Studji Tal-Bibbja Li Jipproduċu Dixxipli
1 “X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?” staqsa l-ewnuku Etjopjan wara li Filippu ‘xandarlu l-Evanġelju taʼ Ġesù.’ (Atti 8:27-39) Fil-każ taʼ l-ewnuku, hu diġà kellu devozzjoni lejn il-kitbiet imnebbħa t’Alla, u wara li rċieva għajnuna spiritwali mingħand Filippu, kien lest li jsir dixxiplu. Imma mhux in-nies kollha huma konvinti li għandhom bżonn jeżaminaw l-Iskrittura għalihom infushom.
2 Għall-grazzja t’Alla, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah pprovdiet il-brochure il-ġdid, Ktieb Għan-Nies Kollha, biex tinkuraġġixxi lin-nies jeżaminaw il-messaġġ tal-Bibbja għal żmienna. L-informazzjoni fil-brochure għandha tappella lil nies sinċieri li forsi jkunu taʼ skola imma li ftit li xejn ikunu jafu dwar il-Bibbja. Din l-għodda mill-aħjar hija maħsuba biex tqanqal lin-nies ħalli jkunu jridu jeżaminaw il-Bibbja.
3 Meta tibda studju tal-Bibbja, ikun t’għajnuna li tirrevedi s-suġġerimenti eċċellenti ppubblikati fl-insert taʼ Il-Ministeru Tas-Saltna taʼ Ġunju 1996 dwar kif jistaʼ jiġi kondott studju produttiv fil-ktieb Għarfien. Hekk kif ikun għaddej l-istudju, ikkunsidra l-progress li qiegħed jagħmel l-istudent sabiex tkun tistaʼ tiddetermina liema aspetti għandhom bżonn iktar attenzjoni. Inkuraġġixxi lill-istudent biex iħejji l-lezzjonijiet tiegħu minn qabel, billi jfittex l-iskritturi. Kummenti li jagħmel fi kliemu jistgħu jirriflettu l-apprezzament mill-qalb tiegħu għall-verità. Dawk li jagħmlu progress mgħaġġel huma taʼ spiss dawk li jaqraw pubblikazzjonijiet oħrajn tas-Soċjetà u li jattendu regolarment il-laqgħat tal-kongregazzjoni. Inkuraġġih biex jitkellem m’oħrajn b’mod informali dwar dak li qiegħed jitgħallem. Urih bil-ħlewwa x’għandu bżonn jagħmel biex jimxi ’l quddiem spiritwalment. M’għandniex nikkonduċu studji għal żmien indefinit maʼ wħud indeċiżi. L-istudenti għandhom jieħdu l-inizjattiva biex jitgħallmu, jieħdu waqfa soda għall-verità, u jimxu lejn id-dedikazzjoni u l-magħmudija.
4 F’xi familji, qed jiġi kondott iktar minn studju wieħed, peress li membri differenti tal-familja jkollhom studji għalihom. Madankollu, li jkun hemm studju tal-familja flimkien jistaʼ jkun ippreferut fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, peress li dan jgħin biex jgħaqqad lill-familja spiritwalment.
5 Il-kmand taʼ Ġesù huwa li mmorru nagħmlu dixxipli. (Matt. 28:19) Biex nagħmlu hekk, irridu nikkonduċu studji tal-Bibbja li jgħin lill-istudent jimxi ’l quddiem sal-punt li jkun jistaʼ jistaqsi, “X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?”