Stili Taʼ Ħajja Li Jmarrdu Kemm Hi Għolja L-ispiża?
“IL-MARD sid kull bniedem,” jgħid qawl Daniż. Kulmin waqaʼ vittma taʼ xi marda kronika malajr se jixhed li dan is-“sid” jaf ikun kiefer tabilħaqq! Iżda, forsi tinħasad meta ssir taf li l-mard huwa iktar bħal wieħed li mistieden milli xi sid. Iċ-Ċentru Amerikan għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard jgħid li 30 fil-mija tal-ġranet li pazjenti jqattgħu fl-isptar huma minħabba mardiet u korrimenti li setgħu jiġu evitati. Il-kaġun? Stili taʼ ħajja li jmarrdu u perikolużi. Qis xi ftit eżempji.
IT-TIPJIP. Ira, li għandu 53 sena, ibati bl-emfisema—riżultat taʼ kważi erbgħin sena jpejjep. Bħala kura għall-qagħda tiegħu jeħtieġ provista regulari taʼ ċilindri taʼ l-ossiġnu, li jiswewh maʼ l-$400 fix-xahar. Fl-1994, il-kura għall-marda taʼ Ira swietlu ’l fuq minn $20,000, li $18,000 minnhom kienu biex setaʼ jqattaʼ disat ijiem l-isptar minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Xorta waħda, Ira ma jħoss l-ebda urġenza biex jaqtaʼ t-tipjip. “Ma temminx x’leblieba għandi,” jgħidlek.
Il-każ taʼ Ira mhux xi wieħed uniku. Minkejja l-perikli magħrufin sewwa li jiġu mit-tipjip, mad-dinja kollha n-nies ipejpu mal-15-il biljun sigarett kuljum. Fl-Istati Uniti, l-ispiża annwali għall-kura taʼ mard li għandu x’jaqsam mat-tipjip hija stmata li tlaħħaq mal-$50 biljun. Dan ifisser li fl-1993, bħala medja, għal kull pakkett sigaretti li nxtara, intefqu bejn wieħed u ieħor $2.06 fi spejjeż mediċi relatati mat-tipjip.
Meta titwieled tarbija, l-ispejjeż mediċi relatati mat-tipjip jistgħu jibdew jakkumulaw. Biex insemmu eżempju wieħed, studju li sar fl-Istati Uniti sab li t-trabi li jitwieldu lil ommijiet li jpejpu għandhom riskju doppju li jiżviluppaw qsim fix-xofftejn jew fis-saqaf tal-ħalq, kundizzjoni li għandha mnejn teħtieġ sa erbaʼ operazzjonijiet fl-ewwel sentejn. In-nefqa medja għal kura medika u spejjeż oħra relatati maʼ din il-kundizzjoni tul ħajja taʼ bniedem tlaħħaq mal-$100,000 kull persuna. M’għandniex xi ngħidu, il-flus ma jistgħu lanqas biss jibdew ikejlu l-ispiża emozzjonali li tiġi minn difett strutturali mat-twelid.
Xi wħud jgħidu li l-ispiża medika għolja minħabba t-tipjip titpatta mill-fatt li ħafna nies li jpejpu ma jdumux jgħixu biżżejjed biex jiġbru l-benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali. Madankollu, bħalma jinnota The New England Journal of Medicine, “din il-konklużjoni hija kontroversjali; iktar minn hekk, ħafna jaqblu li l-imwiet qabel il-waqt m’humiex mod ħanin taʼ kif tikkontrolla n-nefqa tal-kura tas-saħħa.”
L-ABBUŻ MILL-ALKOĦOL. L-abbuż mill-alkoħol ġie marbut maʼ għadd taʼ problemi tas-saħħa, inklużi ċ-ċirrosi tal-fwied, mard tal-qalb, gastrite, ulċeri u wġigħ fil-pankreas. Wieħed jistaʼ wkoll isir iktar suxxettibbli għal mard li jittieħed bħalma hi l-pulmonite. Fl-Istati Uniti, kull sena “maʼ l-$10 biljun jintużaw biex jiġu kkurati nies li ma jafux jikkontrollaw ix-xorb,” skond Dr. Stanton Peele.
L-alkoħol taʼ spiss jeffettwa lill-fetus fil-ġuf. Kull sena għaxriet t’eluf taʼ tfal fl-Istati Uniti biss jitwieldu b’xi difett għaliex ommijiethom kienu jixorbu waqt it-tqâla. Xi wħud minn dawn it-trabi jinstab li jkollhom is-sindromu taʼ l-alkoħol fil-fetus (FAS), u spiss isofru minn difetti fiżiċi u mentali. L-ispiża medika medja għal kull tarbija li tbati bil-FAS ġiet stmata li tlaħħaq il-$1.4 miljun tul il-ħajja taʼ dak li jkun.
