Tkellem Dwar Jehovah Kuljum
1 In-nies jieħdu pjaċir jitkellmu dwar kwalunkwe ħaġa li hi għal qalbhom, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm. (Lq. 6:45b) Aħna x’għandna għal qalbna? Is-salmista kiteb: “Mbagħad ixandar ilsieni l-ġustizzja tiegħek, il-jum kollu t-tifħir tiegħek.” (Salm 35:28) Hu kellu apprezzament profond lejn Jehovah u kien iqisu tabilħaqq privileġġ li jitkellem dwar Alla u jfaħħru f’kull okkażjoni. Billi kien midħla b’mod intimu maʼ Jehovah, is-salmista kellu ħafna affarijiet tajbin fuqiex jifraħ. (Salm 35:9) Kif nistgħu aħna nimitaw l-eżempju mill-aħjar tiegħu?
2 Tkellem Dwar Jehovah Ġewwa Darek: Jehovah kuljum għandu jkun is-suġġett tal-konversazzjoni ġewwa ċ-ċirku tal-familja. Ġenituri li għandhom imħabba qawwija għal Jehovah naturalment se jitkellmu dwaru fl-attivitajiet tagħhom kollha. (Dt. 6:5-7) Waqt li jagħmlu dan, l-ulied se josservaw li missierhom u ommhom jgħixu skond il-fidi u jgħożżu l-liġi t’Alla. L-ulied imbagħad se jqisu l-istudju tal-Bibbja tal-familja bħala espressjoni ġenwina tad-devozzjoni lejn Alla li għandhom il-ġenituri tagħhom.—2 Pt. 3:11.
3 Tkellem Dwar Jehovah Maʼ Ħutek: Matul ir-rutina teokratika tagħna taʼ kull ġimgħa, għandna ħafna opportunitajiet biex nitimgħu lil imħuħna u lil qlubna b’ikel spiritwali. Qatt m’aħna neqsin minn affarijiet tajbin fuqiex nitkellmu. (Lq. 6:45a) Hemm xi punt li slitt mill-istudju persunali tiegħek jew mill-qari tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa li għoġbok ħafna? Aqsmu maʼ ħutek, u b’hekk tkun qed tgħinhom biex ikattru l-imħabba tagħhom għal Jehovah.—Salm 35:18; Lhud 10:24.
4 Tkellem Dwar Jehovah M’Oħrajn: Fil-kuntatti tagħna taʼ kuljum man-nies—fuq ix-xogħol, fl-iskola, u maʼ membri tal-familja li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħna—għandu jkun minnufih ċar li l-iskop prinċipali tagħna fil-ħajja huwa li nagħtu xiehda dwar Jehovah. Minflok ma jkun imniġġes b’espressjonijiet vulgari u oxxeni tad-dinja, id-diskors tagħna għandu jeżalta lil Alla. Kuljum, f’kull opportunità, tkellem m’oħrajn dwar l-aħbar tajba li ġejna mqabbdin minnu biex nippridkaw.—Atti 5:42; Kol. 4:6.
5 Bħala adoraturi veri taʼ Jehovah, jalla kuljum naħtfu kull okkażjoni biex nitkellmu dwar Alla tagħna Jehovah, li ma jistaʼ jitqabbel maʼ ħadd.—Salm 106:47.