Aqsam M’Oħrajn Skond Il-Ħtiġijiet Tagħhom
1 Jehovah jagħmel provvedimenti biex jissodisfa l-ħtiġijiet spiritwali tagħna permezz taʼ l-“irsir” leali. (Matt. 24:45-47) Ħafna minn dawn il-provvedimenti huma fil-forma taʼ kotba, Bibbji, volumi llegati, videos, audio-cassette recordings, u diski tal-kompjuter għar-riċerka Biblika. Dak li Jehovah jipprovdi huwa dejjem biżżejjed mingħajr ma jkun hemm ħala. Hu jistenna li aħna naqsmu l-affarijiet maʼ xulxin, u b’hekk inkunu ċerti li lkoll nibbenefikaw indaqs.
2 Dawn il-provvedimenti kollha jiġu prodotti bi spiża finanzjarja tremenda. Dawn l-ispejjeż tieħu ħsiebhom il-fratellanza taʼ l-aħwa madwar id-dinja. Dan huwa minnu b’mod speċjali minn mindu l-organizzazzjoni istitwiet l-arranġament li l-letteratura tiġi mqassma mingħajr ħlas, u ġiet tiddependi għalkollox minn donazzjonijiet volontarji biex jiġu koperti l-ispejjeż. Flimkien maʼ dan, ħafna fergħat jiksbu dawn il-provvedimenti mingħand is-Soċjetà bi prezz imnaqqas biex l-aħwa jkunu jistgħu jkollhom dak li jeħtieġu għal-laqgħat u għall-attività tas-servizz minkejja li dawn ikollhom riżorsi materjali limitati ħafna.
3 Kif Aħna Nistgħu Ngħinu: Aħna nistgħu nwieġbu għat-twissija taʼ Pawlu biex naqsmu m’oħrajn “skond il-ħtiġijiet tagħhom.” (Rum. 12:13) Meta nagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji b’riżq ix-xogħol taʼ madwar id-dinja, inkunu qegħdin naqsmu direttament dak li għandna maʼ ħutna madwar id-dinja. B’dan f’moħħhom, xi wħud iddeċidew li jwarrbu ċertu ammont biex jikkontribwixxu għax-xogħol taʼ madwar id-dinja kull xahar, sewwa sew bħalma jagħmlu għall-ispejjeż tas-Sala tas-Saltna. Huma jirrikonoxxu li dawn il-fondi ma jintużawx biss għall-produzzjoni tal-letteratura imma wkoll għall-aspetti kollha tax-xogħol. Immaġina l-benefiċċju kbir li l-fratellanza tagħna madwar id-dinja tkun tistaʼ tgawdi li kieku iktar individwi jieħdu sehem b’dan il-mod fuq bażi regulari.
4 Iktar minn hekk, nistgħu naqsmu magħhom billi nkunu dejjem prudenti meta nordnaw xi affarijiet li huma disponibbli għalina f’kull ħin. Li nordnaw dak biss li attwalment neħtieġu jagħti lok biex ħutna x’imkien ieħor jistgħu jirċievu l-provvedimenti spiritwali li huma wkoll jeħtieġu biex jibqgħu b’saħħithom u biex iġibu ’l quddiem l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba fil-parti tad-dinja fejn joqogħdu.—Ebr. 13:16.
5 Għandna b’mod speċjali nżommu dan f’moħħna meta nordnaw xi oġġetti li jiġu prodotti bi spiża konsiderevoli għas-Soċjetà. Dawn jinkludu videos, CD-ROMs, kotba kbar bir-referenzi, volumi llegati, u abbonamenti t’audio-cassettes. Minflok ma jiġi ordnat oġġett wieħed għal kull membru tad-dar, tistaʼ l-familja kollha tgħaddi b’wieħed? Jekk nillimitaw dak li nieħdu għalina nfusna, dan jippermetti lil oħrajn biex jiksbu l-istess affarijiet tajbin li aħna ngawdu.—Flp. 2:4.
6 L-ispiża tal-letteratura li aħna nħallu fl-għalqa tistaʼ tiġi kkumpensata minn banda b’donazzjonijiet lejn ix-xogħol tas-Soċjetà li jsir madwar id-dinja li jiġu offruti minna fis-Sala tas-Saltna u minn uħud interessati li jaċċettawha. Madankollu, meta niġu għal oġġetti tal-letteratura li aħna nordnaw għall-użu persunali tagħna, inklużi kotba taʼ l-għanjiet, Yearbooks, Bibbji deluxe, u oħrajn, ma nistgħux nippretendu li l-barranin jieħdu ħsieb ikopru l-ispejjeż tagħna. Il-qaddejja ddedikati taʼ Jehovah huma s-sors primarju taʼ dan l-appoġġ finanzjarju. B’dan f’moħħhom, ħafna pubblikaturi jikkalkulaw kemm jiġu jiswew dawn l-oġġetti li kieku jiġu prodotti kummerċjalment, u mbagħad jikkontribwixxu skond il-bżonn. Per eżempju, Bibbja deluxe bix-xifer tal-paġni kulur id-deheb tistaʼ faċilment tiswa Lm7 jew iktar, ktieb bir-referenzi jistaʼ jkun Lm14 jew iktar, kalendarju taʼ mal-ħajt bil-kulur jistaʼ jinbiegħ minn taʼ l-inqas Lm1.70, enċiklopedija fuq CD-ROM tiswa minn Lm17.85 sa Lm35.70 jew iktar, compact discs tal-mużika ġeneralment jiswew qrib is-Lm7, u xi videos jinbiegħu bi prezz ogħla. Jekk ma jinġabrux biżżejjed flus biex jiġu koperti l-ispejjeż, dan fl-aħħar mill-aħħar se jillimita dak li l-organizzazzjoni tkun tistaʼ tagħmel f’li tavanza x-xogħol madwar id-dinja.
7 Ġesù ddikjara li d-dixxipli veri tiegħu kellhom jiġu identifikati b’mod ċar mill-imħabba tagħhom lejn xulxin. (Ġwn. 13:34, 35) Il-ġenerożità tagħna f’li nagħtu materjalment u n-nuqqas taʼ egoiżmu tagħna f’li naqsmu m’oħrajn skond il-ħtiġijiet tagħhom huma ċertament modi mill-aħjar biex nagħtu prova li aħna Kristjani ġenwini.