Peress li l-alkoħol inaqqas il-kontroll tal-impuls, ix-xorb żejjed iwassal taʼ spiss għal tfaqqigħ taʼ vjolenza, li jistaʼ jwassal għal korrimenti li jkunu jinħtieġu attenzjoni medika. Hemm ukoll il-ħsara kbira ferm ikkaġunata minn dawk li jsuqu xi vettura waqt li jkunu xurbana. Ikkunsidra ftit l-effetti fuq Lindsey, tifla taʼ tmien snin li kellha tinqalaʼ b’diffikultà mis-sit taʼ wara tal-karozza t’ommha wara li sewwieqa fis-sakra baqgħet dieħla fihom. Lindsey qattgħet sebaʼ ġimgħat l-isptar u kellha tagħmel diversi operazzjonijiet. L-ispiża medika tagħha qabżet it-$300,000. Kienet tassew iffortunata li baqgħet ħajja.
L-ABBUŻ BID-DROGI. Waħda riċerkatriċi tagħti stima taʼ $67 biljun bħala l-ispiża annwali mill-abbuż bid-drogi fl-Amerka. Joseph A. Califano, Jr., president taċ-Ċentru dwar l-Abbuż b’Sustanzi li Jivvizzjaw fl-Università taʼ Columbia f’New York, jiġbed l-attenzjoni lejn aspett ieħor tal-problema li jiswa l-flus: “Is-swali taʼ wara t-twelid fejn wieħed irid iħallas maʼ l-$2,000 kuljum huma miżgħudin bi trabi t’ommijiet li ħadu d-droga crack, ħaġa rari sa għaxar snin ilu. . . . Jaf jiswielek mal-$1 miljun biex lil tarbija minn dawn li tibqaʼ ħajja trabbiha sakemm tikber.” Iktar minn hekk, jinnota Califano, “il-fatt li ommijiet fit-tqâla naqsu li jfittxu kura taʼ qabel it-twelid u ma waqfux milli jabbużaw bid-drogi kien il-kaġun tal-kważi $3 biljun li ntefqu mill-Medicaid fl-1994 għal kura taʼ pazjenti fl-isptarijiet relatata maʼ l-użu tad-drogi.”
It-traġedja tas-sitwazzjoni tkompli tiħrax meta nqisu l-ispiża umana inkalkulabbli taʼ dan il-vizzju. Inkwiet fiż-żwieġ, tfal abbandunati u riżorsi finanzjarji moħlijin huma fost il-problemi komuni li jeffettwaw lill-familji mkissrin mill-abbuż bid-drogi.
IT-TAĦLIT SESSWALI. Fl-Istati Uniti hemm iktar minn 12-il miljun ruħ li jieħdu xi mard li jiġi trasmess sesswalment (STD) kull sena, tant li l-Istati Uniti għandha l-ogħla rata taʼ STD fost il-pajjiżi żviluppati kollha. David Celentano, taʼ l-Iskola Universitarja taʼ l-Iġjene u s-Saħħa Pubblika Johns Hopkins, din isejħilha “mistħija nazzjonali.” L-ispiża diretta taʼ dan il-mard, bla ma ninkludu l-AIDS, hi taʼ madwar $10 biljun kull sena. Iż-żgħażagħ qegħdin f’riskju speċjali. U mhux taʼ b’xejn! Skond rapport wieħed, sa qabel ma kellhom 16-il sena, xi 70 fil-mija minnhom kellhom x’jaqsmu sesswalment u qrib l-40 fil-mija minnhom kellhom x’jaqsmu maʼ minn taʼ l-inqas erbaʼ persuni differenti.
L-AIDS hija katastrofi fiha nfisha għall-kura tas-saħħa. Kmieni fl-1996 l-iktar terapija effettiva li setgħet tinkiseb kienet tiswa bejn it-$12,000 u t-$18,000 fis-sena għal kull persuna. Imma din biss frazzjoni taʼl-ispiża moħbija taʼ l-AIDS, li tinkludi t-telf tal-produttività taʼ dak li jkun sar vittma u taʼ dawk li jridu jieħdu l-ħin mix-xogħol jew mill-iskola biex jieħdu ħsiebu. Huwa stmat li sas-sena 2000, l-HIV u l-AIDS se jkunu xorbu bejn $356 u $516 biljun mad-dinja kollha—ekwivalenti għal li tiknes l-ekonomija kollha kemm hi taʼ l-Awstralja jew taʼ l-Indja.
IL-VJOLENZA. Meta kellha kariga taʼ kirurga ġenerali taʼ l-Istati Uniti, Joycelyn Elders irrapportat li l-ispiża medika tal-vjolenza kienet taʼ $13.5 biljun fl-1992. Il-President Amerikan Bill Clinton osserva: “Waħda mir-raġunijiet għala l-kura tas-saħħa fl-Amerka hi tant għalja hi li l-isptarijiet tagħna u s-swali taʼ l-emerġenza tagħna huma mimlijin b’nies li qalgħu xi tir jew xi daqqa taʼ sikkina.” Mhux taʼ b’xejn li The Journal of the American Medical Association isejjaħ il-vjolenza fl-Istati Uniti bħala “emerġenza tas-saħħa pubblika.” Ir-rapport jissokta: “Għalkemm il-vjolenza mhix marda fis-sens ‘klassiku,’ l-impatt tagħha fuq is-saħħa persunali u dik pubblika huwa profond daqs dak taʼ bosta mardiet fiżjoloġiċi—jekk mhux iktar.”
Rapport minn 40 sptar f’Colorado jgħid li l-ispiża medja għal kull vittma tal-vjolenza matul l-ewwel disaʼ xhur taʼ l-1993 kienet taʼ $9,600. Iktar minn nofs dawk li ttieħdu l-isptar ma kinux inxurjati, u ħafna minnhom ma setgħux jew ma ridux iħallsu l-ispiża tagħhom. Sitwazzjonijiet bħal dawn iwasslu għal taxxi iktar għoljin, poloz tas-sigurtà iktar għoljin, u kontijiet taʼ l-isptar iktar għoljin. Il-Colorado Hospital Association tirrapporta: “Ilkoll kemm aħna nħallsu.”
Bidla Fl-Istil Taʼ Ħajja
Mil-lat uman, ma tantx jidher li hemm ċans li tiġi mreġġaʼ lura t-tendenza lejn stili taʼ ħajja li jmarrdu. “L-Amerka mhix il-Ġnien taʼ Għeden u qatt m’aħna se neħilsu għalkollox minn kull abbuż b’xi sustanza,” jgħid rapport mill-Università taʼ Columbia. “Imma skond kemm jirnexxilna nrażżnu dan l-abbuż, se naħsdu ħsad għani taʼ trabi iktar b’saħħithom, inqas vjolenza u kriminalità, inqas taxxi, inqas spejjeż mediċi, iktar profitti, studenti mgħallmin aħjar u inqas każi taʼ l-AIDS.”
Ix-Xhieda taʼ Jehovah sabu li l-Bibbja hi l-akbar għajnuna biex jinkiseb dak l-għan. Il-Bibbja mhix xi ktieb ordinarju. Hija mnebbħa mill-Ħallieq tal-bniedem, Alla Jehovah. (2 Timotju 3:16, 17) Huwa dak li ‘jgħallmek għall-ġid tiegħek, li jqabbdek it-triq fejn għandek timxi.’ (Isaija 48:17) Il-prinċipji misjubin fil-Bibbja jagħtu s-saħħa, u dawk li jimxu fuq il-pariri tagħha jaħsdu benefiċċji kbar.
Per eżempju, Esther darba kienet tpejjep ħafna.a Wara li bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, dik li kienet tgħallimha l-Bibbja stednitha tqattaʼ ġurnata żżur il-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah, fi Brooklyn, New York. Għall-ewwel, Esther, ħasbitha darbtejn. Billi kienet taf li x-Xhieda taʼ Jehovah ma jpejpux, ma ħasbitx li setgħet tqattaʼ ġurnata sħiħa magħhom. Allura Esther poġġiet sigarett wieħed fil-portmoni tagħha billi rraġunat li, jekk tiġiha l-leblieba biex tpejjep, setgħet tagħmel hekk baxx baxx f’xi toilet. Sewwa sew kif ippjanat, wara wieħed mit-tours Esther daħlet f’toilet tan-nisa u ħarġet is-sigarett. Imma mbagħad innotat xi ħaġa. Il-kamra kienet nadifa tazza, u l-arja kienet friska. “Assolutament ma stajtx inħammeġ dak il-post billi npejjep dak is-sigarett,” tiftakar Esther, “allura fflaxxjajtu ġot-toilet. U dak kien l-aħħar sigarett li qatt missejt!”
Mad-dinja kollha, miljuni bħal Esther qegħdin jitgħallmu jgħixu fi qbil mal-prinċipji Bibliċi. Dan qed ikun taʼ ġid għalihom, u huma qegħdin isiru iktar taʼ benefiċċju għall-komunitajiet fejn jgħixu. L-iktar ħaġa importanti hi li qegħdin iġibu unur lill-Ħallieq tagħhom, Alla Jehovah.—Qabbel Proverbji 27:11.
Għalkemm l-aqwa sforzi tal-bniedem ma jistgħux jirriproduċu xi “Ġnien taʼ Għeden,” il-Bibbja tgħid li Alla se jagħmel hekk. It-Tieni Pietru 3:13 jistqarr: “Aħna, skond il-wegħda tiegħu [taʼ Alla], nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.” (Qabbel Isaija 51:3.) F’dik l-art ġdida, il-kura medika ma tikkonċernaniex iktar, għax il-bnedmin se jgawdu l-ħajja b’saħħa perfetta—kif Alla ried mill-bidu. (Isaija 33:24) Tixtieq int titgħallem iktar dwar il-wegħdi t’Alla? Ix-Xhieda taʼ Jehovah jixtiequ ħafna li jgħinuk.
[Nota taʼ taħt]
a Mhux isimha veru.
[Sors tal-Istampa fʼpaġna 26]
© 1985 P. F. Bentley/Black Star