Kapitlu 14
‘Nagħmel Patt Magħkom Għal Saltna’
1. F’dik il-lejla taʼ qabel il-mewt taʼ Ġesù liema prospett poġġa hu quddiem l-appostli tiegħu?
KIEN fil-lejl qabel ma Ġesù ġie mogħti l-mewt li hu qal lill-appostli leali tiegħu: ‘F’dar Missieri hemm bosta għamajjar. Jien sejjer fi triqti biex inħejji post għalikom, biex fejn qiegħed jien intom ukoll tistgħu tkunu.’ Hu kompla jgħidilhom: “Jien nagħmel patt magħkom, sewwa sew bħalma Missieri għamel patt miegħi, għal Saltna.” (Ġwn. 14:2, 3; Luqa 22:29) Xi prospett meraviljuż poġġa quddiemhom!
2. Kemm se jkun hemm li jieħdu sehem maʼ Ġesù fis-Saltna tiegħu tas-sema?
2 Madankollu, Ġesù ma riedx ifisser li l-appostli biss kellhom jaħkmu miegħu fis-Saltna tiegħu tas-sema. Iktar tard ġie mgħarraf li 144,000 mifdijin mill-art kien se jkollhom dak il-privileġġ grandjuż. (Riv. 5:9, 10; 14:1, 4) Hemm uħud illum li qegħdin jistinkaw biex jakkwistawh?
JINĠABRU L-WERRIETA TAS-SALTNA
3. Fil-ministeru pubbliku tiegħu, Ġesù ġibed l-attenzjoni lejn liema opportunità?
3 Wara li Ġwanni l-Għammied ġie kkalzrat minn Erodi Antipas, Ġesù daħal għax-xogħol taʼ kampanja intensiva taʼ ppridkar pubbliku fejn iffoka l-attenzjoni fuq “is-saltna tas-smewwiet.” (Matt. 4:12, 17) Hu għamel lin-nies konxji tal-fatt li kellu jkun hemm opportunità għalihom biex jidħlu f’dik is-Saltna, u d-dixxipli tiegħu stinkaw bis-serjetà għal dak il-premju.—Matt. 5:3, 10, 20; 7:21; 11:12.
4. (a) L-ewwel uħud tad-dixxipli taʼ Ġesù meta ġew midlukin bl-ispirtu qaddis? (b) X’juri li minn dak iż-żmien ’il quddiem l-attenzjoni bdiet tingħata għall-ġbir tal-werrieta tas-Saltna?
4 F’Pentekoste tas-sena 33 E.K. l-ewwel fosthom ġew midlukin bl-ispirtu qaddis. (Atti 2:1-4; 2 Kor. 1:21, 22) Il-provvediment t’Alla għal salvazzjoni li twassal għal ħajja immortali fis-sema ġie mgħarraf. Pietru uża “l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet” biex jiftaħ dan l-għarfien—l-ewwel għal-Lhud, wara għas-Samaritani, u mbagħad għan-nies tal-ġnus Ġentili. (Matt. 16:19) Attenzjoni speċjali ngħatat għal li jiġi fformat il-gvern li kellu jaħkem lill-umanità għal 1,000 sena, u kważi l-ittri mnebbħin kollha fl-Iskrittura Griega Kristjana huma primarjament immirati lejn dan il-grupp taʼ werrieta tas-Saltna—“l-uħud qaddisin,” “dawk li jieħdu sehem mis-sejħa għas-sema.”a
5. Il-fatt li huma kienu msejħin għal ħajja fis-sema kien għaliex kienu qaddejja t’Alla aħjar minn dawk li kienu għexu qabel?
5 Il-fatt li ġew imsejħin għal ħajja fis-sema ma kienx għar-raġuni li kienu b’xi mod aħjar mill-qaddejja kollha t’Alla li mietu qabel Pentekoste tas-sena 33 E.K. (Matt. 11:11) Minflok, Jehovah issa kien beda jagħżel lil dawk li kellhom ikunu ħakkiema mseħbin maʼ Ġesù Kristu. Għal xi 19-il seklu wara dan kien hemm biss sejħa waħda, dik għas-sema. Kienet qalb tajba mhix mistħoqqa li Jehovah irregala lil numru limitat bi tkomplija taʼ l-iskopijiet għorrief u taʼ mħabba tiegħu stess.—Ef. 2:8-10.
6. (a) Għala jrid jiġi ż-żmien meta s-sejħa għas-sema kellha tagħlaq? (b) Min kellu jidderieġi l-affarijiet sabiex il-profezija rigward il-“folla kbira” titwettaq ukoll, u attwalment x’ġara?
6 Maż-żmien in-numru preskritt imma limitat taʼ 144,000 kellu jimtela. L-issiġillar finali taʼ dawn l-Iżraeliti spiritwali bħala approvati kellu jkun fil-qrib. (Riv. 7:1-8) Imbagħad Jehovah, permezz taʼ l-ispirtu tiegħu u l-fehma tal-Kelma tiegħu li għamel possibbli għall-organizzazzjoni viżibbli tiegħu, kellu jidderieġi l-affarijiet sabiex iwettaq parti oħra mill-iskop tiegħu, bħalma huwa deskritt f’Rivelazzjoni 7:9-17. “Folla kbira” mill-ġnus kollha kellha tinġabar, bil-prospett eċċitanti li jibqgħu ħajjin wara t-tribulazzjoni l-kbira u li jgħixu għal dejjem fil-perfezzjoni f’Ġenna taʼ l-art. Meta nikkunsidraw dak li attwalment ġara, jidher evidenti li s-sejħa inġenerali għas-sema ġiet kompluta madwar is-sena 1935 E.K., meta t-tama għall-art tal-“folla kbira” ġiet mifhuma b’mod ċar. Minn dak iż-żmien ’l hawn inġiebu fi sħubija maʼ dawk il-komparattivament ftit eluf taʼ wħud li fadal tal-klassi tas-sema miljuni t’adoraturi taʼ Jehovah li qegħdin jittamaw bis-serjetà li jgħixu għal dejjem hawnhekk fuq l-art.
7. Huwa possibbli li xi wħud saħansitra llum jistgħu jirċievu s-sejħa għas-sema, u għala twieġeb hekk?
7 Ifisser dan li m’hemm ħadd issa li qiegħed jiġi msejjaħ minn Alla għal ħajja fis-sema? Sakemm isir l-issiġillar finali, huwa possibbli li xi ftit minn dawk li għandhom dik it-tama jistgħu jagħtu prova li jkunu żleali, u oħrajn ikollhom jiġu magħżulin biex jieħdu posthom. Imma jidher raġonevoli li din tkun xi ħaġa rari.
ULIED SPIRITWALI—KIF JAFU?
8. Liema spjegazzjoni jagħti Pawlu li turi kif dawk imnisslin bl-ispirtu qaddis huma konxji taʼ dak il-fatt?
8 L-ispirtu t’Alla jagħti assiguranza pożittiva t’adozzjoni bħala wlied spiritwali lil Kristjani mgħammdin li rċevew is-sejħa għas-sema. L-appostlu Pawlu wera dan meta kiteb lil “uħud qaddisin” f’Ruma, billi ddeskriva x’kienet is-sitwazzjoni dak iż-żmien tal-veri Kristjani kollha. Hu qal: “Dawk kollha li huma mmexxijin mill-ispirtu t’Alla, dawn huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux spirtu taʼ jasar li qiegħed jikkaġuna biżaʼ mill-ġdid, imma rċevejtu spirtu t’adozzjoni bħala wlied, b’liema spirtu aħna ngħajtu: ‘Abba, Missier!’ L-ispirtu nnifsu jagħti xiehda maʼ l-ispirtu tagħna li aħna t-tfal t’Alla. Jekk, allura, aħna tfal, aħna wkoll werrieta: werrieta tabilħaqq t’Alla, imma werrieta bi sħab maʼ Kristu, basta nsofru flimkien biex nistgħu wkoll inkunu gglorifikati flimkien.”—Rum. 1:7; 8:14-17.
9. “L-ispirtu nnifsu” kif “jagħti xiehda” maʼ l-ispirtu taʼ dawk li verament huma wlied Alla?
9 Żewġ użijiet tal-kelma “spirtu” huma hawnhekk miġjubin għall-attenzjoni tagħna: “L-ispirtu nnifsu” u “l-ispirtu tagħna.” Taʼ l-ewwel huwa l-forza attiva u inviżibbli t’Alla. Din tispira fit-tfal spiritwali tiegħu konvinzjoni li huma ġew adottati bħala t-tfal liberi t’Alla. Dak l-ispirtu jagħti xiehda wkoll permezz tal-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja, li hija bħal ittra persunali għat-tfal spiritwali tiegħu. (1 Piet. 1:10-12) Meta dawk li kienu ġew imnisslin mill-ispirtu qaddis jaqraw dak li l-Iskrittura tgħid lil dawk li huma wlied spiritwali t’Alla, b’mod xieraq iwieġbu: ‘Dak japplika għalija.’ B’hekk il-forza attiva t’Alla stess b’diversi modi tagħti xiehda maʼ l-ispirtu tagħhom, il-forza motivanti taʼ moħħhom u qalbhom stess, li huma t-tfal t’Alla. Fi qbil maʼ dak li l-ispirtu t’Alla b’hekk jindika, imħuħhom u qlubhom jiġu orjentati fuq il-prospett li jkunu werrieta sħab maʼ Kristu, u huma jaċċettaw ir-responsabbiltajiet tat-tfal spiritwali t’Alla.—Fil. 3:13, 14.
10. (a) Liema huma xi fatturi li waħedhom ma jidentifikawx lil dak li jkun bħala Kristjan midluk? (b) X’ħarsa jieħdu n-“ngħaġ oħrajn” rigward posthom fl-iskop t’Alla?
10 Huwa dak veru fil-każ tiegħek? Jekk inhu hekk, għandek privileġġ taʼ l-għaġeb. Madankollu, ikun żball għal kwalunkwe wieħed li jikkonkludi li minħabba li wieħed ikollu apprezzament akkanit għal affarijiet spiritwali iktar profondi jew hu żeluż fil-ministeru taʼ l-għalqa jew għandu mħabba intensa għal ħutu jrid għalhekk ikun Kristjan midluk bl-ispirtu. Dawk l-istess affarijiet jikkaratterizzaw lil ħafna min-“ngħaġ oħrajn.” Il-qlub tagħhom, ukoll, huma mqanqlin b’dak li jaqraw fl-Iskrittura rigward il-werrieta sħab maʼ Kristu, imma ma jippretendux li jitolbu bi dritt għalihom infushom xi ħaġa li Alla ma rriżervax għalihom. (Qabbel Numri 16:1-40.) Huma jirrikonoxxu l-iskop oriġinali t’Alla għall-art u jaħdmu b’apprezzament lejn li jieħdu sehem fih.
JIEĦDU SEHEM B’MOD MISTĦOQQ
11. Min jattendi għall-kommemorazzjoni annwali tal-mewt taʼ Ġesù, u għala?
11 Kull sena, fl-14 taʼ Nisan, wara nżul ix-xemx, is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù Kristu fil-partijiet kollha taʼ l-art jikkommemoraw il-mewt tiegħu, f’armonija maʼ l-istruzzjonijiet li hu ta lill-appostli tiegħu. (Luqa 22:19, 20) In-“ngħaġ oħrajn” ukoll jattendu, mhux bħala wħud li jieħdu sehem mill-ħobż u l-inbid, imma bħala osservaturi li juru rispett.
12. Uħud mill-Kristjani bikrin f’Korintu kif kienu qegħdin jonqsu li juru apprezzament xieraq lejn l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej?
12 Dan m’huwiex xi ritwal reliġjuż vojt imma huwa mimli b’tifsir qawwi. Lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu f’Korintu, il-Greċja, li xi wħud minnhom kienu naqsu li juru apprezzament xieraq lejn l-okkażjoni, l-appostlu Pawlu kiteb parir serju, billi qal: “Kulmin jiekol il-ħobża jew jixrob il-kies tal-Mulej b’mod mhux mistħoqq se jkun ħati rigward il-ġisem u d-demm tal-Mulej.” X’kien li għamilhom uħud li jieħdu sehem b’mod ‘mhux mistħoqq’? Ma kinux qegħdin jippreparaw erwieħhom fil-qalb u l-moħħ b’mod xieraq. Kien hemm firdiet fil-kongregazzjoni. Ukoll, xi wħud tħanżru fl-ikel u x-xorb qabel il-laqgħa. Ittrattaw l-Ikla taʼ Fil-Għaxija tal-Mulej b’indifferenza. Ma kinux f’kundizzjoni li jagħrfu s-sinjifikat serju tal-ħobż u l-inbid.—1 Kor. 11:17-34.
13. X’inhu s-sinjifikat tal-ħobż u l-inbid servuti fil-Mafkar?
13 X’inhu dak is-sinjifikat? Ma jinstabx f’xi trasformazzjoni taparsi mirakoluża tal-ħobż u l-inbid. Kristu bl-ebda mod m’hu ssagrifikat mill-ġdid f’kull Mafkar. L-Iskrittura tistqarr li “Kristu kien offrut darba għaż-żmien kollu biex iġorr id-dnubiet taʼ ħafna.” (Eb. 9:28; 10:10; Rum. 6:9) Il-ħobża bla ħmira u l-inbid aħmar huma sempliċement emblemi li jirrappreżentaw il-ġisem litterali li Ġesù ssagrifika u d-demm litterali li xerred. Imma kemm huma prezzjużi dawn ir-realtajiet! Il-ġisem uman bla dnub taʼ Ġesù ġie mogħti sabiex id-dinja taʼ l-umanità setgħet ikollha l-opportunità li tgħix għal dejjem. (Ġwn. 6:51) U d-demm imxerred tiegħu jservi għal skop doppju—li jnaddaf mid-dnub lil dawk il-bnedmin li jeżerċitaw fidi fih, kif ukoll jagħmel effettiv il-patt il-ġdid bejn Alla u l-kongregazzjoni taʼ Iżrael spiritwali, li hija magħmula minn Kristjani midlukin bl-ispirtu. (1 Ġwn. 1:7; 1 Kor. 11:25; Gal. 6:14-16) Huma dawn il-provvedimenti prezzjużi li jagħmluha possibbli għall-membri tal-“merħla ċkejkna” li jkunu ddikjarati twajbin minn Alla, billi attwalment ikollhom perfezzjoni umana kkreditata lilhom. (Luqa 12:32) Dan isir sabiex huma jistgħu jitnisslu mill-ispirtu qaddis bħala wlied Alla, bil-prospett li jieħdu sehem maʼ Kristu fis-Saltna tiegħu tas-sema. Waqt li kull sena jieħdu sehem mill-emblemi tal-Mafkar u b’hekk jagħtu xiehda għat-tama tagħhom għas-sema, l-apprezzament tagħhom talli huma fil-“patt ġdid” bi Kristu bħala l-medjatur jiġi mġedded u jsir iktar profond.—Eb. 8:6-12.
“AĦNA SE MMORRU MAGĦKOM”
14. (a) In-“ngħaġ oħrajn” għala ma jiħdux sehem mill-emblemi tal-Mafkar, imma x’jantiċipaw bil-ħerqa? (b) Kif iħarsu huma lejn is-sħubija tagħhom mal-fdal tal-werrieta tas-Saltna?
14 In-“ngħaġ oħrajn” jagħrfu kif Jehovah kien qiegħed jittratta maʼ l-uħud midlukin tiegħu, u ngħaqdu magħhom, billi qalu: “Aħna se mmorru magħkom, għax smajna li Alla hu magħkom.” (Żakk. 8:20-23) Mhux talli jiltaqgħu flimkien imma wkoll jaqsmu flimkien f’li jagħmlu magħrufa l-aħbar tajba tas-Saltna fl-art abitata kollha. Madankollu, in-“ngħaġ oħrajn” m’humiex meħudin fil-“patt ġdid” maʼ Iżrael spiritwali u lanqas m’huma inklużi fil-“patt . . . għal saltna” magħmul minn Ġesù maʼ dawk magħżulin biex jaqsmu miegħu l-ħajja fis-sema, u għalhekk, kif jixraq, ma jiħdux sehem mill-emblemi tal-Mafkar. (Luqa 22:20, 29) Imma hekk kif il-“patt ġdid” jilħaq l-iskop tiegħu, billi jiġbor l-aħħar membri tal-“merħla ċkejkna” għas-Saltna tas-sema, in-“ngħaġ oħrajn” jirrealizzaw li dan jindika li l-barkiet li se jirċievu fuq l-art permezz taʼ dik is-Saltna qegħdin joqorbu. Huma jgħodduh privileġġ, matul l-“aħħar jiem,” li jaqdu magħqudin mal-fdal leali taʼ werrieta tas-Saltna.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-ewwel ftit versi taʼ Rumani, 1 u 2 Korintin, Efesin, Filippin, Kolossin, Titus, 1 u 2 Pietru; ukoll Galatin 3:26-29, 1 Tessalonkin 2:12, 2 Tessalonkin 2:14, 2 Timotju 4:8, Ebrej 3:1, Ġakbu 1:18, 1 Ġwann 3:1, 2 u Ġuda 1.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
● Għala tant mill-Iskrittura Kristjana Griega jidderieġi l-attenzjoni lejn it-tama tas-sema?
● Dawk li ġew imnisslin bħala wlied Alla kif jafuh dan? X’inhi t-tifsira taʼ l-emblemi tal-Mafkar li minnhom jieħdu sehem?
● In-“ngħaġ oħrajn” kif juru li huma verament magħqudin mal-“merħla ċkejkna”?