Kapitlu 13
Folla Kbira Quddiem it-Tron taʼ Jehovah
1. (a) Qabel ma jew il-qaddejja t’Alla taʼ qabel Kristu jew il-144,000 jirċievu l-premju tagħhom, x’iridu jesperjenzaw? (b) Imma x’se jkun possibbli għal folla kbira li jkunu ħajjin meta tfaqqaʼ t-“tribulazzjoni l-kbira”?
GĦALKEMM qaddejja leali t’Alla minn Abel sa Ġwanni l-Għammied poġġew it-twettiq tar-rieda t’Alla l-ewwel f’ħajjiethom, ilkoll kemm huma kellhom imutu u jistennew irxoxt. Il-144,000 li se jkunu maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu tas-sema wkoll iridu jmutu qabel ma jistgħu jirċievu l-premju tagħhom. F’kuntrast maʼ dan, l-appostlu Ġwanni ġie muri f’viżjoni li se jkun hemm folla kbira li attwalment kellhom jibqgħu ħajjin wara t-“tribulazzjoni l-kbira” u, mingħajr ma jmutu, ikollhom il-prospett li jgħixu għal dejjem.—Riv. 7:9-17.
NIDENTIFIKAW IL-“FOLLA KBIRA”
2. X’wassal għal fehma ċara dwar l-identità tal-“folla kbira” taʼ Rivelazzjoni 7:9?
2 Għal sekli sħaħ l-identità taʼ din il-“folla kbira” ma kenitx mifhuma. Imma l-fehma progressiva taʼ profeziji relatati ppreparat it-triq. Fl-1923 sar magħruf li n-“ngħaġ” tal-parabbola taʼ Ġesù f’Mattew 25:31-46 u n-“ngħaġ oħrajn” li għalihom irrefera fi Ġwann 10:16 kienu persuni li qegħdin jgħixu issa u li kien se jkollhom l-opportunità li jgħammru għal dejjem hawnhekk fuq l-art. Fl-1931 l-uħud deskritti f’Eżekjel 9:1-11 bħala li huma mmarkati fuq ġbinhom mir-raġel bil-klamar tas-segretarju kienu identifikati man-“ngħaġ” taʼ Mattew kapitlu 25. Imbagħad, fl-1935, il-“kotra kbira,” jew “folla kbira,” taʼ Rivelazzjoni 7:9-17 intweriet li kienet l-istess bħan-“ngħaġ” tal-parabbola taʼ Ġesù dwar in-ngħaġ u l-mogħoż. Għalkemm lura fl-1923 ġie rrealizzat li xi ftit individwi bħal ngħaġ bħal dawn kienu diġà bdew juru lilhom infushom, ma kienx qabel l-1935 li l-għadd tagħhom beda jiżdied bil-ħeffa. Illum hemm litteralment miljuni li qegħdin ifittxu li jkunu identifikati bħala parti minn dik il-“folla kbira” tan-“ngħaġ oħrajn” iffavorita b’mod divin.
3. Li huma “bil-wieqfa quddiem it-tron” għala ma jfissirx li huma klassi tas-sema?
3 Dawk tal-“folla kbira” huma distinti mill-144,000 membru taʼ Iżrael spiritwali, li jirreferi għalihom iktar kmieni l-istess kapitlu taʼ Rivelazzjoni. Fil-viżjoni tiegħu Ġwanni ma rax lil din il-“folla kbira” bħala li kienet fis-sema. Li jkunu “bil-wieqfa quddiem it-tron” (bil-Grieg: e·noʹpi·on tou throʹnou, “fid-dehra tat-tron”) t’Alla ma jirrikjedix li huma jkunu fis-sema. Il-pożizzjoni tagħhom hija sempliċement “fid-dehra” t’Alla, li jgħidilna li mis-sema hu jilmaħ ulied il-bnedmin. (Riv. 7:9; Salm 11:4; qabbel Salm 100:1, 2, ukoll Luqa 1:74, 75 u Atti 10:33, Kingdom Interlinear.) Bl-istess mod, m’huwiex neċessarju għall-“ġnus kollha” li jkunu fis-sema biex ikunu quddiem it-tron taʼ Kristu (litteralment, “quddiemu”), bħalma huwa deskritt f’Mattew 25:31, 32. Il-fatt li l-“folla kbira, li l-ebda bniedem ma kellu l-ħila jgħodd,” m’hijiex klassi tas-sema jintwera billi jsir paragun maʼ Rivelazzjoni 7:4-8 u 14:1-4, fejn huwa rrivelat in-numru speċifiku taʼ dawk li ttieħdu mill-art biex ikunu fis-sema.
4. (a) X’inhi t-“tribulazzjoni l-kbira” li huma se jibqgħu ħajjin warajha? (b) Bħalma huwa mistqarr f’Rivelazzjoni 7:11, 12, min josserva l-“folla kbira” u jieħu sehem magħhom fil-qima?
4 F’li jidentifika l-“folla kbira,” Ġwanni jikteb: “Dawn huma dawk li joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira.” Dik li se joħorġu ħajjin minnha se tkun, tabilħaqq, l-akbar tribulazzjoni li qatt ġiet imġarrba fuq l-art. (Riv. 7:13, 14; Matt. 24:21) Dawk li jibqgħu ħajjin wara dak il-jum taʼ Jehovah li jqanqal il-biżaʼ ma se jkollhom ebda dubju dwar min hu responsabbli għall-ħelsien tagħhom. Meta b’ringrazzjament jattribwixxu s-salvazzjoni tagħhom lil Alla u lill-Ħaruf, imbagħad, bħalma Ġwanni ra fil-viżjoni, il-ħlejjaq leali kollha fis-sema se jgħaqqdu l-ilħna tagħhom magħhom fil-qima taʼ l-uniku Alla veru, billi jgħidu: “Amen! Il-barka u l-glorja u l-għerf u r-radd il-ħajr u l-unur u l-qawwa u s-saħħa jkunu lil Alla tagħna għal dejjem taʼ dejjem. Amen.”—Riv. 7:11, 12.
ITTESTJATI INKWANTU GĦAL JEKK HUMIEX DENJI LI JIBQGĦU ĦAJJIN
5. (a) Kif nistgħu niddeterminaw x’inhu meħtieġ sabiex inkunu parti mill-“folla kbira” li se tiġi ppreservata? (b) Billi twieġeb il-mistqosijiet fl-aħħar taʼ dan il-paragrafu, spjega x’inhu meħtieġ biex tibqaʼ ħaj wara t-“tribulazzjoni l-kbira.”
5 L-ippreservar tal-“folla kbira” jseħħ f’armonija mal-livelli taʼ tjieba taʼ Jehovah stess. Indikazzjonijiet ċari dwar il-karatteristiċi identifikanti taʼ dawk li se jkunu meħlusin huma inklużi fir-referenzi profetiċi tal-Bibbja għalihom. B’hekk huwa possibbli għal dawk li jħobbu t-tjieba li jaġixxu issa bit-tir li jibqgħu ħajjin. Aħna diġà rreferejna għall-iskritturi li ġejjin. Imma issa analizzahom bir-reqqa, bil-għajnuna taʼ testi ċċitati addizzjonali, u ikkunsidra xi trid tagħmel int sabiex tiffittja f’dawn id-deskrizzjonijiet profetiċi.
“Ngħaġ oħrajn” li hemm referenza għalihom fi Ġwann 10:16
X’ifisser li persuna tassew tagħti widen għal-leħen taʼ Ġesù? (Ġwn. 10:27; Matt. 9:9; Ef. 4:17-24)
Kif nistgħu aħna nuru li nirrikonoxxu lil Kristu bħala r-“ragħaj wieħed” tagħna? (Matt. 23:10, 11)
“Ngħaġ” fit-tixbieha taʼ Ġesù dwar in-ngħaġ u l-mogħoż (Matt. 25:31-46)
Min huma l-“aħwa” taʼ Kristu li lilhom dawn se jkunu għamlu l-ġid? (Eb. 2:10, 11; 3:1)
Taħt liema ċirkostanzi diffiċli huma msejħin biex jidentifikaw lilhom infushom maʼ ħut Kristu fuq l-art? U f’liema xogħol jagħtu assistenza leali? (Riv. 12:12, 17; Matt. 24:14; 28:19, 20)
Persuni mmarkati biex jibqgħu ħajjin mir-raġel bil-klamar tas-segretarju (Eżek. 9:1-11)
Huma kif juru li m’humiex f’armonija maʼ l-affarijiet moqżieża li saru f’Ġerusalemm antitipika, jew il-Kristjaneżmu? (Riv. 18:4, 5)
X’inhu inkluż fil-“marka” li tagħmilhom differenti minn dawk li huma taparsi Kristjani u tpoġġihom f’pożizzjoni li jiġu ppreservati? (1 Piet. 3:21; Matt. 7:21-27; Ġwn. 13:35)
6. Id-deskrizzjoni li jagħti Ġwanni tal-“folla kbira” kif tgħinna nifhmu għala ġew ippreservati?
6 Id-deskrizzjoni tal-“folla kbira” bħalma tinstab f’Rivelazzjoni 7:9-15 iżżid iktar dettalji importanti. F’li tgħidilna kif dawk tal-“folla kbira” jidhru wara t-“tribulazzjoni l-kbira,” l-Iskrittura wkoll tiġbed l-attenzjoni lejn fatturi li wassluhom għal li jiġu ppreservati.
7. X’għamlu huma qabel it-“tribulazzjoni l-kbira,” u dan kif inhu indikat?
7 Għalkemm jiġu mill-ġnus, mit-tribujiet, mill-popli u mill-ilsna kollha, jintwerew li huma magħqudin “bil-wieqfa quddiem it-tron,” billi jagħtu r-rikonoxximent lil Jehovah, il-Wieħed bil-qiegħda fuq it-tron, bħala s-Sovran Universali. Taw prova bil-mod taʼ ħajja tagħhom li huma wħud leali li jappoġġjaw lill-istat taʼ ħakkiem tiegħu. Il-fatt li “ħaslu lbieshom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf” jindika li rrikonoxxew li jeħtieġu l-mertu, li jpatti għad-dnubiet, tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala l-Ħaruf t’Alla. (Ġwn. 1:29; 1 Ġwn. 2:2) Bil-fidi ddedikaw lilhom infushom lil Alla fuq il-bażi taʼ dak is-sagrifiċċju, issimbolizzaw dan permezz tat-tgħaddis fl-ilma u issa jgawdu waqfa nadifa quddiem Alla, bħalma tingħata stampa tagħhom permezz taʼ l-ilbiesi bojod tagħhom. Ma żammewx lura milli pubblikament jagħmlu magħrufa l-fidi tagħhom fl-Iben t’Alla. (Matt. 10:32, 33) Konsistenti maʼ dan kollu, jintwerew bħala li huma fit-tempju, jew dar universali taʼ qima, t’Alla bħala adoraturi li jagħtu lil Alla “servizz sagru lejl u nhar.” B’hekk huma stabbilew isem bħala wħud leali li jappoġġjaw il-vera qima u bħala proklamaturi tas-Saltna tiegħu.—Isa. 2:2, 3.
8. Biex din l-informazzjoni tibbenefikana, x’irridu nagħmlu?
8 Id-dettalji taʼ dawn l-istampi profetiċi jiffittjawk? Hemm xi modi fejn għandek bżonn iġġib ħajtek b’mod iktar sħiħ fi qbil maʼ dak deskritt hawnhekk? Jekk inhu hekk, issa huwa ż-żmien li tagħmel hekk!
NGĦIXU F’ĠENNA SPIRITWALI
9. Ġwanni kif jiddeskrivi barkiet spiritwali gawduti mill-“folla kbira” saħansitra issa?
9 Int wieħed li tittama li tibqaʼ ħaj bħala parti mill-“folla kbira”? Jekk ikkonformajt mal-mogħdijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah, allura mingħajr ebda dubju diġà qiegħed tibda tgawdi l-kundizzjonijiet imwegħdin li b’mod addattat ġew imsejħin ġenna spiritwali. L-appostlu Ġwanni ntqallu: “Ma se jkollhom qatt ġuħ iktar lanqas għatx iktar, lanqas se tħabbat fuqhom ix-xemx jew xi sħana taħraq, għaliex il-Ħaruf, li qiegħed f’nofs it-tron, se jirgħahom, u se jiggwidahom lejn nixxigħat taʼ ilmijiet taʼ ħajja. U Alla se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom.” (Riv. 7:16, 17) Dan kif ta prova li huwa veru fil-każ tiegħek?
10. (a) F’sens spiritwali kif inhu veru li l-“folla kbira” “ma se jkollhom qatt ġuħ iktar lanqas għatx iktar”? (b) Esperjenzajtu int dan?
10 Qabel ma ġejt taħt l-indokrar taʼ mħabba tar-Ragħaj Mill-Aħjar, Ġesù Kristu, kont int bil-ġuħ u bil-għatx għat-tjieba? (Qabbel Mattew 5:6.) Jekk inhu hekk, dik li int kont imlebleb għaliha kienet ħaġa li Jehovah biss permezz taʼ Ibnu setaʼ jipprovdi. Meta tgħallimt dwar il-mogħdijiet taʼ tjieba taʼ Jehovah—l-iskop tiegħu li jeqred lil uħud mill-agħar, u madankollu l-qalb tajba mhix mistħoqqa tiegħu f’li jagħmel possibbli s-salvazzjoni għan-nisel taʼ Adam—imbagħad, bla dubju, għall-ewwel darba f’ħajtek int verament ħassejtek kuntent. Ikel u xorb spiritwali mill-Kelma t’Alla, servut permezz taʼ l-Organizzazzjoni, komplew iġibulek sodisfazzjon. (Isa. 65:13, 14) U jekk iddedikajt lilek innifsek lil Alla permezz taʼ Kristu issa għandek skop reali fil-ħajja. (Qabbel Ġwann 4:32-34.) Quddiemek hemm il-prospett mimli ferħ taʼ ħajja eterna fuq art magħmula Ġenna, għaliex il-Ħaruf “se jiggwidahom [lill-“folla kbira”] lejn nixxigħat taʼ ilmijiet taʼ ħajja.”
11. (a) B’liema mod huwa veru li ‘la x-xemx u lanqas ebda sħana taħraq ma tħabbat fuqhom iktar’? (b) Kemm huwa importanti dak għalik?
11 Bħala “ngħaġ” li jafdaw, dawk tal-“folla kbira” huma wkoll protetti u ggwidati ’l bogħod mill-periklu mir-Ragħaj Mill-Aħjar. Dak huwa għala, b’mod figurattiv, ‘la x-xemx u lanqas ebda sħana taħraq ma tħabbat fuqhom iktar.’ Dan ma jfissirx li, bħala wieħed mill-“folla kbira,” m’int se ssofri ebda persekuzzjoni mid-dinja. Minflok, dan jissinjifika li int issalvagwardjat mis-sħana taħraq tad-dispjaċir t’Alla stess. U meta jitfaʼ xita taʼ qerda divina fuq l-uħud mill-agħar, din m’hijiex se ġġibek f’rovina. Din ir-relazzjoni ffavorita tistaʼ tkompli għal dejjem.—Eżek. 38:22, 23; qabbel Salm 11:6; 85:3, 4.
12. Id-dmugħ kif ġie mimsuħ minn għajnejk saħansitra issa?
12 X’raġunijiet taʼ l-għaġeb għal ferħ huma tiegħek jekk int verament wieħed minn dik il-“folla kbira”! Għandek it-tama meraviljuża li tara l-uħud mill-agħar imneħħijin kompletament u mbagħad li jkollok moħħok u ġismek stess attwalment meħlusin mill-effetti kollha tad-dnub. Imma saħansitra issa n-niket imġarrab min-nies minħabba li huma fl-għama rigward Alla ma jinkwetakx. Qed tibda ssir taf il-ferħ li jappartjeni biss lil dak il-poplu li Alla tiegħu hu Jehovah. (Salm 144:15b) B’dan il-mod diġà qiegħed tibda tesperjenza t-twettiq tal-wegħda: “Alla se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom.”
13. X’se jżid mal-ferħiet tal-ġenna spiritwali hekk kif ir-renju t’elf sena taʼ Kristu jipprogressa?
13 Saħansitra bħalma l-“folla kbira” se jibqgħu ħajjin wara t-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet, hekk ukoll se tagħmel il-ġenna spiritwali. Jekk int wieħed minnhom, allura se tkompli tgawdi festa spiritwali t’affarijiet imsemmnin waqt li r-renju t’elf sena taʼ Kristu jimxi ’l quddiem. L-għarfien tiegħek dwar Alla nnifsu se jsir iktar profond hekk kif tara l-iskop tiegħu li ma jfallix isir realtà glorjuża. Il-ferħ tiegħek se jissebbaħ waqt li int tieħu sehem f’li tilqaʼ lura kotra li dejjem tikber mill-imwiet biex ikunu magħqudin miegħek fil-qima vera. U l-barkiet fiżiċi li mbagħad se jkunu pprovduti se jkunu prezzjużi b’mod speċjali għall-qaddejja leali kollha t’Alla ladarba dawn jintgħarfu li huma espressjonijiet taʼ l-imħabba taʼ Jehovah innifsu.—Isa. 25:6-9; Ġak. 1:17.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Il-Bibbja tassoċja l-“folla kbira” maʼ liema ġrajja straordinarja, u kif?
● Jekk tassew irridu nkunu inklużi f’dik il-“folla kbira” ffavorita b’mod divin, x’irridu nagħmlu issa?
● Kemm huma importanti għalik il-barkiet tal-ġenna spiritwali?