, l-​istess appostlu u kittieb taʼ l-​ewwel ittra kiteb: “Fid-​dinja dehru ħafna qarrieqa, nies li ma jistqarrux li Ġesù Kristu ġie bħala bniedem. Dak [ħutos] hu l-​qarrieq u l-​antikrist.” Hawnhekk il-​pronom ma jistax ikun li jirreferi għall-​eqreb nom—Ġesù. Ovvjament, “dak” jirreferi għal dawk li ċaħdu lil Ġesù. B’mod kollettiv huma “l-​qarrieq u l-​antikrist.”

Fl-Evanġelju tiegħu, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Indrì, ħu Xmun Pietru, kien wieħed mit-​tnejn li semgħu dak li qal Ġwanni u marru wara Ġesù. L-​ewwel dan [ħutos] sab lil ħuh Xmun.” (Ġwanni 1:40, 41) Huwa evidenti li “dan” ma jirreferix għall-​aħħar persuna msemmija, imma għal Indrì. Fl-​1 Ġwanni 2:22, l-​appostlu juża l-​istess pronom b’mod simili.

Luqa juża dan il-​pronom b’mod simili, bħalma jidher f’Atti 4:10, 11: “F’isem Ġesù Kristu n-​Nazzarenu, li intom sammartuh maʼ zokk imma li Alla qajmu mill-​imwiet, permezz tiegħu dan il-​bniedem jinsab hawn f’saħħtu quddiemkom. Din [ħutos] hi ‘l-​ġebla li intom il-​bennejja ma stmajtuhiex u li saret il-​ġebla tax-​xewka.’” Jidher ċar li l-​pronom “din”a ma jirreferix għar-​raġel li kien ġie mfejjaq, minkejja li ssemma eżattament qabel ħutos. M’hemmx dubju li l-​kelma “din” fil-​vers 11 tirreferi għal Ġesù Kristu n-​Nazzarenu, li huwa l-​“ġebla tax-​xewka” li fuqha nbniet il-​kongregazzjoni Kristjana.—Efesin 2:20; 1 Pietru 2:4-8.

Skritturi bħal dawn jikkonfermaw l-​osservazzjoni li saret minn Daniel Wallace, studjuż Grieg, li jgħid li meta jintużaw pronomi dimostrattivi Griegi, dak li fis-​sentenza jidher li hu s-​suġġett li għandu x’jaqsam mal-​pronom għax ikun eżatt qablu jistaʼ ma jkunx is-​suġġett li kellu f’moħħu l-​awtur.

L-​“Alla l-​Veru”

Bħalma kiteb l-​appostlu Ġwanni, l-​“Alla l-​veru” huwa Ġeħova, Missier Ġesù Kristu. Hu l-​uniku Alla veru, il-​Ħallieq. L-​appostlu Pawlu rrikonoxxa dan meta qal: “Għalina fil-​fatt hemm Alla wieħed, il-​Missier, li minnu hu kollox.” (1 Korintin 8:6; Isaija 42:8) Raġuni oħra li Ġeħova huwa l-​“Alla l-​veru” msemmi fl-​1 Ġwanni 5:20 hija li hu s-​Sors tal-​verità. Is-​salmista sejjaħ lil Ġeħova “l-​Alla tal-​verità” għax Hu leali f’dak kollu li jagħmel u ma jistax jigdeb. (Salm 31:5, NW; Eżodu 34:6; Titu 1:2) Meta rrefera għal Missieru tas-​sema, l-​Iben qal: “Kelmtek hi l-​verità.” U rigward it-​tagħlim tiegħu stess, Ġesù qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.”—Ġwanni 7:16; 17:17.

Ġeħova huwa wkoll “il-​ħajja taʼ dejjem.” Hu s-​Sors tal-​ħajja, il-​Wieħed li jagħtiha bħala rigal mhux mistħoqq permezz taʼ Kristu. (Salm 36:10 [36:9, NW]; Rumani 6:23) B’mod sinifikanti, l-​appostlu Pawlu qal li Alla “jippremja lil dawk li jfittxuh bil-​ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Alla ppremja lil Ibnu billi qajmu mill-​imwiet, u l-​Missier se jagħti l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem lil dawk li Jaqduh b’qalbhom kollha.—Atti 26:23; 2 Korintin 1:9.

xGħalhekk, għal liema konklużjoni għandna naslu? Li Ġeħova, u ħadd iktar, huwa l-​“Alla l-​veru u l-​ħajja taʼ dejjem.” Hu biss jistħoqqlu li jirċievi qima esklużiva mingħand dawk li ħalaq.—Rivelazzjoni 4:11.

[Nota taʼ taħt]

a Fil-lingwa oriġinali, il-​pronom “dan” huwa użat fil-​ġens maskil. Minħabba raġunijiet grammatikali, il-​pronom “dan” bil-​Malti ġie tradott fil-​ġens femminil.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja