Poġġi L-Iktar Affarijiet Importanti L-Ewwel
1 X’inhuma xi ftit affarijiet importanti li huma vitali għall-benesseri spiritwali tagħna? Bla dubju fost dawn insibu l-istudju persunali, l-attendenza għal-laqgħat, it-talb persistenti, is-sħubija tajba, u l-ministeru Kristjan. Ma nistgħux nibqgħu b’saħħitna spiritwalment jekk ma npoġġux affarijiet importanti minn taʼ quddiem f’ħajjitna.
2 Madankollu, ilkoll kemm aħna għandna ġlieda kontra x-xewqat tal-ġisem u neħtieġu d-dixxiplina. (Gal. 5:17) M’għandna qatt inħossuna li hemm iktar x’wieħed jikseb jekk isus wara interessi egoistiċi. (Ġer. 17:9) Għalhekk, jekk irridu nipproteġu lil qalbna u nevitaw li nitqarrqu, huwa kruċjali li neżaminaw lilna nfusna regolarment.—Prov. 4:23; 2 Kor. 13:5.
3 Eżamina Lil Qalbek Stess: Tistaʼ tagħmel dan billi tistaqsi lilek innifsek xi mistoqsijiet diretti: Nixxennaq jien biex naqra l-Kelma t’Alla? (1 Piet. 2:2) Napprezza l-importanza taʼ li nattendi l-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni? (Lhud 10:24, 25) Nippersevera fit-talb? (Rum. 12:12) Infittex is-sħubija taʼ nies li moħħhom mitfugħ fuq affarijiet spiritwali? (Rum. 1:11, 12) Inħoss obbligu persunali li niddikjara l-aħbar tajba? (1 Kor. 9:16) Tweġibiet pożittivi se juru li int tixtieq tpoġġi l-iktar affarijiet importanti fl-ewwel post.
4 Eżamina R-Rutina Tiegħek Taʼ Kuljum: Hemm bżonn li taġixxi skond l-eżami tax-xewqat taʼ qalbek billi tistabbilixxi prijoritajiet rigward l-użu tal-ħin. Dan jinkludi li twarrab ħin għall-qari regulari tal-Bibbja u taʼ kull ħarġa taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa u Stenbaħ!, u kif ukoll għall-preparazzjoni tal-laqgħat. Irid ukoll jitwarrab ħin għall-familja, kemm biex tistudjaw u kemm biex titolbu flimkien. Poġġi limitu fuq kemm għandu jitqattaʼ ħin tara t-television jew tuża l-kompjuter. Kun determinat li tattendi l-laqgħat kollha tal-kongregazzjoni, u l-affarijiet l-oħrajn kollha poġġihom fil-ħin li jifdal. Ippjana biex il-familja kollha tieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa kull ġimgħa.
5 Mingħajr l-ebda dubju, jekk inpoġġu l-iktar affarijiet importanti l-ewwel f’ħajjitna se jkollna raġuni għalxiex nifirħu.