LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • kl kap. 18 pp. 170-180
  • Agħmilha l-Mira Tiegħek li Taqdi lil Alla Għal Dejjem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmilha l-Mira Tiegħek li Taqdi lil Alla Għal Dejjem
  • Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF ĠESÙ UŻA L-​GĦARFIEN DWAR ALLA
  • PASSI LI JWASSLU GĦALL-​ĦAJJA ETERNA
  • IL-​MAGĦMUDIJA—DAK LI TFISSER GĦALIK
  • LEST INT GĦALL-​MAGĦMUDIJA?
  • LI TGĦIX FI QBIL MAD-​DEDIKAZZJONI U L-​MAGĦMUDIJA TIEGĦEK
  • Il-​Magħmudija u r-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • It-Tifsira tal-Magħmudija Tiegħek
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Il-Magħmudija Ġġiblek Futur Sabiħ!
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • It-Tifsira tal-Magħmudija Tiegħek
    Magħqudin fil-Qima Taʼ L-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
kl kap. 18 pp. 170-180

Kapitlu 18

Agħmilha l-​Mira Tiegħek li Taqdi lil Alla Għal Dejjem

1, 2. X’inhu meħtieġ minbarra li wieħed jippossiedi l-​għarfien dwar Alla?

IMMAĠINA li tinsab wieqaf quddiem bieb imsakkar li jagħti għal kamra li fiha teżori kbar. Ejjew ngħidu li persuna awtorizzata tatek iċ-​ċavetta u qaltlek biex tieħu kemm trid minn dawn l-​affarijiet prezzjużi. Dik iċ-​ċavetta ma se tagħmillek ebda ġid jekk ma tużahiex. Bl-​istess mod, int trid tużah l-​għarfien jekk dan se jkunlek taʼ benefiċċju.

2 Dan huwa partikolarment veru fejn għandu x’jaqsam l-​għarfien dwar Alla. Tabilħaqq, għarfien eżatt dwar Jehovah u Ġesù Kristu jfisser ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 17:3) Madankollu, dak il-​prospett ma jistax jiġi mwettaq għax wieħed sempliċement jippossiedi l-​għarfien. Bħalma kieku kont tuża ċavetta prezzjuża, int għandek bżonn tapplika l-​għarfien dwar Alla f’ħajtek. Ġesù qal li dawk li qegħdin jagħmlu r-​rieda t’Alla kellhom ‘jidħlu fis-​Saltna.’ Individwi bħal dawn kellhom ikunu pprivileġġjati li jaqdu lil Alla għal dejjem!—Mattew 7:21; 1 Ġwann 2:17.

3. X’inhi r-​rieda t’Alla għalina?

3 Wara li titgħallem x’inhi r-​rieda t’Alla, huwa vitali li tagħmilha. X’taħseb li hija r-​rieda t’Alla għalik? Tistaʼ b’mod xieraq tinġabar fil-​qosor f’dan il-​kliem: Imita lil Ġesù. L-​Ewwel Pietru 2:21 jgħidilna: “Għal dan intom kontu msejħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-​passi tiegħu.” Biex tagħmel ir-​rieda t’Alla, allura, għandek bżonn issegwi l-​eżempju taʼ Ġesù kemm jistaʼ jkun mill-​qrib. Dak huwa kif tagħmel użu mill-​għarfien dwar Alla.

KIF ĠESÙ UŻA L-​GĦARFIEN DWAR ALLA

4. Ġesù għala jaf daqstant dwar Jehovah, u kif uża dan l-​għarfien?

4 Ġesù Kristu għandu għarfien iktar intimu dwar Alla milli għandhom oħrajn. Hu għex u ħadem m’Alla Jehovah fis-​sema għal annati sħaħ qabel ma ġie fuq l-​art. (Kolossin 1:15, 16) U Ġesù x’għamel b’dak l-​għarfien kollu? Ma kienx sodisfatt b’li sempliċement jippossedih. Ġesù għex fi qbil miegħu. Dak huwa għala kien tant qalbu tajba, paċenzjuż, u kollu mħabba fl-​aġir tiegħu maʼ bnedmin sħabu. Ġesù kien b’hekk qiegħed jimita lil Missieru tas-​sema u jaġixxi fi qbil maʼ l-​għarfien tiegħu dwar il-​modi u l-​personalità taʼ Jehovah.—Ġwann 8:23, 28, 29, 38; 1 Ġwann 4:8.

5. Ġesù għala tgħammed, u kif għex fi qbil mat-​tifsira tal-​magħmudija tiegħu?

5 L-​għarfien li Ġesù kellu kien ukoll qanqlu biex jieħu pass kruċjali. Hu ġie mill-​Galilija lejn ix-​Xmara Ġordan, fejn Ġwanni għammdu. (Mattew 3:13-15) Il-​magħmudija taʼ Ġesù x’issimbolizzat? Bħala Lhudi, hu kien imwieled f’ġens iddedikat lil Alla. Għalhekk, Ġesù kien ġie ddedikat mit-​twelid. (Eżodu 19:5, 6) Billi ssottometta ruħu għall-​magħmudija, hu kien qiegħed jippreżenta lilu nnifsu lil Jehovah biex jagħmel ir-​rieda divina għalih f’dak iż-​żmien. (Lhud 10:5, 7) U Ġesù għex fi qbil mat-​tifsira tal-​magħmudija tiegħu. Hu tħabat ħafna fis-​servizz taʼ Jehovah, billi qasam l-​għarfien dwar Alla man-​nies f’kull opportunità. Ġesù sab għaxqa f’li jagħmel ir-​rieda t’Alla, billi saħansitra qal li dan kien bħal ikel għalih.—Ġwann 4:34.

6. Ġesù b’liema mod ċaħad lilu nnifsu?

6 Ġesù rrealizza bis-​sħiħ illi li jagħmel ir-​rieda taʼ Jehovah kellu jkun jiswa ħafna—li dan kellu saħansitra jiswielu ħajtu. Minkejja dan, Ġesù ċaħad lilu nnifsu, billi poġġa l-​ħtiġijiet persunali tiegħu fit-​tieni post. Li jagħmel ir-​rieda t’Alla dejjem ġie l-​ewwel. F’dan ir-​rigward, kif nistgħu aħna nsegwu l-​eżempju perfett taʼ Ġesù?

PASSI LI JWASSLU GĦALL-​ĦAJJA ETERNA

7. Liema huma xi passi li wieħed irid jieħu biex jikkwalifika għall-​magħmudija?

7 Kuntrarju għal Ġesù, aħna imperfetti u nistgħu nilħqu l-​punt sinjifikanti tal-​magħmudija biss wara li nieħdu passi vitali oħrajn. Dan jibda billi ndaħħlu għarfien eżatt dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu f’qalbna. Li nagħmlu dan iġagħalna neżerċitaw fidi u jkollna mħabba profonda għal Alla. (Mattew 22:37-40; Rumani 10:17; Lhud 11:6) Li nikkonformaw mal-​liġjiet, prinċipji, u livelli t’Alla għandu jqanqalna biex nindmu, billi nesprimu dispjaċir sinċier minħabba d-​dnubiet tagħna tal-​passat. Dan iwassal għal konverżjoni, jiġifieri, għal dawrien lura u abbandunar taʼ kwalunkwe korsa ħażina li segwejna meta ma kellniex l-​għarfien dwar Alla. (Atti 3:19) Naturalment, jekk għadna nipprattikaw fis-​sigriet xi dnub minflok ma qegħdin nagħmlu dak li huwa taʼ tjieba, ma nkunux tassew dorna lura, lanqas ma nkunu dħaqna b’Alla. Jehovah jinduna bl-​ipokresija kollha.—Luqa 12:2, 3.

8. Liema azzjoni għandek tieħu meta tkun tixtieq li tieħu sehem fl-​attività taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna?

8 Issa li ilek tieħu l-​għarfien dwar Alla, m’huwiex xieraq li tikkunsidra kwistjonijiet spiritwali b’mod persunali ferm? Probabbilment int ħerqan biex tgħid lil qrabatek, ħbiebek, u oħrajn dak li qiegħed titgħallem. Fil-​fatt, għandu mnejn li int diġà kont qiegħed tagħmlu dan, saħansitra bħalma Ġesù qasam l-​aħbar tajba m’oħrajn f’ċirkostanzi informali. (Luqa 10:38, 39; Ġwann 4:6-15) Issa għandu mnejn li trid tagħmel iktar. Anzjani Kristjani se jieħdu gost jitkellmu miegħek sabiex jiddeterminaw jekk intix ikkwalifikat u kapaċi biex ikollok xi sehem fl-​attività regulari taʼ l-​ippridkar dwar is-​Saltna mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Jekk inhu hekk, l-​anzjani se jagħmlu arranġamenti biex int takkumpanja lil wieħed mix-​Xhieda fil-​ministeru. Id-​dixxipli taʼ Ġesù segwew l-​istruzzjonijiet tiegħu sabiex iwettqu l-​ministeru tagħhom bl-​ordni. (Mark 6:7, 30; Luqa 10:1) Int se tibbenefika minn għajnuna simili hekk kif tieħu sehem f’li xxerred il-​messaġġ tas-​Saltna minn dar għal dar u b’modi oħrajn.—Atti 20:20, 21.

9. Persuna kif tagħmel dedikazzjoni lil Alla, u d-​dedikazzjoni kif teffettwa l-​ħajja tal-​persuna?

9 L-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba lil kull xorta taʼ nies fit-​territorju tal-​kongregazzjoni huwa mod biex insibu lil dawk li huma disposti għat-​tjieba u huwa fost ix-​xogħlijiet mill-​aħjar li jagħtu prova li int għandek fidi. (Atti 10:34, 35; Ġakbu 2:17, 18, 26) Attendenza regulari għal-​laqgħat Kristjani u li jkollok sehem sinjifikanti fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar huma wkoll modi biex turi li ndimt u dort lura u li int issa determinat li tgħix fi qbil maʼ l-​għarfien dwar Alla. X’inhu l-​pass loġiku li jmiss? Huwa li tagħmel dedikazzjoni lil Alla Jehovah. Dan ifisser li f’talb mill-​qalb, int tgħid lil Alla li minn jeddek u b’qalbek kollha qiegħed tagħti ħajtek lilu biex tagħmel ir-​rieda tiegħu. Dan huwa l-​mod kif tiddedika lilek innifsek lil Jehovah u taċċetta l-​madmad ħanin taʼ Ġesù Kristu.—Mattew 11:29, 30.

IL-​MAGĦMUDIJA—DAK LI TFISSER GĦALIK

10. Għala għandek titgħammed wara li tiddedika lilek innifsek lil Jehovah?

10 Skond Ġesù, dawk kollha li jsiru dixxipli tiegħu jridu jitgħammdu. (Mattew 28:19, 20) Għala huwa dan neċessarju wara li tkun għamilt dedikazzjoni lil Alla? Ladarba ddedikajt lilek innifsek lil Jehovah, hu jaf li tħobbu. Imma bla dubju tkun trid tieħu iktar azzjoni sabiex turi lil oħrajn dwar l-​imħabba tiegħek għal Alla. Sewwa, il-​magħmudija tagħtik opportunità biex tagħmel id-​dedikazzjoni tiegħek lil Alla Jehovah magħrufa pubblikament.—Rumani 10:9, 10.

11. X’inhi t-​tifsira tal-​magħmudija?

11 Il-​magħmudija fiha abbundanza taʼ tifsir simboliku. Hekk kif tiġi mgħaddas, jew “midfun,” taħt l-​ilma, ikun bħal li kieku int mitt għall-​korsa taʼ ħajja taʼ qabel. Meta titlaʼ mill-​ilma, ikun bħal li kieku int qiegħed toħroġ għal ħajja ġdida, waħda li hija ggvernata mir-​rieda t’Alla u mhux minn tiegħek innifsek. M’għandniex xi ngħidu, dak ma jfissirx li m’intix se tagħmel iktar żbalji, għax aħna lkoll imperfetti u għalhekk nidinbu kuljum. Madankollu, bħala qaddej dedikat u mgħammed taʼ Jehovah, int se tkun dħalt f’relazzjoni speċjali miegħu. Minħabba l-​indiema tiegħek u s-​sottomissjoni umli tiegħek għall-​magħmudija, Jehovah lest li jaħfirlek dnubietek fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ Ġesù. Il-​magħmudija b’hekk twassal għal kuxjenza nadifa quddiem Alla.—1 Pietru 3:21.

12. X’ifisser li wieħed jitgħammed (a) “fl-​isem tal-​Missier”? (b) ‘f’isem l-​Iben’? (ċ) ‘f’isem l-​Ispirtu s-​Santu’?

12 Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex jgħammdu lil dixxipli ġodda “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu.” (Mattew 28:19) Ġesù x’ried ifisser? Magħmudija “fl-​isem tal-​Missier” tindika li l-​persuna li qiegħda tiġi mgħammda taċċetta b’qalbha kollha lil Alla Jehovah bħala l-​Ħallieq u bħala Dak li bi dritt hu s-​Sovran taʼ l-​univers. (Salm 36:10 [36:9, NW]; Salm 83:19 [Salm 83:18, NW]; Koħelet 12:1) Li wieħed jitgħammed ‘fl-​isem taʼ l-​Iben’ ifisser li l-​individwu jirrikonoxxi lil Ġesù Kristu—u partikolarment lis-​sagrifiċċju bħala rahan Tiegħu—bħala l-​uniku mezz taʼ salvazzjoni pprovdut minn Alla. (Atti 4:12) Magħmudija ‘f’isem l-​Ispirtu s-​Santu’ tissinjifika li l-​kandidat għall-​magħmudija jirrikonoxxi lill-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, taʼ Jehovah bħala l-​istrument t’Alla biex iwettaq l-​iskopijiet Tiegħu u biex jagħti l-​qawwa lill-​qaddejja Tiegħu ħalli jagħmlu r-​rieda Tiegħu taʼ tjieba fi sħubija maʼ l-​organizzazzjoni Tiegħu ddireġuta mill-​ispirtu.—Ġenesi 1:2; Salm 104:30; Ġwann 14:26; 2 Pietru 1:21.

LEST INT GĦALL-​MAGĦMUDIJA?

13, 14. Għala m’għandniex nibżgħu li nagħżlu li naqdu lil Alla Jehovah?

13 Ladarba l-​magħmudija għandha tant tifsir u hija l-​iktar punt sinjifikanti u importanti fil-​ħajja taʼ persuna, hija din xi pass li għandek tibżaʼ minnu? Lanqas xejn! Fil-​waqt li d-​deċiżjoni li titgħammed m’għandhiex tittieħed ħafif ħafif, din bla dubju hija l-​waħda l-​iktar għaqlija li qatt tistaʼ tieħu.

14 Il-​magħmudija tagħti evidenza dwar l-​għażla tiegħek li taqdi lil Alla Jehovah. Aħseb ftit dwar in-​nies li jkollok kuntatt magħhom. B’xi mod jew ieħor, m’huwiex kull wieħed jew waħda minnhom jaqdi lil xi sid? Xi wħud jitjassru għar-​rikkezzi. (Mattew 6:24) Oħrajn b’mod ħabriek isegwu l-​karrieri tagħhom jew jiġbdu lejhom infushom billi jagħmlu t-​twettiq tax-​xewqat tagħhom stess l-​iktar ħaġa importanti fil-​ħajja. Jerġaʼ oħrajn jaqdu lil allat foloz. Imma int għażilt li taqdi lil dak Alla veru, Jehovah. Ħadd iżjed ma juri daqshekk qalb tajba, mogħdrija, u mħabba. Alla jagħti d-​dinjità lill-​bnedmin b’xogħol mimli skop li jidderiġihom lejn is-​salvazzjoni. Hu jippremja lill-​qaddejja tiegħu b’ħajja taʼ dejjem. Ċertament, li ssegwi l-​eżempju taʼ Ġesù u li tagħti ħajtek lil Jehovah m’hijiex korsa li għandek tibżaʼ minnha. Attwalment, din hija l-​unika waħda li togħġob lil Alla u verament tagħmel sens.—1 Slaten 18:21.

15. Liema huma xi ostakli komuni għall-​magħmudija?

15 Madankollu, il-​magħmudija m’hijiex pass li għandu jittieħed minħabba xi pressjoni. Hija kwistjoni persunali bejnek u bejn Jehovah. (Galatin 6:4) Hekk kif għamilt progress spiritwali, int għandek mnejn qgħadt tberren: “X’qiegħed iżommni li ma nitgħammidx?” (Atti 8:35, 36) Tistaʼ tistaqsi lilek innifsek, ‘Qiegħda l-​oppożizzjoni mill-​familja żżommni lura? Għadni jien involut f’xi sitwazzjoni mhix skritturali jew prattika midinba? Jistaʼ jkun li qiegħed nibżaʼ li nitlef il-​favur tal-​komunità?’ Dawn huma xi wħud mill-​fatturi biex tikkunsidra, imma iżinhom b’mod realistiku.

16. Kif se tibbenefika int milli taqdi lil Jehovah?

16 M’huwiex realistiku li tiżen il-​fatturi negattivi mingħajr ma tikkunsidra l-​benefiċċji taʼ li taqdi lil Jehovah. Per eżempju, ikkunsidra l-​kwistjoni t’oppożizzjoni mill-​familja. Ġesù wiegħed li saħansitra jekk id-​dixxipli tiegħu tilfu lil qrabathom għaliex segwew lilu, huma kellhom jiksbu familja spiritwali akbar. (Mark 10:29, 30) Dawn il-​kredenti sħabek se juruk imħabba taʼ l-​aħwa, jgħinuk tissaporti l-​persekuzzjoni, u jappoġġjawk fit-​triq tal-​ħajja. (1 Pietru 5:9) Speċjalment l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jistgħu jgħinuk tkampa mal-​problemi u tiffaċċja sfidi oħrajn b’suċċess. (Ġakbu 5:14-16) Inkwantu għal li titlef il-​favur f’din id-​dinja, tagħmel tajjeb li tistaqsi lilek innifsek, ‘X’jistaʼ possibilment jitqabbel maʼ li jkolli l-​approvazzjoni tal-​Ħallieq taʼ l-​univers, li nġiegħlu jithenna minħabba l-​korsa tal-​ħajja li għażilt?’—Proverbji 27:11.

LI TGĦIX FI QBIL MAD-​DEDIKAZZJONI U L-​MAGĦMUDIJA TIEGĦEK

17. Għala għandek tqis il-​magħmudija bħala bidu minflok bħala tmiem?

17 Huwa importanti li tiftakar li l-​magħmudija m’hijiex it-​tmiem tal-​progress spiritwali tiegħek. Din timmarka l-​bidu taʼ servizz lil Alla għomrok kollu bħala ministru ordnat u wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Għalkemm il-​magħmudija hija importanti b’mod vitali, m’hijiex garanzija taʼ salvazzjoni. Ġesù ma qalx: ‘Kulmin hu mgħammed se jkun salvat.’ Minflok, qal: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Għalhekk, huwa vitali li tfittex l-​ewwel is-​Saltna t’Alla billi tagħmilha l-​iktar ħaġa li tikkonċernak f’ħajtek.—Mattew 6:25-34.

18. Wara l-​magħmudija, liema huma xi miri li wieħed għandu jsegwi?

18 Biex tissaporti fis-​servizz tiegħek lejn Jehovah, int se tkun trid tpoġġi miri spiritwali għalik innifsek. Mira xierqa waħda hija li żżid l-​għarfien tiegħek dwar Alla permezz taʼ studju persunali regulari tal-​Kelma tiegħu. Ippjana għal qari taʼ kuljum tal-​Bibbja. (Salm 1:1, 2) Attendi l-​laqgħat Kristjani regolarment, għax is-​sħubija li int issib hemmhekk se tgħin biex tagħtik is-​saħħa spiritwali. Min-​naħa tiegħek, għala ma tagħmilhiex il-​mira tiegħek li tikkummenta fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u b’hekk tfaħħar lil Jehovah u tfittex li tibni lil oħrajn? (Rumani 1:11, 12) Mira oħra tistaʼ tkun li ttejjeb il-​kwalità tat-​talb tiegħek.—Luqa 11:2-4.

19. Liema kwalitajiet jistaʼ l-​ispirtu qaddis jgħinek biex turi?

19 Jekk se tgħix fi qbil mat-​tifsira tal-​magħmudija tiegħek, għandek bżonn tagħti attenzjoni kontinwa għal dak li tagħmel, billi tħalli lill-​ispirtu qaddis t’Alla jipproduċi fik kwalitajiet bħalma huma l-​imħabba, il-​ferħ, il-​paċi, is-​sabar fit-​tul, il-​qalb tajba, it-​tjubija, il-​fidi, il-​ħlewwa, u l-​kontroll fuqek innifsek. (Galatin 5:22, 23; 2 Pietru 3:11) Ftakar, Jehovah jagħti l-​ispirtu qaddis tiegħu lil dawk kollha li jitolbuh għalih u jobduh bħala l-​qaddejja leali tiegħu. (Luqa 11:13; Atti 5:32) Mela itlob lil Alla għall-​ispirtu tiegħu u itolbu għall-​għajnuna f’li turi kwalitajiet li jogħġbu lilu. Kwalitajiet bħal dawn se jsiru iktar evidenti fid-​diskors u l-​kondotta tiegħek hekk kif taġixxi għall-​influwenza taʼ l-​ispirtu t’Alla. M’għandniex xi ngħidu, kull individwu fil-​kongregazzjoni Kristjana qiegħed jistinka biex jiżviluppa “l-​bniedem il-​ġdid” sabiex isir iktar bħal Kristu. (Kolossin 3:9-14) Kull wieħed minna jiffaċċja sfidi differenti f’li jagħmel dan minħabba li qegħdin fi stadji li jvarjaw taʼ progress spiritwali. Ladarba int imperfett, trid taħdem iebes biex ikollok personalità bħal taʼ Kristu. Imma qatt tiddispra f’dan ir-​rigward, għax huwa possibbli bil-​għajnuna t’Alla.

20. B’liema modi tistaʼ timita lil Ġesù fil-​ministeru?

20 Fost il-​miri spiritwali tiegħek għandu jkun hemm dik taʼ li timita l-​eżempju ferrieħi taʼ Ġesù iktar mill-​qrib. (Lhud 12:1-3) Hu ħabb il-​ministeru. Jekk int ipprivileġġjat li tieħu sehem fl-​attività taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna, allura, tħallihiex issir sempliċi rutina. Fittex li ssib sodisfazzjon f’li tgħallem lil oħrajn dwar is-​Saltna t’Alla bħalma għamel Ġesù. Agħmel użu mill-​istruzzjoni li tipprovdi l-​kongregazzjoni biex tgħinek titjieb bħala għalliem. U kun assigurat li Jehovah jistaʼ jagħtik is-​saħħa biex twettaq il-​ministeru tiegħek.—1 Korintin 9:19-23.

21. (a) Kif nafu li Jehovah jgħożż lil individwi leali mgħammdin? (b) X’juri li l-​magħmudija hija importanti għas-​sopravivenza tagħna mill-​esekuzzjoni tal-​ġudizzju t’Alla fuq din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar?

21 Persuna dedikata u mgħammda li qiegħda tagħmel ħilitha fedelment biex issegwi lil Ġesù hi speċjali għal Alla. Jehovah jeżamina l-​biljuni kollha taʼ qlub umani u jaf kemm huma rari individwi bħal dawn. Hu jikkunsidrahom bħala li huma teżori, “affarijiet mixtiqin.” (Ħaggaj 2:7, NW) Profeziji tal-​Bibbja juru li Alla jħares lejn uħud bħal dawn bħala mmarkati biex jibqgħu ħajjin wara l-​esekuzzjoni tal-​ġudizzju tiegħu li dalwaqt se jiġi fuq din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. (Eżekjel 9:1-6; Malakija 3:16, 18) Int ‘magħżul [“dispost sewwa,” NW] għall-​ħajja taʼ dejjem’? (Atti 13:48) Hija x-​xewqa serja tiegħek li tkun immarkat bħala wieħed li qiegħed jaqdi lil Alla? Id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija huma parti minn dik il-​marka, u huma essenzjali għas-​sopravivenza.

22. Lejn liema prospetti tistaʼ l-​“kotra kbira” tħares ’il quddiem?

22 Wara d-​Dilluvju globali, Noè u l-​familja tiegħu ħarġu mill-​arka għal fuq art imnaddfa. B’mod simili llum, “kotra kbira” li japplikaw l-​għarfien dwar Alla f’ħajjiethom u jikbsu l-​approvazzjoni taʼ Jehovah għandhom il-​prospett taʼ li jibqgħu ħajjin fit-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar u jgawdu ħajja taʼ dejjem fuq art imnaddfa b’mod permanenti. (Apokalissi 7:9, 14) X’tip taʼ ħajja se tkun dik?

ITTESTJA L-​GĦARFIEN TIEGĦEK

Jehovah kif iridek tuża l-​għarfien li għandek dwaru?

Liema huma xi passi li jwasslu għall-​magħmudija?

Il-​magħmudija għala m’hijiex tmiem imma bidu?

Kif nistgħu ngħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija tagħna?

[Stampa f’paġna 172]

Għamilt int dedikazzjoni lil Alla bit-​talb?

[Stampa f’paġna 174]

X’qiegħed iżommok milli titgħammed?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja