LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 9/1 pp. 12-16
  • Kun Moħħok f’Loku—It-Tmiem Huwa Qrib

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kun Moħħok f’Loku—It-Tmiem Huwa Qrib
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Huwa Urġenti li Tkun Moħħok f’Loku
  • Xi Jfisser li Tkun Moħħok f’Loku
  • Kif il-​Moħħ f’Loku Jissalvagwardjana
  • Fittex il-​Għajnuna taʼ Jehovah f’li Żżomm Moħħ f’Loku
  • “Moħħ f’Loku” Hekk Kif Joqrob It-tmiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Kunu Moħħkom f’Loku Hekk Kif Joqrob it-Tmiem
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
  • Ħu Deċiżjonijiet Personali bil-Għaqal
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Itfaʼ Ħsiebek fuq l-Ispirtu u Tgħix!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 9/1 pp. 12-16

Kun Moħħok f’Loku—It-Tmiem Huwa Qrib

“[I]t-tmiem tal-​affarijiet kollha qorob. Kunu moħħkom f’loku, għalhekk, u oqogħdu għassa rigward it-​talb.”—1 PIETRU 4:7.

1. (a) Wieħed mexxej reliġjuż u s-​segwaċi tiegħu liema diżappunt ġarrbu? (b) Minħabba li ċerti stennijiet ma ġewx imwettqin, liema mistoqsijiet jistgħu jiġu mistoqsijin?

“IRĊEVEJT sejħa mingħand Alla matul it-​talba finali tal-​lejla. Hu qal li 116,000 persuna kellhom jitilgħu fis-​sema u li l-​oqbra taʼ 3.7 miljuni kredenti mejtin kienu se jinfetħu lejn is-​sema.” Hekk qal wieħed mexxej tal-​Missjoni għall-​Jiem li Ġejjin lejlet it-​28 t’Ottubru, 1992, jum il-​kontijiet ipprofetizzat minnhom. Madankollu, hekk kif gerbeb id-​29 t’Ottubru, lanqas persuna waħda ma kienet telgħet lejn is-​sema, u ebda qabar tal-​mejtin ma kien infetaħ. Minflok ma ġew maħtufin ’il fuq f’tgħannieqa lejn is-​sema, dawk il-​kredenti taʼ jum il-​kundanna fil-​Korea raw biss jum ieħor jisbaħ. Dati taʼ jum il-​kundanna ġew u marru, imma dawk li jisħqu l-​kundanna jibqgħu bla mittiefsa. X’għandhom jagħmlu l-​Kristjani? Għandhom jieqfu jemmnu li t-​tmiem qiegħed joqrob b’mod imgħaġġel?

2. Min tkellem mal-​appostli dwar jum futur taʼ ħaqq, u taħt liema ċirkostanzi saru jafu b’dan?

2 Biex inwieġbu, ejjew niftakru l-​okkażjoni meta Ġesù kien f’konversazzjoni privata mad-​dixxipli tiegħu. Hemm, fid-​distrett taʼ Ċesarea Filippi, lejn il-​Grigal tal-​Baħar tal-​Galilija, bl-​isfond drammatiku tal-​Muntanja Ħermon maestuża, huma semgħuh igħid ċar u tond li kellu jiġi maqtul. (Mattew 16:21) Kliem ieħor taʼ min jaħseb fuqu kellu jsegwi. Wara li spjegalhom illi li tkun dixxiplu jfisser li tgħix ħajja taʼ sagrifiċċju kontinwu tiegħek innifsek, Ġesù wissa: “Bin il-​bniedem iddestinat li jiġi fil-​glorja taʼ Missieru mal-​anġli tiegħu, u mbagħad se jħallas lil kull wieħed skond l-​imġieba tiegħu.” (Mattew 16:27) Ġesù tkellem dwar miġja futura. F’din l-​okkażjoni, madankollu, kellu jkun Imħallef. F’dak iż-​żmien kollox kien se jiddependi minn jekk kienx se jsib lil xi ħadd isegwih fedelment jew le. Il-​ġudizzju taʼ Ġesù kellu jkun ibbażat fuq l-​imġieba, għandu kemm għandu ġid materjali dak li jkun. Dan il-​fatt id-​dixxipli tiegħu kellhom iżommuh sew f’moħħhom. (Mattew 16:​25, 26) Għalhekk, huwa Ġesù Kristu nnifsu li jgħid lis-​segwaċi tiegħu biex ifittxu l-​miġja glorjuża tiegħu, bil-​ġudizzju tagħha.

3. Ġesù kif ta stampa taċ-​ċertezza tal-​miġja futura tiegħu?

3 Dak li Ġesù mbagħad igħid jagħti stampa taċ-​ċertezza tal-​miġja futura tiegħu. B’mod awtorevoli jistqarr: “Verament ingħidilkom li hemm xi wħud minn dawk bil-​wieqfa hawn li mhux se jduqu l-​mewt assolutament sakemm l-​ewwel jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fis-​saltna tiegħu.” (Mattew 16:28) Dawn il-​kelmiet twettqu sitt ijiem wara. Viżjoni brillanti taʼ Ġesù trasfigurat tgħaġġeb lid-​dixxipli intimi tiegħu. Huma attwalment jaraw lil wiċċ Ġesù jiddi bħax-​xemx u lil ħwejġu bojod ilellxu. It-​trasfigurazzjoni kienet ħarsa bil-​quddiem tal-​glorja u s-​Saltna taʼ Kristu. X’konferma li ssaħħaħ il-​profeziji tas-​Saltna! X’inċentiv qawwi għad-​dixxipli biex ikunu moħħhom f’loku!—2 Pietru 1:​16-19.

Għala Huwa Urġenti li Tkun Moħħok f’Loku

4. Il-​Kristjani għala jridu jkunu attenti spiritwalment għall-​miġja tiegħu?

4 Inqas min sena wara, insibu lil Ġesù bil-​qiegħda fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, jerġaʼ f’konversazzjoni privata mad-​dixxipli tiegħu. Hekk kif huma jiċċassaw lejn il-​belt taʼ Ġerusalemm, hu jispjega x’se jkun is-​sinjal tal-​preżenza futura tiegħu u mbagħad iwissi: “Ibqgħu għassu, għalhekk, għaliex ma tafux f’liema jum ġej il-​Mulej tagħkom.” Is-​segwaċi tiegħu jridu jkunu għajnejhom miftuħin il-​ħin kollu għaliex ħin il-​miġja tiegħu mhux magħruf. Iridu jkunu dejjem għal-​lest għalih.—Mattew 24:42.

5. Il-​ħtieġa taʼ li wieħed joqgħod għassa kif tistaʼ tingħata stampa tagħha?

5 Fil-​manjiera tal-​miġja tiegħu, il-​Mulej jixbah lil ħalliel. Hu jissokta jgħid: “Imma kunu afu ħaġa waħda, li kieku l-​inkwilin kien jaf f’liema għassa kien ġej il-​ħalliel, kien ikun baqaʼ mqajjem u ma ħalliex lil daru tiġi misruqa.” (Mattew 24:43) Ħalliel li jisraq mid-​djar ma jagħmilx avviż biex jinforma lill-​inkwilin meta se jiġi; l-​arma ewlenija tiegħu hija s-​sorpriża. Għalhekk, l-​inkwilin irid ikun għassa l-​ħin kollu. Madankollu, għall-​Kristjan leali, viġilanza sħiħa ma ssirx minħabba xi tħassib ikkaġunat mill-​biżaʼ. Anzi, hija mqanqla minn stennija ħerqana għall-​miġja taʼ Kristu fil-​glorja biex tagħti bidu għal Millennju taʼ paċi.

6. Aħna għala rridu nkunu moħħna f’loku?

6 Minkejja l-​għassa kollha, ħadd qatt ma jistaʼ jiffigura minn qabel il-​jum eżatt taʼ meta għandu jiġi. Ġesù jgħid: “Minħabba f’dan intom ukoll uru li intom lesti, għaliex f’siegħa li ma taħsbux li hi, ġej Bin il-​bniedem.” (Mattew 24:44) Għalhekk hemm il-​ħtieġa taʼ moħħ f’loku. Jekk Kristjan kellu jaħseb li f’ċertu jum, Kristu ma kellux jiġi, forsi dak ikun sewwa sew il-​jum li fih jiġi! M’għandniex xi ngħidu, Kristjani leali, b’intenzjoni tajba, fil-​passat ipprovaw b’mod sinċier li jbassru meta kellu jiġi t-​tmiem. Madankollu, it-​twissija taʼ Ġesù ntweriet għal darba wara l-​oħra li hi vera: “Dwar dak il-​jum u s-​siegħa ħadd ma jaf, la l-​anġli tas-​smewwiet u lanqas l-​Iben, imma l-​Missier biss.”—Mattew 24:36.

7. Biex inkunu segwaċi taʼ Kristu, kif irridu ngħixu l-​ħajjiet tagħna?

7 X’għandna, għalhekk, nikkonkludu? Li biex inkunu segwaċi taʼ Kristu, irridu ngħixu dejjem nemmnu li t-​tmiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar hu imminenti.

8. Liema ħaġa kienet għelm tal-​Kristjani mill-​jiem l-​iktar bikrin tal-​Kristjanità?

8 Attitudni bħal din minn dejjem kienet xi ħaġa li timmarkahom lill-​Kristjani, bħalma jagħrfu kittieba tal-​istorja sekulari u studjużi tal-​Bibbja. Per eżempju, l-​edituri taʼ The Translator’s New Testament, taħt il-​kelma “Jum” fil-​glossarju tagħhom, jistqarru: “Il-​Kristjani taʼ żminijiet it-​T[estment il-​]Ġ[did] għexu fi stennija għall-​Jum (jiġifieri ż-​żmien) meta d-​dinja preżenti bil-​kruha u l-​ħażen kollu tagħha kellha tinġieb fi tmiem u Ġesù kellu jirritorna lejn l-​art biex jiġġudika lill-​bnedmin kollha, jinawgura era ġdida taʼ paċi u jidħol fl-​Istat taʼ Sid tiegħu fuq id-​dinja kollha.” L-​Encyclopædia Britannica tinnota: “L-​espansjoni globali unika tal-​Kristjanità hi relatata direttament mal-​istennija Kristjana taʼ żmien it-​tmiem, fil-​forma taʼ stennija imminenti tar-​ritorn taʼ Kristu. L-​istennija Kristjana taʼ żmien it-​tmiem qatt ma kkonsistiet sempliċement f’xenqa passiva għas-​Saltna t’Alla li ġejja.”

Xi Jfisser li Tkun Moħħok f’Loku

9. Għalkemm xi wħud mill-​istennijiet taʼ Pietru dwar il-​Messija ma kinux korretti, hu għala setaʼ jibqaʼ fiduċjuż?

9 L-​appostlu Pietru, xi 30 sena wara dawk il-​konversazzjonijiet intimi li Ġesù kellu mad-​dixxipli l-​iktar qrib tiegħu, ma għejjiex jistenna biex jiġi t-​tmiem. Avolja l-​istennijiet inizzjali tiegħu u tad-​dixxipli sħabu dwar il-​Messija ma kinux korretti, hu baqaʼ fiduċjuż li l-​imħabba u l-​qawwa taʼ Jehovah kienu jiggarantixxu t-​twettieq tat-​tama tagħhom. (Luqa 19:11; 24:21; Atti 1:6; 2 Pietru 3:​9, 10) Hu jolqot nota li tidwi l-​ħin kollu tul l-​Iskrittura Griega meta jgħid: “[I]t-tmiem tal-​affarijiet kollha qorob.” Imbagħad iħeġġeġ lil Kristjani sħabu: “Kunu moħħkom f’loku, għalhekk, u oqogħdu għassa rigward it-​talb.”—1 Pietru 4:7.

10. (a) Xi jfisser li tkun moħħok f’loku? (b) X’inhu nvolut f’li tara l-​affarijiet fir-​relazzjoni xierqa tagħhom mar-​rieda t’Alla?

10 Li tkun ‘moħħok f’loku’ ma jfissirx li jkun jilħaqlek mill-​ħarsa tad-​dinja. Jehovah igħid: “Jien se nagħmel lill-​għerf tal-​irġiel għorrief igħib, u l-​intelliġenza tal-​irġiel intellettwali se nimpalaha fil-​ġenb.” (1 Korintin 1:19) Il-​kelma li juża Pietru tistaʼ tfisser “li tkun moħħok f’sensik.” Dan li tkun spiritwalment f’sensik għandu x’jaqsam mal-​qima tagħna. Għalhekk, billi nkunu sodi fil-​moħħ, aħna naraw l-​affarijiet fir-​relazzjoni xierqa tagħhom mar-​rieda taʼ Jehovah; nifhmu liema affarijiet huma importanti u liema m’humiex. (Mattew 6:​33, 34) Iffaċċjati mit-​tmiem imminenti, ma nitkaxkrux fi stil taʼ ħajja sfrenata; lanqas m’aħna indifferenti għall-​perijodu taʼ żmien li qegħdin ingħixu fih. (Qabbel Mattew 24:​37-39.) Anzi, aħna mmexxijin mill-​moderazzjoni u bilanċ taʼ ħsieb, dispożizzjoni, u kondotta, li nesprimuhom l-​ewwel lejn Alla (“għassa rigward it-​talb”) u mbagħad lejn ġarna (“ħa jkollkom imħabba intensa lejn xulxin”).—1 Pietru 4:​7, 8.

11. (a) Xi jfisser li nkunu “mġeddin fil-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħ[na]”? (b) Forza mentali ġdida kif tgħinna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin?

11 Li nkunu moħħna f’loku jinvolvi li nkunu ġejna “mġeddin fil-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħ[na].” (Efesin 4:23) Għala mġeddin? Peress li writna l-​imperfezzjoni u ngħixu f’ambjent midneb, moħħna hu ddominat minn tendenza li hi opposta għall-​ispiritwalità. Dik il-​forza l-​ħin kollu timbotta ħsibijiet u inklinazzjonijiet f’direzzjoni materjalistika u egoista. Għalhekk, meta wieħed isir Kristjan, jeħtieġ forza ġdida, jew attitudni mentali dominanti, li se timbotta l-​ħsibijiet tiegħu fid-​direzzjoni t-​tajba, id-​direzzjoni spiritwali, lejn li jkun lest li jissagrifika lilu nnifsu. B’hekk, meta teżisti għażla, per eżempju, fl-​edukazzjoni, fil-​karriera, fl-​impjieg, fid-​divertiment, fir-​rikreazzjoni, fl-​istil tal-​ilbies, jew tkun xi tkun, l-​ewwel inklinazzjoni tiegħu se tkun li jikkunsidra l-​ħaġa minn ħarsa spiritwali minflok minn waħda tal-​laħam u egoista. Din l-​attitudni mentali ġdida tagħmilha eħfef biex wieħed jiddeċiedi l-​affarijiet b’moħħ f’loku u bil-​konoxxenza li t-​tmiem hu qrib.

12. Kif nistgħu nibqgħu “f’saħħit[na] fil-​fidi”?

12 Li nkunu moħħna f’loku jimplika li ninsabu f’saħħitna spiritwalment. Kif nistgħu aħna nibqgħu “f’saħħit[na] fil-​fidi”? (Titus 2:2) Irridu nitimgħu lil moħħna x-​xorta tajba taʼ ikel. (Ġeremija 3:15) Dieta soda fuq il-​Kelma t’Alla taʼ verità appoġġjata mill-​operazzjoni tal-​ispirtu qaddis tiegħu se tgħinna nżommu l-​bilanċ spiritwali tagħna. Għalhekk, regolarità fl-​istudju persunali, kif ukoll fis-​servizz tal-​għalqa, fit-​talb, u fis-​sħubija Kristjana, hija vitali.

Kif il-​Moħħ f’Loku Jissalvagwardjana

13. Li jkollna moħħ f’loku kif jissalvagwardjana milli nikkommettu żballji taʼ bluha?

13 Moħħ f’loku jistaʼ jissalvagwardjana milli nikkommettu xi żball taʼ bluha li jistaʼ jiswielna l-​ħajja taʼ dejjem tagħna. Dan kif inhu possibbli? L-​appostlu Pawlu jitkellem dwar ‘il-​liġi tal-​moħħ.’ Għal wieħed li hu f’saħħtu fil-​fidi, dik il-​liġi tal-​moħħ hi ggvernata minn xi ħaġa li jitgħaxxaq biha, jiġifieri “l-​liġi t’Alla.” Veru, “[i]l-liġi tad-​dnub” tiggwerra kontra l-​liġi tal-​moħħ. Madankollu, il-​Kristjan jistaʼ joħroġ rebbieħ bil-​għajnuna taʼ Jehovah.—Rumani 7:​21-25.

14, 15. (a) Liema żewġ influwenzi jissieltu biex jikkontrollaw il-​moħħ? (b) Kif nistgħu aħna nirbħu l-​battalja tal-​moħħ?

14 Pawlu jkompli billi jiġbed kuntrast qawwi bejn il-​moħħ iddominat mil-​laħam midneb, li jiffoka fuq ħajja taʼ paxximent għalih innifsu, u l-​moħħ iddominat mill-​ispirtu t’Alla, li jiffoka fuq ħajja taʼ sagrifiċċju tiegħu nnifsu fis-​servizz lil Jehovah. Pawlu jikteb f’​Rumani 8:​5-7: “Dawk li huma fi qbil mal-​laħam jitfgħu l-​imħuħ tagħhom fuq l-​affarijiet tal-​laħam, imma dawk fi qbil mal-​ispirtu fuq l-​affarijiet tal-​ispirtu. Għax li tieħu ħsieb il-​laħam ifisser mewt, imma li tieħu ħsieb l-​ispirtu jfisser ħajja u paċi; għaliex li tieħu ħsieb il-​laħam ifisser għadwa maʼ Alla, għax m’huwiex sottomess lejn il-​liġi t’Alla, lanqas, fil-​fatt, ma jistaʼ jkun.”

15 Pawlu, fil-​vers 11, imbagħad jispjega kif il-​moħħ li jikkopera mal-​ispirtu qaddis jirbaħ il-​battalja: “Jekk, issa, l-​ispirtu taʼ dak li qajjem lil Ġesù mill-​imwiet igħammar fikom, dak li qajjem lil Kristu Ġesù mill-​imwiet se jagħmel ukoll lill-​iġsma mortali tagħkom ħajjin permezz tal-​ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.”

16. Li jkollna moħħ f’loku jipproteġina minn liema tħajjir?

16 Għalhekk, billi nkunu moħħna f’loku, m’aħniex se niġu sseduċuti mit-​tħajjir dejjem preżenti taʼ din id-​dinja, li hi kkaratterizzata minn li wieħed ipaxxi lilu nnifsu bla rażan f’kull xorta taʼ pjaċiri, affarijiet materjali, u kondotta sesswali ħażina. Il-​moħħ f’loku tagħna se jgħidilna biex ‘naħarbu miż-​żina’ u niskansaw il-​konsegwenzi diżastrużi tagħha. (1 Korintin 6:18) L-​attitudni mentali f’lokha tagħna se tqanqalna biex inpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel u se tgħasses lill-​ħsieb tagħna meta niġu ttantati b’offerti taʼ karriera sekulari li tistaʼ ddgħajjef ir-​relazzjoni tagħna maʼ Jehovah.

17. Oħt li hi pijuniera kif uriet moħħ f’loku meta kienet iffaċċjata b’obbligi finanzjarji?

17 Per eżempju, f’pajjiż tropikali fix-​Xlokk tal-​Asja, hemm oħt żagħżugħa li żammet l-​interessi tas-​Saltna fl-​ewwel post f’moħħha. Kienet rawmet imħabba għas-​servizz full-​time. F’dak il-​pajjiż il-​biċċa l-​kbira tal-​impjiegi jeħtieġu sitta jew sebat ijiem taʼ xogħol full-​time. Wara li ggradwat mill-​università, missierha, li ma kienx wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, ippretenda li taqlaʼ ħafna flus għall-​familja. Imma peress li kellha xewqa qawwija biex tkun pijuniera, hi sabet impjieg part-​time u bdiet fis-​servizz taʼ pijuniera. Dan għaddab lil missierha, li heddidha li jixħet ħwejjiġha f’nofs taʼ triq. Peress li kien jilgħabhom, kellu djun kbar, u ppretenda li bintu tħallas id-​djun tiegħu. Ħuha ż-​żgħir kien qiegħed jistudja fl-​università, u minħabba fid-​djun, ma kienx hemm flus biex jitħallsu l-​miżati tat-​tagħlim tiegħu. Ħuha ż-​żgħir wiegħed li jekk hi tgħinu, hu kien se jieħu ħsieb tal-​familja meta jibda jaħdem. Qalbha kienet maqsuma bejn l-​imħabba tagħha lejn ħuha u mħabbitha għas-​servizz taʼ pijuniera. Wara li qieset il-​ħaġa bir-​reqqa, hi ddeċidiet li tibqaʼ bħala pijuniera u tfittex impjieg differenti. Bi smigħ għat-​talbiet tagħha, hi sabet impjieg tajjeb fejn mhux biss setgħet tgħin lill-​familja tagħha u lil ħuha finanzjarjament imma wkoll tkompli bl-​ewwel imħabba tagħha, is-​servizz taʼ pijuniera.

Fittex il-​Għajnuna taʼ Jehovah f’li Żżomm Moħħ f’Loku

18. (a) Xi nies għala jistgħu jibdew jaqtgħu qalbhom? (b) Liema skritturi jistgħu jfarrġu lil dawk li jaqtgħu qalbhom?

18 Xi segwaċi taʼ Kristu forsi jsibuha diffiċli li jżommu moħħhom f’loku. Is-​sabar tagħhom forsi beda jmajna minħabba li din is-​sistema preżenti ħażina taʼ affarijiet qiegħda ddum iktar milli ppretendew huma. Forsi jibdew jaqtgħu qalbhom minħabba f’hekk. Madankollu, it-​tmiem se jiġi. Jehovah iwiegħed dan. (Titus 1:2) Hekk ukoll se tiġi l-​Ġenna tal-​art imwiegħda tiegħu. Jehovah jiggarantiha. (Rivelazzjoni 21:​1-5) Meta d-​dinja ġdida fil-​fatt tiġi, se jkun hemm “siġra tal-​ħajja” għal dawk kollha li jkunu żammew moħħhom f’loku.​—Proverbji 13:12.

19. Il-​moħħ f’loku kif jistaʼ jinżamm?

19 Kif nistgħu aħna nżommu moħħna f’loku? Fittex il-​għajnuna taʼ Jehovah. (Salm 54:4) Żomm qrib tiegħu. Kemm aħna ferħanin li Jehovah jixtieq l-​intimità tagħna! “Ersqu qrib lejn Alla, u hu se jersaq qrib lejkom,” jikteb id-​dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 4:8) Pawlu jgħid: “Dejjem ifirħu fil-​Mulej. Għal darb’oħra se ngħid, Ifirħu! Ħallu s-​sens tar-​raġuni tagħkom isir magħruf mill-​bnedmin kollha. Il-​Mulej qrib. Tkunu anzjużi fuq xejn, imma f’kollox bit-​talb u bit-​tħannin flimkien maʼ radd il-​ħajr ħalli jkunu l-​petizzjonijiet tagħkom imgħarrfin lil Alla; u l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb se tgħasses lil qlubkom u l-​qawwiet mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:​4-7) U meta t-​tagħbijiet taʼ din is-​sistema taʼ affarijiet moribonda jidhru li huma kbar wisq biex tibqaʼ ġġorrhom, ixħethom fuq Jehovah, u hu nnifsu se jsostnik.​—Salm 55:22.

20. F’liema korsa għandna nibqgħu sejrin, skond 1 Timotew 4:10?

20 Iva, it-​tmiem huwa qrib, u għalhekk kun moħħok f’loku! Kien parir tajjeb 1,900 sena ilu; huwa parir vitali llum. Ejjew inkomplu nużaw il-​fakultajiet mentali f’lokhom tagħna biex infaħħru lil Jehovah hekk kif hu jkompli jiggwidana biex nibqgħu ħajjin fid-​dinja ġdida tiegħu.​—1 Timotew 4:10.

Kif Twieġeb Int?

◻ Il-​moħħ f’loku x’inhu?

◻ Għala huwa daqshekk urġenti li jkollok moħħ f’loku?

◻ Kif nistgħu niġu mġeddin fil-​forza li qiegħda tħaddem lil moħħna?

◻ Liema battalja kostanti rridu niġġieldu f’imħuħna?

◻ Il-​moħħ f’loku kif inżommuh?

[Stampa f’paġna 15]

Billi nkunu moħħna f’loku, m’aħniex se niġu mwaqqgħin bit-​tħajjir tad-​dinja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja