LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 3/1 pp. 18-23
  • Il-Barka taʼ Jehovah Fuq l-“Art” Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Barka taʼ Jehovah Fuq l-“Art” Tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xmara Tgelgel f’Art Irrestawrata
  • Tgelgil Qawwi taʼ Barkiet
  • L-​Ilma Jġib il-​Ħajja!
  • Ix-​Xmara Tgelgel fil-​Ġenna taʼ l-​Art
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb t’Eżekjel—II
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • “Ixħet Qalbek Fuq” it-Tempju t’Alla!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • It-“Tempju” u l-“Prinċep” Illum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Ġeħova Kif Jgħinna fix-Xogħol tal-Ippritkar?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 3/1 pp. 18-23

Il-​Barka taʼ Jehovah Fuq l-​“Art” Tagħna

“[I]kun hemm il-​ħajja minn kull fejn tgħaddi x-​xmara.”—EŻEKJEL 47:9.

1, 2. (a) L-​ilma kemm hu importanti? (b) L-​ilma tax-​xmara viżjonarja t’Eżekjel taʼ xiex jagħti stampa?

L-​ILMA huwa likwidu straordinarju. Il-​ħajja fiżika kollha tiddependi minnu. Ħadd minna ma jistaʼ jdum ħaj mingħajru. Aħna niddependu fuqu wkoll għall-​ħasil, għar-​raġuni li l-​ilma jistaʼ jnaddaf u jneħħi l-​impuritajiet. Għalhekk aħna ninħaslu, naħslu ħwejjiġna, u saħansitra naħslu l-​ikel tagħna fih. Meta nagħmlu dan jistaʼ jsalvalna ħajjitna.

2 Il-​Bibbja tuża l-​ilma biex tagħti stampa tal-​provvedimenti spiritwali għall-​ħajja mingħand Jehovah. (Ġeremija 2:13; Ġwann 4:7-15) Dawn il-​provvedimenti jinkludu t-​tindif tal-​poplu tiegħu permezz tas-​sagrifiċċju bħala prezz tal-​fidwa li ħallas Kristu u l-​għarfien dwar Alla li jinstab fil-​Kelma tiegħu. (Efesin 5:25-27) Fil-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tempju, ix-​xmara mirakoluża li tgelgel mit-​tempju tissimbolizza dawn il-​barkiet li jagħtu l-​ħajja. Imma dik ix-​xmara meta tgelgel, u dan x’ifisser għalina llum?

Xmara Tgelgel f’Art Irrestawrata

3. Eżekjel x’esperjenza skond dak li hemm f’Eżekjel 47:2-12?

3 Peress li kienu rsiera f’Babilonja, il-​poplu t’Eżekjel verament kellhom bżonnhom il-​provvedimenti taʼ Jehovah. Mela, min jaf Eżekjel kemm ħassu inkuraġġit x’ħin ra nixxiegħa taʼ ilma ħierġa mis-​santwarju u tgelgel mit-​tempju viżjonarju! Anġlu jkejjel ix-​xmara żgħira f’intervalli taʼ 1,000 driegħ. Il-​fond tagħha jibqaʼ dejjem isir iktar fond, u minn m’ogħla l-​għaksa jibqaʼ tielaʼ sa l-​irkobba, sal-​ġenbejn, sakemm isir torrent li ma jlaħħaqlekx. Ix-​xmara ġġib il-​ħajja u l-​fertilità. (Eżekjel 47:2-11) Lil Eżekjel jintqallu: “Fuq iż-​żewġt ixtut tax-​xmara jikbru siġar taʼ kull ġens taʼ frott.” (Eżekjel 47:12a) Hekk kif ix-​xmara tiżbokka ġol-​Baħar il-​Mejjet​—medda taʼ ilma bla ebda ħajja ġo fih—​tisponta l-​ħajja! Isir miżgħud bil-​ħut. Tiffjorixxi industrija tas-​sajd.

4, 5. Il-​profezija taʼ Ġoel rigward xmara kif inhi simili għal dik t’Eżekjel, u dan għala hu sinjifikanti?

4 Din il-​profezija sabiħa għandha mnejn fakkret lill-​eżiljati Lhud dwar profezija oħra ddokumentata iktar minn żewġ sekli qabel: “Minn dar il-​Mulej tnixxi għajn li ssaqqi Wied Sittim.”a (Ġoel 4:18 [Ġoel 3:18, NW]) Il-​profezija taʼ Ġoel, bħal dik t’Eżekjel, tbassar li xmara kellha tgelgel mid-​dar t’Alla, it-​tempju, u tagħti l-​ħajja lil reġjun niexef.

5 It-​Torri taʼ l-​Għassa ilu żmien twil jispjega li l-​profezija taʼ Ġoel qed titwettaq fi żmienna.b Allura, żgur li l-​istess jgħodd għall-​viżjoni t’Eżekjel li tixbahha. Fl-​art irrestawrata tal-​poplu t’Alla llum, sewwa sew bħalma ġara f’Iżrael tal-​qedem, il-​barkiet taʼ Jehovah tabilħaqq li gelglu.

Tgelgil Qawwi taʼ Barkiet

6. It-​traxxix tad-​demm fuq l-​artal viżjonarju f’liema ħaġa suppost li fakkarhom lil-​Lhud?

6 X’inhu s-​sors tal-​barkiet fuq il-​poplu rrestawrat t’Alla? Sewwa, innota li l-​ilma jgelgel mit-​tempju t’Alla. Bl-​istess mod illum, il-​barkiet ġejjin mingħand Jehovah permezz tat-​tempju spiritwali kbir tiegħu​—l-​arranġament għall-​qima pura. Il-​viżjoni t’Eżekjel iżżid dettall importanti. Fil-​bitħa taʼ ġewwa, ix-​xmara żgħira tgelgel minn biswit l-​artal, sewwa sew min-​naħa tan-​nofsinhar tiegħu. (Eżekjel 47:1) L-​artal qiegħed preċiż fiċ-​ċentru tat-​tempju viżjonarju. Jehovah jagħti deskrizzjoni ddettaljata ferm tiegħu lil Eżekjel u jordna li jitraxxax fuqu d-​demm tas-​sagrifiċċju. (Eżekjel 43:13-18, 20) Dan l-​artal kellu sinjifikat kbir għall-​Iżraeliti kollha. Il-​patt tagħhom maʼ Jehovah kien sar validu ħafna qabel, meta Mosè raxxax id-​demm fuq artal biswit il-​Muntanja Sinaj. (Eżodu 24:4-8) It-​traxxix tad-​demm fuq l-​artal viżjonarju suppost li fakkarhom li ladarba jkunu rritornaw lejn l-​art irrestawrata tagħhom, il-​barkiet taʼ Jehovah kellhom igelglu fuqhom dment li huma jonoraw il-​patt li kienu għamlu miegħu.—Dewteronomju 28:1-14.

7. L-​artal simboliku għandu liema tifsira għall-​Kristjani llum?

7 Bl-​istess mod, in-​nies t’Alla llum huma mberkin permezz taʼ patt​—wieħed aħjar, il-​patt il-​ġdid. (Ġeremija 31:31-34) Dan ukoll ilu li sar validu permezz tad-​demm, dak taʼ Ġesù Kristu. (Lhud 9:15-20) Illum, sew jekk aħna fost il-​midlukin li għandhom sehem minn dak il-​patt, u sew jekk aħna fost in-​“nagħaġ oħra,” li jieħdu l-​benefiċċju minnu, l-​artal simboliku għandu tifsira kbira għalina. Dan jissimbolizza r-​rieda t’Alla f’konnessjoni mas-​sagrifiċċju taʼ Kristu. (Ġwann 10:16; Lhud 10:10) Sewwa sew bħalma l-​artal simboliku qiegħed preċiż fiċ-​ċentru tat-​tempju spiritwali, hekk ukoll is-​sagrifiċċju bħala prezz tal-​fidwa li ħallas Kristu huwa ċentrali għall-​qima pura. Huwa l-​bażi għall-​maħfra taʼ dnubietna u għaldaqstant għat-​tamiet kollha tagħna għall-​futur. (1 Ġwann 2:2) Aħna b’hekk nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħixu skond il-​liġi li għandha x’taqsam mal-​patt il-​ġdid, il-​“liġi taʼ Kristu.” (Galatin 6:2) Sakemm inkunu qed nagħmlu dan, aħna nibbenefikaw mill-​provvedimenti taʼ Jehovah għall-​ħajja.

8. (a) X’kien hemm nieqes fil-​bitħa taʼ ġewwa tat-​tempju viżjonarju? (b) Il-​qassisin fit-​tempju viżjonarju permezz taʼ liema ħaġa setgħu jnaddfu lilhom infushom?

8 Benefiċċju wieħed bħal dan huwa l-​waqfa nadifa quddiem Jehovah. Fit-​tempju viżjonarju, il-​bitħa taʼ ġewwa għandha xi ħaġa nieqsa li kienet prominenti mhux ftit fil-​bitħa tat-​tabernaklu u fit-​tempju taʼ Salamun​—ħawt kbir li iktar tard jissejjaħ baħar, biex il-​qassisin jinħaslu fih. (Eżodu 30:18-21; 2 Kronaki 4:2-6) Il-​qassisin fit-​tempju viżjonarju t’Eżekjel x’setgħu jużaw għall-​ħasil? Xejn ħlief dik ix-​xmara żgħira mirakoluża li qegħda tgelgel tul il-​bitħa taʼ ġewwa! Iva, Jehovah kien se jberikhom bil-​mezz li bih setgħu jgawdu waqfa nadifa, jew qaddisa.

9. Dawk mill-​midlukin u dawk mill-​folla kbira kif jistgħu jkollhom waqfa nadifa llum?

9 Bl-​istess mod illum, il-​midlukin ġew imberkin b’waqfa nadifa quddiem Jehovah. Jehovah jqishom bħala qaddisin, waqt li jiddikjarahom twajbin. (Rumani 5:1, 2) Xi ngħidu għall-​“folla kbira,” li ngħatat stampa tagħha mit-​tribujiet li ma kinux qassisin? Huma jqimu fil-​bitħa taʼ barra, u dik l-​istess xmara żgħira għaddejja minn dik il-​parti tat-​tempju viżjonarju. Kemm huwa xieraq, allura, li l-​appostlu Ġwanni ra l-​folla kbira lebsin ilbiesi bojod u nodfa hekk kif kienu qed iqimu fil-​bitħa tat-​tempju spiritwali! (Apokalissi 7:9-14) Kien x’kien il-​mod li bih ġew ittrattati f’din id-​dinja degradanti, huma jistgħu jibqgħu ċerti li sakemm jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju bħala prezz tal-​fidwa mħallas minn Kristu, Jehovah jqishom bħala nodfa u safjin. Huma kif jeżerċitawha l-​fidi? Billi jsegwu l-​passi taʼ Ġesù, u billi jkollhom fiduċja sħiħa fis-​sagrifiċċju bħala prezz tal-​fidwa.—1 Pietru 2:21.

10, 11. X’inhi karatteristika importanti waħda taʼ l-​ilma simboliku, u dan kif inhu rrelatat maʼ l-​espansjoni tremenda tax-​xmara?

10 Bħalma diġà semmejna, hemm karatteristika vitali oħra taʼ dan l-​ilma simboliku​—l-​għarfien. F’Iżrael irrestawrat, Jehovah bierek lill-​poplu tiegħu b’istruzzjoni Skritturali permezz tas-​saċerdozju. (Eżekjel 44:23) B’mod li jixbah ħafna lil dan, Jehovah bierek lin-​nies tiegħu llum b’istruzzjoni abbundanti dwar il-​Kelma tiegħu taʼ verità, permezz tas-​“saċerdozju rjali.” (1 Pietru 2:9) Għarfien dwar Alla Jehovah, dwar l-​iskopijiet tiegħu għall-​umanità, u speċjalment dwar Ġesù Kristu u s-​Saltna Messjanika ilu jgelgel bl-​abbundanza matul dawn l-​aħħar żminijiet. Kemm hija grandjuża r-​ruxxmata taʼ ffriskar spiritwali li qed nirċievu u li dejjem qed issir iktar profonda!—Danjel 12:4.

11 Sewwa sew bħalma x-​xmara li kejjel l-​anġlu bdiet issir iktar u iktar fonda, hekk ukoll it-​tgelgil tal-​barkiet li jagħtu l-​ħajja li ġej mingħand Jehovah, żdied b’mod drammatiku sabiex ikun jistaʼ jlaħħaq man-​numru taʼ nies li deħlin fl-​art spiritwali u mbierka tagħna. Profezija taʼ restawr oħra bassret: “L-​iżgħar fostkom isir tribù u l-​iċken isir ġens qawwi. Jien il-​Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.” (Isaija 60:22) Dan il-​kliem seħħ​—miljuni ġew bi ħġarhom biex jingħaqdu magħna fil-​qima pura! Jehovah għamel disponibbli “ilma” abbundanti għal dawk kollha li jduru lejh. (Apokalissi 22:17) Hu qed jieħu ħsieb li l-​organizzazzjoni tiegħu fuq l-​art tqassam Bibbji u letteratura bbażata fuq il-​Bibbja mad-​dinja kollha, f’mijiet taʼ lingwi. Bl-​istess mod, laqgħat Kristjani u konvenzjonijiet ġew organizzati mad-​dinja kollha sabiex kulħadd jistaʼ jiġi pprovdut bl-​ilma tal-​verità li hu ċar daqs il-​kristall. Provvedimenti bħal dawn kif jeffettwawhom lin-​nies?

L-​Ilma Jġib il-​Ħajja!

12. (a) Is-​siġar fil-​viżjoni t’Eżekjel għala jistgħu jipproduċu bil-​mod li jipproduċu? (b) X’inhu rrappreżentat minn dawn is-​siġar għammiela matul l-​aħħar jiem?

12 Ix-​xmara fil-​viżjoni t’Eżekjel tagħti l-​ħajja u s-​saħħa. Meta Eżekjel isir jaf bis-​siġar li kellhom jikbru maż-​żewġ naħat tax-​xmara, jintqallu, “Il-​weraq tagħhom ma jidbielx, il-​frott tagħhom ma jonqosx. . . . U l-​frott tagħhom ikun ikel, u l-​weraq duwa.” Dawn is-​siġar għala jipproduċu b’dan il-​mod tant taʼ l-​għaġeb? “Għax l-​ilma tagħhom ħiereġ mit-​tempju.” (Eżekjel 47:12b) Dawn is-​siġar simboliċi jagħtu stampa bil-​quddiem tal-​provvedimenti kollha li Alla għamel biex ireġġaʼ lill-​umanità lura lejn il-​perfezzjoni fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-​fidwa. Bħalissa fuq l-​art, il-​fdal midluk huma fuq quddiem f’li jipprovdu nutriment u fejqan spiritwali. Wara li l-​144,000 kollha jkunu ħadu l-​premju tagħhom fis-​sema, il-​benefiċċji li jiġu bħala riżultat tas-​servizz saċerdotali tagħhom bħala ħakkiema sħab maʼ Kristu se jestendu għall-​futur billi fl-​aħħar iwasslu għall-​konkwista kompleta fuq il-​mewt Adamika.—Apokalissi 5:9, 10; 21:2-4.

13. Liema fejqan twettaq fi żmienna?

13 Ix-​xmara viżjonarja tiżbokka ġol-​Baħar il-​Mejjet bla ħajja u tfejjaq kulfejn tmiss miegħu. Dan il-​baħar jagħti stampa t’ambjent mejjet spiritwalment. Imma l-​ħajja tiffjorixxi “kull fejn tgħaddi dik ix-​xmara.” (Eżekjel 47:9) Bl-​istess mod, fl-​aħħar jiem, kull fejn qiegħed jippenetra l-​ilma tal-​ħajja, in-​nies qegħdin jieħdu l-​ħajja spiritwalment. L-​ewwel li ngħataw il-​ħajja mill-​ġdid b’dan il-​mod kienu l-​fdal midluk, fl-​1919. Huma reġgħu lura għall-​ħajja spiritwalment minn stat inattiv li fih kienu qishom mejtin. (Eżekjel 37:1-14; Apokalissi 11:3, 7-12) Minn dak iż-​żmien ’l hawn dawk l-​ilmijiet vitali laħqu wkoll lil oħrajn li kienu mejtin spiritwalment, u dawn ħadu l-​ħajja u fformaw kotra kbira li dejjem qed tiżdied taʼ nagħaġ oħrajn, li jħobbu u jaqdu lil Jehovah. Dan il-​provvediment dalwaqt se jiġi estiż għall-​kotriet taʼ dawk irxoxtati.

14. L-​industrija tas-​sajd li tiffjorixxi matul parti mix-​xatt tal-​Baħar il-​Mejjet x’turi b’mod ċar illum?

14 Vitalità spiritwali tirriżulta fi produttività. Dan jidher mill-​eżempju taʼ l-​industrija tas-​sajd li tiffjorixxi fuq ix-​xtut tal-​baħar li qabel kien mejjet. Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu: “Nagħmilkom sajjieda tal-​bnedmin.” (Mattew 4:​19) Fl-​aħħar jiem, ix-​xogħol tas-​sajd beda bil-​ġbir taʼ dawk li għad fadal mill-​midlukin, imma ma waqafx hemmhekk. L-​ilma li jagħti l-​ħajja li ħiereġ mit-​tempju spiritwali taʼ Jehovah, inkluż il-​barka t’għarfien eżatt, jeffettwa nies mill-​ġnus kollha. Kulfejn messet ix-​xmara, irriżulta f’ħajja spiritwali.

15. X’juri li mhux kulħadd se jaċċetta l-​provvediment t’Alla għall-​ħajja, u x’inhu r-​riżultat aħħari għal dawn l-​uħud?

15 M’għandniex xi ngħidu, issa mhux kulħadd qed iwieġeb b’mod favorevoli għall-​messaġġ tal-​ħajja; lanqas dawk li se jiġu rxoxtati matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu m’huma se jwieġbu kollha. (Isaija 65:20; Apokalissi 21:8) L-​anġlu jiddikjara li xi partijiet mill-​baħar ma tfejqux. Dawn il-​partijiet taʼ ilma qiegħed u bla ħajja ‘jibqgħu melħin.’ (Eżekjel 47:11) Inkwantu għan-​nies taʼ żmienna, mhux kulmin jiġi offrut l-​ilma li jagħti l-​ħajja li jipprovdi Jehovah se jaċċettah. (Isaija 6:10) F’Armageddon, dawk kollha li jkunu għażlu li jibqgħu f’kundizzjoni spiritwalment bla ħajja u marida se jibqgħu melħin, jiġifieri, meqrudin għal dejjem. (Apokalissi 19:11-21) Madankollu, dawk li ilhom jixorbu fedelment dawn l-​ilmijiet jistgħu jittamaw li jibqgħu ħajjin u jaraw it-​twettiq finali taʼ din il-​profezija.

Ix-​Xmara Tgelgel fil-​Ġenna taʼ l-​Art

16. Il-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tempju meta u kif se jkollha t-​twettiq finali tagħha?

16 Bħal profeziji oħrajn taʼ restawr, il-​viżjoni t’Eżekjel dwar it-​tempju se jkollha t-​twettiq finali tagħha matul il-​Millennju. F’dak iż-​żmien il-​klassi saċerdotali ma tkunx għadha fuq l-​art. “[Huma] jkunu qaddisin taʼ Alla u taʼ Kristu, u jsaltnu miegħu [fis-sema] matul l-​elf sena.” (Apokalissi 20:6) Dawn il-​qassisin fis-​sema se jkunu ssieħbu maʼ Kristu f’li jamministraw il-​benefiċċji sħaħ tas-​sagrifiċċju bħala prezz tal-​fidwa mħallas minn Kristu. B’hekk, l-​umanità ġusta se tiġi salvata u rrestawrata għall-​perfezzjoni!—Ġwann 3:17.

17, 18. (a) Kif inhi deskritta x-​xmara li tagħti l-​ħajja f’Apokalissi 22:1, 2, u meta huwa ż-​żmien prinċipali li fih tistaʼ tiġi applikata dik il-​viżjoni? (b) Fil-​Ġenna taʼ l-​art, ix-​xmara taʼ l-​ilma tal-​ħajja għala se jkollha żmien t’espansjoni kbira?

