-
Taqtgħux Qalbkom fit-Tiġrija għall-Ħajja!It-Torri tal-Għassa—1998 | Jannar 1
-
-
t’affarijiet kollha kemm hi. (Ġoel 4:12-14 [Ġoel 3:12-14, NW]) Ma nafux meta se jiġi dak il-jum. Imma l-Kelma t’Alla taċċertana li żgur se jiġi! Jehovah jgħid li mhux se jittardja. (Ħabakkuk 2:3; 2 Pietru 3:9, 10) Għaldaqstant, ejjew “nagħtu ħafna aktar kas taʼ dak li smajna.” Nevitaw nuqqas taʼ fidi, ‘id-dnub li tant ifixkilna malajr.’ Inkunu ddeterminati biex nissaportu sakemm ikun hemm bżonn. Niftakru li l-organizzazzjoni ċelestjali taʼ Jehovah bħal karru għadha għaddejja. Se twettaq l-iskop tagħha. Għalhekk jalla lkoll kemm aħna nkomplu niġru u ma naqtgħux qalbna fit-tiġrija għall-ħajja!
Tiftakar?
◻ Billi nagħtu kas taʼ liema twissija li Pawlu ta lill-Filippin se jgħinna nissaportu fit-tiġrija għall-ħajja?
◻ X’se jgħinna nikkumbattu t-tendenza li din id-dinja għandha biex taljenana?
◻ Kif nistgħu ngħinu lil xulxin biex nissaportu fit-tiġrija?
◻ X’inhuma xi affarijiet li jistgħu jġagħlu lil Kristjan ibatti?
◻ L-eżempju taʼ Ġesù kif jistaʼ jgħinna nissaportu?
-
-
“Hija Qalbek Retta Miegħi?”It-Torri tal-Għassa—1998 | Jannar 1
-
-
“Hija Qalbek Retta Miegħi?”
“Tassew ejja miegħi u ara kif ma nittollera ebda rivalità lejn Jehovah.”—2 SLATEN 10:16, NW.
1, 2. (a) Is-sitwazzjoni reliġjuża taʼ Iżrael kif marret mill-ħażin għall-agħar? (b) Fis-sena 905 Q.E.K., liema bidliet drammatiċi kienu waslu biex iseħħu f’Iżrael?
IS-SENA 905 Q.E.K. kienet żmien taʼ bidla kbira f’Iżrael. Kważi 100 sena qabel, Jehovah kien ġiegħel lis-saltna unita taʼ Iżrael tiġi maqsuma minħabba l-apostasija taʼ Salamun. (1 Slaten 11:9-13) Ġuda, is-saltna tan-Nofsinhar, f’dak iż-żmien kellha lil Reħobogħam bin Salamun jaħkem fuqha, waqt li Iżrael, is-saltna tat-Tramuntana, kienet taħt is-Sultan Ġerobogħam, wieħed Efrati. B’sogħba, is-saltna tat-Tramuntana kellha bidu diżastruż. Ġerobogħam ma riedx li s-sudditi tiegħu jivvjaġġaw lejn is-saltna tan-Nofsinhar biex iqimu ġewwa t-tempju, billi beżaʼ li kienet se togħġobhom l-idea li jmorru lura lejn id-dar taʼ David. Għalhekk, stabbilixxa l-qima taʼ l-għoġol f’Iżrael u b’hekk stabbilixxa mudell taʼ idolatrija li dam sa ċertu punt matul l-istorja kollha tas-saltna tat-Tramuntana.—1 Slaten 12:26-33.
2 L-affarijiet marru għall-agħar meta Aħab, bin Omri, sar sultan. Martu Ġeżabel, li kienet barranija, tat spinta lill-qima taʼ Bagħal u qatlet lill-profeti taʼ Jehovah. Minkejja t-twissijiet ċari tal-profeta Elija, Aħab m’għamel xejn biex iwaqqafha. Madankollu, fis-sena 905 Q.E.K., Aħab kien mejjet, u beda jaħkem ibnu Ġoram. Issa kien wasal iż-żmien biex l-art tiġi mnaddfa. Eliżew, is-suċċessur t’Elija, informa lil Ġeħu, il-kmandant militari, li Jehovah kien qiegħed jidilku biex ikun is-sultan suċċessiv taʼ Iżrael. B’liema inkarigu? Biex jeqred għalkollox lid-dar midinba taʼ Aħab u jivvendika demm il-profeti li kien ġie mxerred minn Ġeżabel.—2 Slaten 9:1-10.
3, 4. Ġeħonadab kif wera li qalbu kienet ‘retta maʼ qalb Ġeħu’?
3 B’ubbidjenza għall-kmand t’Alla, Ġeħu ġagħal li tinqatel il-mara mill-agħar Ġeżabel, u wara dan irħielha biex inaddaf lil Iżrael billi jeqred għalkollox id-dar taʼ Aħab. (2 Slaten 9:15–10:14, 17) Imbagħad iltaqaʼ maʼ wieħed li kien jappoġġjah. “Iltaqaʼ maʼ Ġeħonadab bin Rekab ġej biex jiltaqaʼ miegħu. Meta bierku, għaldaqstant qallu: ‘Hija qalbek retta miegħi, sewwa sew bħalma qalbi stess hija maʼ qalbek?’ Għal dan Ġeħonadab qal: ‘Hija.’ ‘Jekk hija, tassew agħtini idek.’ Għalhekk tah idu. Minħabba f’hekk ġagħlu jitlaʼ fuq il-karru miegħu. Imbagħad hu qal: ‘Tassew ejja miegħi u ara kif ma nittollera ebda rivalità lejn Jehovah.’ U żammewh riekeb miegħu fil-karru tiegħu tal-gwerra.”—2 Slaten 10:15, 16, NW.
4 Ġeħonadab (jew, Ġonadab) ma kienx Iżraelit. Minkejja dan, fi qbil maʼ ismu (li jfisser “Jehovah Hu Dejjem Lest,” “Jehovah Hu Nobbli,” jew “Jehovah Hu Ġeneruż”), hu kien adoratur taʼ Jehovah. (Ġeremija 35:6) Ċertament, hu kellu interess mhux tas-soltu f’li jara kif Ġeħu ‘ma kien jittollera ebda rivalità lejn Jehovah.’ Kif nafuh dan? Sewwa, ma kinitx xi kumbinazzjoni li hu ltaqaʼ mas-sultan midluk taʼ Iżrael. Ġeħonadab kien “ġej biex jiltaqaʼ miegħu,” u dan kien fi żmien meta Ġeħu kien diġà mmassakra lil Ġeżabel u lil oħrajn fid-dar taʼ Aħab. Ġeħonadab kien jaf x’kien qed jiġri meta aċċetta l-istedina taʼ Ġeħu biex jitlaʼ fil-karru tiegħu. Kien bla ebda dubju taʼ xejn fuq in-naħa taʼ Ġeħu—u taʼ Jehovah—f’dan il-konflitt bejn il-qima vera u dik falza.
Ġeħu taʼ Żmienna u Ġeħonadab taʼ Żmienna
5. (a) Liema bidliet dalwaqt se jseħħu għall-bnedmin kollha? (b) Min hu Ġeħu Akbar, u min jirrappreżentah fuq l-art?
5 Illum, l-affarijiet dalwaqt se jitbiddlu b’mod radikali għall-bnedmin kollha hekk kif ġara fil-każ taʼ Iżrael lura fis-sena 905 Q.E.K. Iż-żmien huwa issa qrib meta Jehovah se jnaddaf l-art mir-riżultati ħżiena kollha taʼ l-influwenza taʼ Satana, inkluża r-reliġjon falza. Min hu Ġeħu taʼ żmienna? Ħadd għajr Ġesù Kristu, li lilu huwa indirizzat il-kliem profetiku: “Tħażżem, qalbieni, b’sejfek fuq ġenbek; ilbes il-ġieħ u l-ġmiel tiegħek! Irkeb għar-rebħa tas-sewwa u l-ħaqq.” (Salm 45:4, 5 [Salm 45:3, 4, NW]) Ġesù hu rrappreżentat fuq l-art mill-“Iżrael taʼ Alla,” Kristjani midlukin “li jħarsu l-preċetti taʼ Alla u li għandhom ix-xhieda taʼ Ġesù.” (Galatin 6:16; Apokalissi 12:17) Mill-1922 ’l hawn dawn l-aħwa midlukin taʼ Ġesù wissew bla biżaʼ dwar l-atti taʼ ġudizzju mingħand Jehovah li qegħdin fil-qrib.—Isaija 61:1, 2; Apokalissi 8:7–9:21; 16:2-21.
6. Min ħareġ mill-ġnus biex jappoġġja lill-Kristjani midlukin, u dawn kif telgħu fuq il-karru, biex ngħidu hekk, taʼ Ġeħu Akbar?
6 Il-Kristjani midlukin qatt ma kienu waħedhom. Sewwa sew bħalma Ġeħonadab ħareġ jiltaqaʼ maʼ Ġeħu, ħafna mill-ġnus ħarġu biex jappoġġjaw lil Ġesù, Ġeħu Akbar, u lir-rappreżentanti tiegħu fuq l-art fil-waqfa tagħhom għall-qima vera. (Żakkarija 8:23) Imsejħin in-“nagħaġ oħra” tiegħu minn Ġesù, fl-1932 huma ġew irrikonoxxuti bħala l-ekwivalenti modern taʼ Ġeħonadab tal-qedem u ġew mistednin biex ‘jitilgħu fil-karru’ taʼ Ġeħu taʼ żmienna. (Ġwann 10:16) Kif? Billi “jħarsu l-preċetti taʼ Alla” u jieħdu sehem mal-midlukin fix-xogħol taʼ “xhieda taʼ Ġesù.” Illum, dan jinkludi l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna stabbilita t’Alla taħt Ġesù bħala s-Sultan. (Mark 13:10) Fl-1935 dawn il-“Ġonadabijiet” ġew identifikati bħala l-“kotra kbira” t’Apokalissi 7:9-17.
7. Il-Kristjani llum kif urew li ‘qalbhom għadha retta’ maʼ qalb Ġesù?
7 Mis-snin tletin ’l hawn, il-kotra kbira u ħuthom il-midlukin b’kuraġġ kbir taw prova taʼ l-appoġġ tagħhom lejn il-qima vera. F’ċerti pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant u l-Punent, fil-Lvant Imbiegħed, u fl-Afrika, ħafna minnhom mietu għall-fidi tagħhom. (Luqa 9:23, 24) F’pajjiżi oħrajn, ġew mitfugħin il-ħabs, attakkati, jew ippersegwitati b’xi modi oħrajn. (2 Timotju 3:12) X’rekord taʼ fidi waqqfu dawn! U r-Rapport tas-Sena taʼ Servizz 1997 juri li għadhom iddeterminati biex jaqdu lil Alla, jiġri x’jiġri. ‘Qalbhom għadha retta’ maʼ qalb Ġesù. Dan ġie muri matul l-1997, meta 5,599,931 pubblikatur tas-Saltna, kważi lkoll kemm huma “Ġonadabijiet,” qattgħu total taʼ 1,179,735,841 siegħa fix-xogħol taʼ li jagħtu xiehda għal Ġesù.
Għadhom Jippridkaw biż-Żelu
8. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif juru ż-żelu tagħhom għall-qima vera?
8 Ġeħu kellu reputazzjoni li jsuq il-karru tiegħu b’veloċità kbira—evidenza taż-żelu tiegħu biex iwettaq l-inkarigu tiegħu. (2 Slaten 9:20) Ġesù, Ġeħu Akbar, hu deskritt bħala ‘mifni’ biż-żelu. (Salm 69:10 [Salm 69:9, NW]) Allura, ma niħduhiex bi kbira li l-Kristjani veri llum huma magħrufin għaż-żelu tagħhom. Kemm fil-kongregazzjoni u kemm fil-pubbliku, huma ‘jippridkaw il-kelma b’urġenza fi staġun favorevoli, fi staġun taʼ inkwiet.’ (2 Timotju 4:2, NW) Iż-żelu tagħhom kien speċjalment evidenti fil-bidu taʼ l-1997 wara li artiklu fil-Ministeru Tas-Saltna kien inkuraġġixxa lil kulmin setaʼ biex jieħu sehem fis-servizz taʼ pijunier awżiljarju. Kull pajjiż stabbilixxa mira inkwantu għan-numru taʼ pijunier awżiljarju. X’kien ir-riżultat? Taʼ l-għaġeb! Ħafna fergħat kellhom iktar minn dak li mmiraw lejh. Fl-Ekwador għamlu mira taʼ 4,000 imma f’Marzu rrapportaw 6,936 pijunieri awżiljarji. Il-Ġappun irrapporta total taʼ 104,215 matul dawk it-tliet xhur. Fiż-Żambja, fejn il-mira kienet 6,000, f’Marzu ġie rrapportat li kien hemm 6,414-il pijunier awżiljarju; f’April 6,532; u f’Mejju 7,695. Mal-globu kollu, il-quċċata fil-pijunieri awżiljarji u regulari flimkien kienet 1,110,251, żjieda taʼ 34.2 fil-mija fuq l-1996!
9. Barra mix-xogħol minn dar għal dar, ix-Xhieda taʼ Jehovah b’liema modi oħrajn isibu n-nies biex jgħidulhom l-aħbar tajba?
9 L-appostlu Pawlu qal lill-anzjani f’Efesu: “Qatt ma bżajt nurikom dak li hu taʼ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-beraħ u kemm fid-djar [“minn dar għal dar,” KŻ].” (Atti 20:20) Ix-Xhieda taʼ Jehovah llum jimitaw l-eżempju taʼ Pawlu u b’żelu kbir jippridkaw l-aħbar tajba minn dar għal dar. Madankollu, għandu mnejn ma jkunx faċli li nsibu n-nies id-dar. Għaldaqstant, “l-irsir leali u diskret” jinkuraġġixxi lill-pubblikaturi tas-Saltna biex javviċinaw lin-nies fil-postijiet tagħhom taʼ negozju, fit-toroq, f’xatt-il baħar, fil-ġonna pubbliċi—kulfejn jistgħu jinstabu n-nies. (Mattew 24:45-47, NW) Ir-riżultati kienu eċċellenti.
-