Imxi Bil-Fidi
1 Miljuni taʼ nies jagħmlu l-ġid materjali tagħhom iċ-ċentru taʼ ħajjithom, u kollhom bluha jafdaw fil-poter qarrieq tar-rikkezzi. (Matt. 13:22) Dawn jitgħallmu lezzjoni iebsa meta r-rikkezzi tagħhom jintilfu jew jinsterqu jew juru li ma tantx huma taʼ benefiċċju. Aħna mħeġġin biex niġru wara korsa iktar għaqlija, l-istinkar għal teżori spiritwali. (Matt. 6:19, 20) Dan jinvolvi li “nimxu bil-fidi.”—2 Kor. 5:7.
2 Il-kelma “fidi” hija tradotta minn kelma Griega li ġġorr il-ħsieb taʼ li wieħed ikun fiduċjuż, jafda, u għandu persważjoni soda. Li nimxu bil-fidi jfisser li nħabbtu wiċċna maʼ kundizzjonijiet diffiċli b’fiduċja f’Alla, billi nafdaw fl-abbiltà tiegħu li jiggwida l-passi tagħna u li hu lest li jieħu ħsieb tal-bżonnijiet tagħna. Ġesù waqqaf l-eżempju perfett; hu żamm l-attenzjoni tiegħu ffokata fuq dak li kien verament importanti. (Ebr. 12:2) Bl-istess mod, jeħtieġ li aħna nżommu qlubna ffokati fuq affarijiet spiritwali li ma jidhrux. (2 Kor. 4:18) Jeħtieġ li nżommu dejjem f’moħħna l-inċertezza tal-ħajja preżenti tagħna u nirrikonoxxu li aħna niddependu għal kollox fuq Jehovah.
3 Irridu wkoll inkunu persważi fis-sod li Jehovah qiegħed imexxina permezz taʼ l-organizzazzjoni viżibbli tiegħu taħt id-direzzjoni taʼ “l-irsir leali u diskret.” (Matt. 24:45-47) Aħna nuru l-fidi tagħna meta nkunu “ubbidjenti lejn dawk li qegħdin jieħdu t-tmexxija” fil-kongregazzjoni. (Ebr. 13:17) Li naħdmu bl-umiltà fi qbil maʼ l-arranġament teokratiku juri l-fidi tagħna f’Jehovah. (1 Piet. 5:6) Għandna niġu mqanqlin biex nappoġġjaw b’qalbna kollha x-xogħol li l-organizzazzjoni ġiet mogħtija biex tagħmel. Dan se jressaqna iktar lejn ħutna f’rabta qawwija taʼ mħabba u unità.—1 Kor. 1:10.
4 Kif Insaħħu L-Fidi: Ma rridux inħallu l-fidi tagħna tistaġna. Jeħtieġ li nitħabtu iebes biex insaħħuha. Li nkunu regulari fl-istudju, fit-talb, u fl-attendenza tal-laqgħat se jgħinna nsaħħu l-fidi tagħna biex b’hekk, bil-għajnuna taʼ Jehovah, hi tkun tistaʼ tiflaħ kwalunkwe prova. (Efe. 6:16) Stabbilejt int rutina tajba għall-qari tal-Bibbja kuljum u biex tipprepara għal-laqgħat? Timmedita taʼ spiss fuq dak li titgħallem, u tmur għand Jehovah bit-talb? Hija d-drawwa tiegħek li tattendi l-laqgħat kollha u tieħu sehem fihom skond kemm tistaʼ?—Ebr. 10:23-25.
5 Prova taʼ fidi qawwija huma xogħlijiet tajbin. (Ġak. 2:26) Wieħed mill-aħjar modi biex nuru l-fidi tagħna huwa billi niddikjaraw it-tama tagħna lil oħrajn. Tfittex int opportunitajiet biex taqsam l-aħbar tajba? Tistaʼ tirranġa ċ-ċirkostanzi tiegħek sabiex tkun tistaʼ tagħmel iktar fil-ministeru? Tapplika int is-suġġerimenti li nirċievu biex intejbu l-kwalità u l-effettività tal-ministeru tagħna? Tagħmel miri spiritwali għalik innifsek u tistinka biex tilħaqhom?
6 Ġesù wissa dwar li ninvolvu rwieħna żżejjed f’affarijiet taʼ kuljum fil-ħajja u li nħallu interessi materjalistiċi u egoisti jdallmu l-ħarsa spiritwali tagħna. (Luqa 21:34-36) Irridu noqogħdu għassa l-ħin kollu dwar kif nimxu sabiex nevitaw nawfraġju fejn għandha x’taqsam il-fidi tagħna. (Efe. 5:15; 1 Tim. 1:19) Ilkoll kemm aħna nittamaw li fl-aħħar mill-aħħar inkunu nistgħu niddikjaraw li ‘ġġilidna l-ġlieda mill-aħjar, ġrejna l-korsa sat-tmiem, u osservajna l-fidi.’—2 Tim. 4:7.