Ix-Xhieda taʼ Jehovah—Evanġelizzaturi Veri
1 Ġesù Kristu poġġa r-responsabbiltà taʼ l-evanġelizzar fuq id-dixxipli tiegħu kollha, billi speċifikament idderiġiehom biex jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mt. 24:14; Atti 10:42) Id-dixxipli bikrin tiegħu ħallew mudell f’dan waqt li tkellmu dwar is-Saltna mingħajr waqfien—mhux biss f’postijiet taʼ qima imma kulfejn iltaqgħu man-nies fil-pubbliku u billi marru minn dar għal dar. (Atti 5:42; 20:20) Bħala Xhieda taʼ Jehovah llum, tajna prova li aħna evanġelizzaturi Kristjani veri, billi qegħdin nippridkaw il-messaġġ tas-Saltna f’232 art u għammidna ’l fuq minn miljun dixxiplu ġdid f’dawn l-aħħar tliet snin biss! Ix-xogħol tagħna taʼ l-evanġelizzar għala kien daqshekk taʼ suċċess?
2 L-Aħbar Tajba Teċċitana: Evanġelizzaturi huma predikaturi, jew messaġġiera, taʼ aħbar tajba. Bħala talin, għandna l-privileġġ eċċitanti li nħabbru s-Saltna taʼ Jehovah—l-unika aħbar tajba vera li tistaʼ tiġi offruta lill-umanità mnikkta. Aħna entużjażmati bil-għarfien bil-quddiem li ksibna dwar smewwiet ġodda li se jaħkmu bit-tjieba fuq art ġdida fformata minn bnedmin leali fil-Ġenna li ġejja. (2 Pt. 3:13, 17) Aħna l-uniċi wħud li ħaddanna din it-tama, u ħerqanin li naqsmuha maʼ oħrajn.
3 L-Imħabba Vera Timmotivana: L-evanġelizzar huwa xogħol li jsalva l-ħajja. (Rum. 1:16) Huwa għalhekk li nesperjenzaw ferħ kbir f’li nxerrdu l-messaġġ tas-Saltna. Bħala evanġelizzaturi veri, aħna nħobbuhom lin-nies, u dan iqanqalna naqsmu l-aħbar tajba magħhom—mal-familji tagħna, mal-ġirien, maʼ dawk li nafu, u maʼ kemm jistaʼ jkun oħrajn. Li nagħmlu dan ix-xogħol b’ruħna kollha huwa wieħed mill-aħjar modi kif nistgħu nesprimu l-imħabba vera tagħna lejn oħrajn.—1 Tess. 2:8.
4 L-Ispirtu taʼ Alla Jappoġġjana: Il-Kelma taʼ Alla tiżgurana li meta nagħmlu x-xogħol tagħna taʼ li nħawlu u nsaqqu ż-żerriegħa tas-Saltna, huwa Jehovah li ‘jkabbarha.’ Dan huwa eżattament dak li naraw iseħħ fl-organizzazzjoni tagħna llum. (1 Kor. 3:5-7) Huwa l-ispirtu taʼ Alla li jappoġġjana fl-attività tagħna taʼ l-evanġelizzar u jagħtina suċċess kbir.—Ġoel 3:1, 2 [2:28, 29, NW].
5 Meta nqisu l-inkuraġġiment fit-2 Timotju 4:5 biex nagħmlu “ħidma taʼ evanġelista,” u minħabba l-imħabba tagħna għan-nies kollha, jalla nkunu mmotivati biex naqsmu magħhom l-aħbar tajba u eċċitanti tas-Saltna f’kull opportunità, fiduċjużi li Jehovah se jkompli jbierek ix-xogħol tagħna.