17 Fil-​fatt, ix-​xmara li ra Eżekjel imbagħad se tgelgel bl-​iktar ilma tal-​ħajja potenti. Dan huwa ż-​żmien prinċipali li fih tistaʼ tiġi applikata l-​profezija ddokumentata f’​Apokalissi 22:1, 2 (NW): ‘Urieni x-​xmara taʼ l-​ilma tal-​Ħajja, ċara daqs il-​kristall, tgelgel mit-​tron t’Alla u tal-​Ħaruf. F’nofs il-​pjazza tal-​Belt, fuq naħa u oħra tax-​xmara, hemm siġar tal-​ħajja li jagħmlu frott taʼ tnax-il xorta, iroddu l-​frott tagħhom darba fix-​xahar; il-​weraq tas-​siġar huma duwa tajba għall-​ġnus.’

18 Matul il-​Millennju, il-​mard​—fiżiku, mentali, u emozzjonali—​kollu se jitfejjaq. Dan jingħata stampa ċara tiegħu mill-​“fejqan tal-​ġnus” permezz tas-​siġar simboliċi. Grazzi għall-​provvedimenti amministrati minn Kristu u l-​144,000, “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) U x-​xmara se tidħol fiż-​żmien taʼ l-​akbar espansjoni tagħha. Ikollha titwessaʼ u ssir iktar fonda sabiex tkun tistaʼ tlaħħaq mal-​miljuni, jekk mhux eluf taʼ miljuni, taʼ bnedmin irxoxtati li se jixorbu minn dawn l-​ilmijiet taʼ ħajja safjin. Ix-​xmara viżjonarja fejqet lill-​Baħar il-​Mejjet, billi tat il-​ħajja kulfejn gelglu l-​ilmijiet tagħha. Fil-​Ġenna taʼ l-​art, irġiel u nisa se jerġgħu jieħdu l-​ħajja fil-​veru sens tal-​kelma, waqt li jitfejqu mill-​mewt Adamika li wirtu jekk jeżerċitaw fidi fil-​benefiċċji tal-​prezz tal-​fidwa mħallas li jiġu estiżi lilhom. Apokalissi 20:12 ibassar li, f’dak iż-​żmien se jinfetħu “kotba” li jipprovdu dawl miżjud taʼ fehma li permezz tiegħu se jibbenefikaw ukoll il-​mejtin li jkunu rxoxtaw. B’sogħba, xi wħud se jirrifjutaw li jitfejqu, saħansitra fil-​Ġenna taʼ l-​art. Dawn ir-​ribelli huma dawk li ‘jibqgħu melħin’ għall-​qerda taʼ dejjem.—Apokalissi 20:15.

19. (a) It-​tqassim taʼ l-​art kif se jkollu t-​twettiq tiegħu fil-​Ġenna taʼ l-​art? (b) Il-​belt tagħti stampa taʼ liema karatteristika fil-​Ġenna taʼ l-​art? (ċ) X’inhu s-​sinjifikat tal-​fatt li l-​belt qegħda ftit ’il bogħod mit-​tempju?

19 F’dak iż-​żmien ukoll, it-​tqassim taʼ l-​art fil-​viżjoni t’Eżekjel se jkollu t-​twettiq finali tiegħu. Eżekjel, ra l-​art imqassma kif suppost; bl-​istess mod, kull Kristjan leali jistaʼ jibqaʼ ċert li se jkollu post, wirt, fil-​Ġenna taʼ l-​art. X’aktarx li x-​xewqa tagħna li jkollna d-​dar tagħna stess fejn ngħixu u x’nieħdu ħsieb se titwettaq bl-​ordni. (Isaija 65:21; 1 Korintin 14:33) Il-​belt li ra Eżekjel tagħti stampa kif jixraq taʼ l-​arranġament amministrattiv li Jehovah bi ħsiebu jkollu fuq l-​art il-​ġdida. Il-​klassi saċerdotali midluka m’hijiex se tibqaʼ preżenti b’mod fiżiku fost l-​umanità. Il-​viżjoni dan tissuġġerih billi tagħti stampa tal-​belt bħala li kienet f’art “profana” ftit ’il bogħod mit-​tempju. (Eżekjel 48:15) Waqt li l-​144,000 ikunu qed jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema, is-​Sultan mhux se jkun mingħajr rappreżentanti fuq l-​art. Is-​sudditi umani tiegħu se jibbenefikaw ferm mill-​gwida u d-​direzzjoni taʼ mħabba tal-​klassi tal-​prinċep. Madankollu, il-​post attwali minfejn jiggverna mhux se jkun fuq l-​art, imma fis-​sema. Kulmin ikun fuq l-​art, inkluż il-​klassi tal-​prinċep, se jkun sottomess għas-​Saltna Messjanika.—Danjel 2:44; 7:14, 18, 22.

20, 21. (a) L-isem tal-​belt għala huwa xieraq? (b) Il-​fatt li fhimna l-​viżjoni t’Eżekjel, liema mistoqsijiet għandu jqanqalna biex nistaqsu lilna nfusna?

20 Innota l-​aħħar kliem tal-​profezija t’Eżekjel: “Minn dak in-​nhar isem il-​belt ikun: ‘Hemm il-​Mulej.’” (Eżekjel 48:35) Din il-​belt mhix se teżisti biex tagħti poter jew influwenza lill-​bnedmin; lanqas ma se tkun hemmhekk biex tinforza r-​rieda taʼ xi bniedem. Din hija l-​belt taʼ Jehovah, li dejjem tirrifletti l-​moħħ u l-​mod taʼ mħabba u raġunevoli tiegħu. (Ġakbu 3:17) Dan jagħtina assiguranza li tqawwilna qalbna li Jehovah se jbierek is-​soċjetà strutturata tiegħu taʼ l-​“art ġdida” taʼ bnedmin għal ġo futur li jestendi għal żmien indefinit.—2 Pietru 3:13.

21 Ma nħossuniex aħna eċċitati għal dan il-​prospett li għandna quddiemna? B’mod xieraq, allura, kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi, ‘Jien kif inwieġeb għall-​barkiet taʼ l-​għaġeb li ġew irrivelati fil-​viżjoni t’Eżekjel? Nappoġġah fedelment ix-​xogħol li qed isir mill-​indokraturi kollhom imħabba, li jinkludu lil dawk mill-​fdal midluk u lill-​membri prospettivi tal-​klassi tal-​prinċep? Għamiltha jien il-​qima pura ċ-​ċentru assolut taʼ ħajti? Nieħu jien vantaġġ sħiħ mill-​ilma tal-​ħajja li qed igelgel b’tant abbundanza llum?’ Jalla kull wieħed u waħda minna nkomplu nitgħaxxqu bil-​provvedimenti taʼ Jehovah għall-​eternità kollha!

[Noti taʼ taħt]

a Dan il-​wied għandu mnejn jirreferi għall-​Wied taʼ Kidron, li minn Ġerusalemm jestendi lejn ix-​xlokk u jispiċċa fil-​Baħar il-​Mejjet. Il-​korsa tiegħu fuq in-​naħa t’isfel b’mod partikulari hija bla ilma u niexfa s-​sena kollha.

b Ara l-​ħarġiet tal-​Watchtower taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1881, u taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 1981.

Int kif Twieġeb?

◻ L-​ilmijiet li qed igelglu mit-​tempju taʼ liema ħaġa jagħtu stampa?

◻ Jehovah liema fejqan wettaq permezz tax-​xmara simbolika, u x-​xmara għala tibqaʼ ssir dejjem iktar fonda?

◻ Is-​siġar matul ix-​xtut tax-​xmara taʼ liema ħaġa jagħtu stampa?

◻ Il-​belt taʼ liema ħaġa se tagħti stampa matul ir-​Renju t’Elf sena, u l-​isem tal-​belt għala huwa xieraq?

[Stampi f’paġna 23]

Ix-​xmara tal-​ħajja tirrappreżenta l-​provvediment t’Alla għas-​salvazzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja