LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 11/99 pp. 3-6
  • L-Użu taʼ l-Internet—Oqgħod Attent mill-Perikli!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Użu taʼ l-Internet—Oqgħod Attent mill-Perikli!
  • Il-Ministeru tas-Saltna—1999
  • Materjal Simili
  • L-Internet—Nużaw b’Għaqal Din l-Għodda Globali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kif Nistaʼ Nevita l-Perikli taʼ fuq l-Internet?
    Stenbaħ!—2000
  • Tfal fuq l-Internet—Dak li Jistgħu Jagħmlu l-Ġenituri
    Stenbaħ!—2009
  • Jistaʼ Jkun Tassew Perikoluż li Tinnamra fuq l-Internet?
    Stenbaħ!—2005
Ara Iżjed
Il-Ministeru tas-Saltna—1999
km 11/99 pp. 3-6

L-​Użu taʼ l-​Internet—Oqgħod Attent mill-​Perikli!

1 In-​nies taʼ Jehovah jgawdu sħubija edifikanti bejniethom. Huma jieħdu pjaċir jaqsmu esperjenzi mill-​ministeru taʼ l-​għalqa u japprezzaw li jisimgħu dwar ġrajjiet li jiġru f’konnessjoni max-​Xhieda taʼ Jehovah u x-​xogħol tas-​Saltna madwar il-​globu. Huma jħobbu jkunu informati dwar kwalunkwe ħaġa importanti li tistaʼ tiġri lil ħuthom, bħal xi kriżi jew xi diżastru naturali, u jkunu jixtiequ jafu jekk jistgħux jagħmlu xi ħaġa sabiex jgħinu. Interess bħal dan juri l-​unità tal-​fratellanza, u jagħti prova li aħna tabilħaqq inħobbu lil xulxin.—Ġw. 13:​34, 35.

2 Illum, malajr nisimgħu dwar il-​ġrajjiet li jseħħu fid-​dinja. Ix-​xandir fuq ir-​radju u t-​televixin jagħti rapport dirett dwar il-​ġrajjiet lis-​semmiegħa mal-​globu kollu. It-​telefon ukoll jagħmilha possibbli biex wieħed jikkomunika malajr man-​nies madwar id-​dinja. Fil-​qasam tal-​komunikazzjoni, fenomenu reċenti li qed ikollu suċċess kbir fid-​dinja hu l-​Internet.—Ara l-​Awake!, tat-​22 taʼ Lulju, 1997.

3 L-​invenzjoni tat-​telefon fetħet it-​triq għal komunikazzjoni persunali mgħaġġla mad-​dinja kollha. Għalkemm it-​telefon huwa bżonnjuż ferm, hemm bżonn t’attenzjoni fil-​mod kif jintuża, għax jistaʼ jkun mezz għal sħubija jew attivitajiet mhux xierqa, u l-​użu żejjed tat-​telefon jistaʼ jqum ħafna flus. It-​televixin u r-​radju għandhom potenzjal fil-​qasam taʼ l-​edukazzjoni. B’sogħba, iżda, il-​biċċa l-​kbira tal-​programmi huma korrotti moralment, u huwa ħela taʼ ħin jekk tagħtihom l-​attenzjoni. L-​għerf jgħidilna li għandna nkunu ferm selettivi fl-​użu tat-​televixin u r-​radju.

4 Bl-​Internet wieħed kapaċi jikkomunika mingħajr spejjeż kbar maʼ miljuni oħrajn madwar id-​dinja, u permezz tiegħu jintgħamlu disponibbli ammonti vasti taʼ informazzjoni. (L-Awake! tat-​8 taʼ Jannar, 1998) Madankollu, l-​użu bla għaqal taʼ l-​Internet jistaʼ jesponi lil persuna għal perikli spiritwali u morali kbar. Dan kif jistaʼ jiġri?

5 Ħafna huma konċernati dwar informazzjoni disponibbli mingħajr diffikultà li turi kif wieħed jagħmel l-​armamenti, inkluż il-​bombi. L-​industrija tilmenta dwar kemm ħin jitilfu l-​ħaddiema meta jużaw l-​Internet. Intqal ħafna fil-​pubblikazzjonijiet tagħna dwar il-​perikli spiritwali ovvji konnessi maʼ l-​Internet. Għadd taʼ Web sites jippreżentaw materjal vjolenti u pornografiku li assolutament ma jgħoddx għall-​Kristjani. (Salm 119:37) Minbarra dawn il-​perikli, hemm periklu ferm iktar taʼ ħsara li x-​Xhieda taʼ Jehovah b’mod partikulari għandhom bżonn joqogħdu għassa għalih. X’inhu dan il-​periklu?

6 Kieku int tistieden lil xi barrani f’darek mingħajr ma l-​ewwel issir taf min hu? Xi ngħidu li kieku ma kienx hemm xi mod biex issir tafu? Se tħallih int barrani bħal dan waħdu maʼ wliedek? Din hi possibbiltà li ma tistax tiċħadha fuq l-​Internet.

7 Posta elettronika tistaʼ tintbagħat lil u tirċiviha mingħand nies li ma tafhomx. L-​istess jiġri meta titħaddet b’mod elettroniku f’xi forum jew f’xi chat room. Xi wħud li jipparteċipaw fihom jistgħu jsostnu li huma Xhieda taʼ Jehovah, imma taʼ spiss dan ma jkunx veru. Xi ħadd jistaʼ jsostni li hu żagħżugħ meta ma jkunx. Jew xi persuna tistaʼ saħansitra ssostni b’mod falz li hi mara jew raġel meta fil-​fatt tkun l-​oppost.

8 L-​informazzjoni li tasallek tistaʼ tiġi f’forma taʼ esperjenzi jew kummenti dwar it-​twemmin tagħna. Din l-​informazzjoni tgħaddi għand nies oħra li, min-​naħa tagħhom, jerġgħu jgħadduha lil oħrajn. Ġeneralment, l-​informazzjoni ma tkunx tistaʼ tiġi verifikata u tistaʼ ma tkunx vera. Il-​kummenti jistgħu jkunu għata biex jinfirex raġunar apostat.—2 Tess. 2:​1-3.

9 B’dan il-​periklu f’moħħok, jekk int tagħmel użu mill-​Internet, staqsi lilek innifsek: ‘Għalxiex nużah? Hemm xi possibbiltà li nsofri danni spiritwali bil-​mod kif qed nużah? Qiegħed nikkontribwixxi għad-​dannu spiritwali t’oħrajn?’

10 Il-​Web Sites tax-​“Xhieda taʼ Jehovah”: Per eżempju, ikkunsidra ftit sites taʼ l-​Internet magħmulin minn individwi li jsostnu li huma Xhieda taʼ Jehovah. Dawn jistidnuk biex tiftaħ is-​sites tagħhom ħalli taqra l-​esperjenzi mibgħutin minn oħrajn li jsostnu li huma Xhieda. Int tiġi inkuraġġit biex taqsam il-​ħsibijiet u l-​opinjonijiet tiegħek dwar il-​letteratura tas-​Soċjetà. Xi wħud jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar preżentazzjonijiet li jistgħu jintużaw fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Dawn is-​sites joffru chat rooms fejn individwi jkunu jistgħu jissieħbu magħhom, billi jippermettulhom komunikazzjoni diretta m’oħrajn, qisu bħal meta titkellem fuq it-​telefon. Dawn taʼ spiss jidderiġuk lejn sites oħrajn fejn jistaʼ jkollok sħubija diretta max-​Xhieda taʼ Jehovah madwar id-​dinja. Imma int tistaʼ tkun ċert li dawn il-​kuntatti ma ġewx ippjanati mill-​apostati?

11 Li jkollok sħubija permezz taʼ l-​Internet jistaʼ ma jkunx konsistenti mar-​rakkomandazzjoni misjuba f’Efesin 5:​15-17. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-​żmien, għaliex ħżiena huma l-​jiem. Għalhekk tkunux bla għaqal, imma fittxu x’inhi r-​rieda tal-​Mulej.”

12 Il-​kongregazzjoni Kristjana hi l-​mezz teokratiku li permezz tagħha aħna niġu mitmugħin spiritwalment mill-​“ilsir leali u diskret.” (Mt. 24:​45-47, NW) Ġewwa l-​organizzazzjoni t’Alla nsibu direzzjoni u protezzjoni biex iżommuna separati mid-​dinja kif ukoll motivazzjoni biex nibqgħu medhijin fix-​xogħol tal-​Mulej. (1 Kor. 15:58) Is-​salmista indika li hu kien jesperjenza l-​ferħ u sens taʼ sigurtà fost il-​poplu miġbur t’Alla. (Salm 27:​4, 5; 55:15 [55:​14, NW]; 122:1) Il-​kongregazzjoni tipprovdi wkoll appoġġ u assistenza spiritwali lil dawk li jissieħbu magħha. Ġo fiha, int tistaʼ ssib grupp taʼ ħbieb li jafu jħobbu, li juru interess, u li jimpurtahom—nies li tafhom personalment u li huma lesti u disposti biex jgħinu u jfarrġu lil oħrajn fiż-​żminijiet taʼ hemm. (2 Kor. 7:​5-7) Il-​membri tal-​kongregazzjoni huma protetti mill-​provvediment Skritturali taʼ li jaqtgħu mis-​sħubija lil dawk li jidinbu u ma jindmux jew lil dawk li jippromwovu ħsibijiet apostati. (1 Kor. 5:​9-13; Titu 3:​10, 11) Nistgħu nistennew li nsibu l-​istess arranġamenti kollha mħabba meta nassoċjaw m’oħrajn permezz taʼ l-​Internet?

13 Sar evidenti li l-​oppost huwa veru. Xi Web sites iservu b’mod ċar biex jaqdu l-​bżonnijiet tal-​propaganda apostata. Web sites bħal dawn jistgħu jsostnu mod ieħor, u l-​apostati li jisponsorjaw xi site għandhom mnejn jagħtu xi spjegazzjoni dettaljata sabiex jiddikjaraw li huma tassew Xhieda taʼ Jehovah. Għandhom mnejn saħansitra jitolbu xi informazzjoni mingħandek sabiex jivverifikaw li int wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

14 Jehovah jridek teżerċita d-​dixxerniment. Għala? Għax jaf li dan se jissalvagwardjak minn diversi perikli. Proverbji 2:​10-19 (NW) jiftaħ billi jgħid: “Meta l-​għerf jidħol ġewwa qalbek u l-​għarfien innifsu jsir pjaċevoli għal ruħek stess, l-​abbiltà tal-​ħsieb infisha se tgħasses fuqek, id-​dixxerniment innifsu se jissalvagwardjak.” Iħarsek minn xiex? Minn affarijiet bħall-​“mogħdija l-​ħażina,” dawk li jħallu l-​mogħdijiet retti, u nies li huma immorali u diżonesti fil-​korsa ġenerali tagħhom.

15 Meta mmorru fis-​Sala tas-​Saltna, m’hemm l-​ebda dubju li nkunu qegħdin maʼ ħutna. Aħna lil dawn nafuhom. Ħadd m’għandu bżonn prova taʼ dan għax l-​imħabba murija fost l-​aħwa tagħmilha ovvja. M’aħniex mitlubin personalment li nipprovdu xi kredenzjali biex nagħtu prova li aħna tassew uħud mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Hawnhekk insibu l-​veru bdil taʼ inkuraġġiment li Pawlu tkellem dwaru f’Lhud 10:​24, 25. Ma tistax tiddependi fuq il-​Web sites li jinkuraġġixxu s-​sħubija diretta biex jipprovdulek dan. Li nżommu f’moħħna l-​kliem taʼ Salm 26:​4, 5 jistaʼ jgħassisna mill-​perikli li faċilment nistgħu niltaqgħu magħhom meta nużaw il-​Web sites fuq l-​Internet.

16 M’hemm l-​ebda limitu jew rażna fuq il-​kwalità taʼ informazzjoni li hija miżmuma u aċċessibbli minn dawk li jużaw l-​Internet. Taʼ spiss, it-​tfal u l-​adolexxenti huma l-​miri faċli tal-​kriminalità u l-​isfruttar f’dan l-​ambjent. It-​tfal huma fiduċjużi, kurjużi, u ansjużi li jeżaminaw id-​dinja relattivament ġdida tas-​sistema tal-​kompjuter. Għalhekk il-​ġenituri għandhom bżonn iżommu għajnejhom fuq uliedhom u jagħtuhom gwida Skritturali tajba dwar l-​użu taʼ l-​Internet, sewwa sew bħalma kieku jiggwidawhom fl-​għażla tagħhom tal-​mużika jew tal-​films.—1 Kor. 15:33.

17 B’sogħba, xi wħud li darba kienu ħutna kellhom jitkeċċew minħabba sħubija li bdiet billi kienu jiltaqgħu maʼ individwi tad-​dinja fiċ-​chat rooms taʼ fuq l-​Internet u eventwalment dan wassalhom għall-​immoralità. Ħaġa li ma titwemminx, xi anzjani kitbu li xi wħud kienu attwalment telqu lil żwieġhom jew lil marthom sabiex ikomplu relazzjoni li kienet bdiet fuq l-​Internet. (2 Tim. 3:6) Individwi oħrajn ċaħdu l-​verità minħabba li emmnu informazzjoni provduta mill-​apostati. (1 Tim. 4:​1, 2) Meta nqisu dawn il-​perikli tassew serji, ma jidhirx raġunevoli li għandna noqogħdu attenti dwar li ninvolvu ruħna f’sessjonijiet taʼ diskussjoni fuq l-​Internet? Ċertament, jekk neżerċitaw l-​għerf, l-​għarfien, l-​abbiltà tal-​ħsieb, u d-​dixxerniment li jissemmew fi Proverbji 2:​10-19, għandna nkunu protetti minn dan.

18 Xi ħaġa notevoli hi li kien hemm diversi individwi li ħolqu Web sites biex taparsi jippridkaw l-​aħbar tajba. Ħafna minn dawn is-​sites huma sponsorjati minn aħwa indiskreti. Sites oħrajn għandhom mnejn ikunu sponsorjati minn apostati li jixtiequ jiġbdu warajhom lil uħud li ma jissuspettawx fihom. (2 Ġw. 9-11) Waqt li tikkummenta dwar jekk hemmx bżonn li ħutna joħolqu Web sites bħal dawn, il-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Novembru taʼ l-​1997, paġna 3, stqarret: “M’hemmx għalfejn li xi individwu jħejji paġni fuq l-​Internet dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah, l-​attivitajiet tagħna, jew it-​twemmin tagħna. Is-​site uffiċjali tagħna [www.watchtower.org] jippreżenta tagħrif eżatt għal kulmin jixtiequ.”

19 Għajnuniet għall-​Istudju Permezz taʼ l-​Internet? Xi wħud ħassewhom li qed jagħtu xi servizz lill-​aħwa billi jibagħtu xi informazzjoni taʼ riċerka f’konnessjoni maʼ diversi attivitajiet teokratiċi. Per eżempju, xi persuna tistaʼ tagħmel xi riċerka bbażata fuq outline taʼ taħdita pubblika u mbagħad tibgħatha, billi taħseb li informazzjoni bħal din se tkun utli għal dawk li għandhom bżonn jippreparaw l-​istess outline. Oħrajn jibagħtu l-​iskritturi kollha taʼ xi Studju tat-​Torri taʼ l-​Għassa li jkun għadu ġej jew jipprovdu s-​sors tal-​materjal taʼ l-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku jew taʼ l-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni. Xi wħud jistgħu joffru suġġerimenti dwar preżentazzjonijiet fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Huma dawn tassew t’għajnuna?

20 Il-​pubblikazzjonijiet provduti mill-​organizzazzjoni taʼ Jehovah jistimulaw lil moħħna bi ħsibijiet li jibnu u jħarrġuna biex “nagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin.” (Lhud 5:14) Nistgħu ngħidu li dan qed jintlaħaq jekk ħaddieħor jagħmlilna r-​riċerka?

21 Il-​Berijani kienu magħrufin bħala “nies taʼ qalb kbira aktar minn dawk taʼ Tessalonika.” Għala? Għax “huma laqgħu l-​kelma bil-​ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-​Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.” (Atti 17:11) Għalkemm Pawlu u Sila kienu jippridkawlhom, dawn ma setgħux jagħmlu l-​verità tagħhom stess mingħajr ma jinvolvu ruħhom.

22 Li tuża r-​riċerka taʼ persuna oħra għal xi taħdita jew għal xi preparazzjoni oħra tal-​laqgħa tassew iġib fix-​xejn l-​iskop taʼ l-​istudju persunali. M’hijiex ix-​xewqa tiegħek li tibni int stess il-​fidi persunali tiegħek fil-​Kelma t’Alla? Ibbażata fuq il-​konvinzjoni persunali, int imbagħad tistaʼ tesprimi fil-​pubbliku l-​fidi tiegħek—fit-​taħditiet tiegħek, fil-​kummenti tal-​laqgħat, u fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. (Rum. 10:10) Li tuża r-​riċerka taʼ persuna oħra ma jaqbilx mad-​deskrizzjoni mogħtija fi Proverbji 2:​4, 5 biex personalment tibqaʼ ‘tfittex u tħaffer għat-​tagħrif taʼ Alla bħal teżor moħbi.’

23 Per eżempju, meta tkun qed tfittex xi skritturi fil-​kopja tiegħek tal-​Bibbja, int tistaʼ tirrevedi fil-​qosor il-​kuntest taʼ kull skrittura. Int tistaʼ ‘bir-​reqqa kollha tfittex it-​tagħrif,’ bħalma għamel Luqa meta kiteb l-​Evanġelju tiegħu. (Lq. 1:3) L-​isforz żejjed se jgħinek ukoll biex tkun imħarreġ kif tfittex l-​iskritturi fil-​ministeru u meta tkun qed tagħti t-​taħditiet. Ħafna stqarrew li huma impressjonati bix-​Xhieda taʼ Jehovah għax huma jafu kif jużawhom il-​Bibbji tagħhom. L-​uniku mod li dan jistaʼ japplika għalina hu jekk niħduha drawwa persunali li nfittxu l-​iskritturi fil-​Bibbji tagħna stess.

24 Nużaw il-​Ħin Tagħna bil-​Għaqal: Konsiderazzjoni oħra f’dan ir-​rigward għandha x’taqsam maʼ l-​ammont taʼ ħin li nqattgħu f’li noħolqu, naqraw, u nwieġbu għall-​informazzjoni mibgħuta fuq l-​Internet. Salm 90:12 jinkuraġġina biex nitolbu: “Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-​għaqal.” Pawlu stqarr: “Iż-​żmien qsar.” (1 Kor. 7:29) U iżjed minn hekk: “Mela, dment li għandna ż-​żmien ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabatna fil-​fidi.”—Gal. 6:10.

25 Parir bħal dan jenfasizza l-​bżonn li nuru l-​għaqal fl-​użu tal-​ħin tagħna. Kemm hu iktar taʼ profitt li nqattgħu l-​ħin tagħna naqraw il-​Kelma t’Alla! (Salm 1:​1, 2) Din hi l-​aqwa sħubija li jistaʼ jkollna. (2 Tim. 3:​16, 17) Ġenituri, qed tgħallmu lil uliedkom il-​valur taʼ li jużaw il-​ħin tagħhom bil-​għaqal fil-​miri tas-​Saltna? (Koħ. 12:1) Il-​ħin li wieħed iqattaʼ fl-​istudju tal-​Bibbja persunali u tal-​familja, fl-​attendenza għal-​laqgħat, u fil-​ministeru taʼ l-​għalqa jisboq bil-​wisq iktar il-​ħin li jqattaʼ jfittex fuq l-​Internet, fejn mingħalih li se jikseb xi benefiċċji.

26 F’dan ir-​rigward, tkun korsa għaqlija jekk niffokaw l-​attenzjoni tagħna fuq kwistjonijiet spiritwali u fuq dawk l-​affarijiet rilevanti u essenzjali għal ħajjitna bħala Kristjani. Dan jitlob li nagħmlu għażliet meqjusa sew dwar l-​informazzjoni li jistħoqqilha l-​ħin u l-​ħsieb tagħna. Bħala Kristjani, dak li hu rilevanti għal żmienna ġabru Kristu fi ftit kliem, meta qal: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mt. 6:33) Ma tkunx int iktar ferħan meta ħajtek tkun mimlija bil-​miri tas-​Saltna minflok bi kwalunkwe attività oħra?

27 L-​E-Mail bl-​Internet: Għalkemm il-​fatt li taqsam esperjenzi jew ħsibijiet persunali mal-​membri tal-​familja jew il-​ħbieb li jgħixu ’l bogħod huwa xieraq, hija tassew xi ħaġa taʼ mħabba li dawn l-​esperjenzi tgħaddihom lil oħrajn li forsi ma jkunux jafuhom lill-​familjari tiegħek jew lil ħbiebek? Jew għandhom dawn jintbagħtu fuq paġna tal-​Web biex sempliċement kulħadd jaqrahom? Għandhom dawn il-​messaġġi persunali jiġu kopjati u mibgħutin bl-​addoċċ lil nies li forsi tkun tafhom u anki lil dawk li ma tafhomx? L-​istess, jekk int tirċievi xi messaġġi mingħand oħrajn li b’mod ċar ma kinux għalik, hija xi ħaġa taʼ mħabba li tgħaddihom xorta lil oħrajn?

28 Xi ngħidu jekk l-​esperjenza li tgħaddi ma tkunx eżatta? Ma jkunx dan ifisser li qed tieħu sehem f’li żżomm xi ħaġa mhix vera? (Prov. 12:19; 21:28; 30:8; Kol. 3:9) Ċertament li jekk ‘inġibu ruħna, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief’ se jqanqalna biex nikkunsidrawh dan. (Efes. 5:15) Kemm aħna ferħanin li l-​Yearbook, It-​Torri taʼ l-​Għassa, u Stenbaħ! huma mimlijin b’esperjenzi veri li jinkuraġġuna u jqanqluna biex nibqgħu mexjin fit-​“triq”!—Is. 30:​20, 21.

29 Hemm ukoll periklu ieħor. L-​appostlu Pawlu qal rigward xi wħud: “[Dawn] jidraw fl-​għażż u joqogħdu jiġġerrew minn dar għal oħra; u jsiru mhux biss għażżiena, imma wkoll paċpaċa u fiergħa, u jħollu lsienhom fuq dak li ma għandhomx jgħidu.” (1 Tim. 5:13) Hawn qed jgħid kontra li nqattgħu l-​ħin u l-​isforz biex ngħaddu xi informazzjoni fiergħa lil ħutna.

30 Aħseb ukoll dwar l-​ammont taʼ ħin li tieħu biex tlaħħaq mal-​kwantità kbira taʼ E-mail. Taʼ interess, il-​ktieb Data Smog stqarr: “Hekk kif wieħed iqattaʼ iktar u iktar ħin fuq l-​e-mail, dan malajr jinbidel minn xi ħaġa ġdida u stimulanti għal tagħbija li tikkonsma l-​ħin, b’tużżani taʼ messaġġi x’taqra u twieġeb kuljum minn kollegi, ħbieb, familjari, . . . u reklami mhux mitlubin taʼ xi bejgħ.” Iżjed minn hekk, dan jistqarr: “Ħafna ‘fanatiċi’ taʼ l-​elettronika ħadu l-​vizzju tant ħażin li jibagħtu kull informazzjoni pjaċevoli li jirċievu—ċajt, ħrejjef popolari, chain letters elettroniċi, u affarijiet oħra—lil kulmin ikollu mniżżel fil-​ktieb taʼ l-​indirizzi elettroniku tiegħu.”

31 Dan kien evidenti fl-​E-mail ċirkulat fost ħafna mill-​aħwa—affarijiet bħal ċajt jew stejjer umoristiċi dwar il-​ministeru; poeżiji x’aktarx ibbażati fuq it-​twemmin tagħna; tixbihat minn diversi taħditiet mismugħa fl-​assembleat, fil-​konvenzjonijiet, jew fis-​Sala tas-​Saltna; esperjenzi mill-​ministeru taʼ l-​għalqa; u nibqgħu sejrin—affarijiet li jidhru innoċenti fihom infushom. Il-​biċċa l-​kbira minn dawk li jibagħtu regolarment E-mail bħal dawn normalment ma jiċċekkjawhx is-​sors, u jagħmluha diffiċli biex tinduna min hu tassew l-​oriġinatur, u din il-​ħaġa diġà ġġagħlek taħseb jekk l-​informazzjoni hijiex tassew minnha.—Prov. 22:​20, 21.

32 Messaġġi taʼ spiss fiergħa bħal dawn m’humiex it-​tip taʼ kliem mimli saħħa li kellu f’moħħu Pawlu meta kiteb lil Timotju u qallu: “Ibqaʼ żomm mal-​mudell taʼ kliem mimli saħħa li int smajt mingħandi bil-​fidi u l-​imħabba li huma f’konnessjoni maʼ Kristu Ġesù.” (2 Tim. 1:​13, NW) Il-​“lingwa pura” tal-​verità Skritturali għandha l-​“mudell taʼ kliem mimli saħħa” bbażat prinċipalment fuq it-​tema tal-​Bibbja dwar il-​vindikazzjoni tas-​sovranità taʼ Jehovah permezz tas-​Saltna. (Sof. 3:​9, NW) Aħna għandna nagħmlu kull sforz sabiex niddedikaw il-​ħin u l-​enerġija disponibbli kollha tagħna biex nappoġġaw din il-​vindikazzjoni tas-​sovranità taʼ Jehovah.

33 Ladarba ninsabu fil-​qalba taż-​żmien taʼ l-​aħħar taʼ din is-​sistema t’affarijiet, m’huwiex iż-​żmien li naljenaw ruħna. Il-​Bibbja twissina: “Kunu meqjusa u għassu. L-​għadu tagħkom ix-​Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ’il min sa jiblaʼ.” (1 Pt. 5:8) Iżjed minn hekk, din tistqarr: “Ilbsu l-​armatura taʼ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-​tnassis tax-​Xitan.”—Efes. 6:11.

34 Jekk jintuża b’mod ħażin, l-​Internet jistaʼ jkun mezz li bih Satana jegħleb lil dawk li huma sedotti mill-​qawwa tiegħu. Għalkemm dan jistaʼ jkun siewi sa ċertu limitu, hemm il-​periklu jekk ma jitqiesx b’attenzjoni. Speċjalment il-​ġenituri għandhom bżonn ikunu konċernati dwar l-​użu taʼ l-​Internet minn uliedhom.

35 Li jkollna ħarsa bilanċjata fuq l-​Internet huwa taʼ protezzjoni. Aħna napprezzaw it-​tfakkira f’waqtha minn Pawlu: “Ħa jkunu . . . dawk li jgawdu d-​dinja, bħallikieku ma jgawduhiex: għax is-​sura taʼ din id-​dinja għad tgħaddi!” (1 Kor. 7:​29-31) Li jkollna dawn l-​affarijiet f’moħħna se jgħinna nżommu lilna nfusna u lill-​familji tagħna milli naljenaw ruħna b’dak kollu li toffri d-​dinja, inkluż dak li hu disponibbli fuq l-​Internet.

36 Huwa taʼ ħtieġa kbira li nibqgħu qrib ħutna fil-​kongregazzjoni u nużaw il-​bqija taż-​żmien b’mod għaqli, u b’hekk nagħmlu lilna nfusna disponibbli għall-​avvanz taʼ l-​interessi tas-​Saltna. Hekk kif din is-​sistema qed toqrob lejn tmiemha, ejja ‘ma nġibux iżjed ruħna skond ma jġibu ruħhom il-​pagani bil-​bluha taʼ moħħhom,’ imma ejja ‘nfittxu x’inhi r-​rieda tal-​Mulej.’—Efes. 4:17; 5:17.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja