Tqanqlek Qalbek biex Tagħmel Sagrifiċċji għall-Verità?
1 L-apprezzament għal dak li Ġesù Kristu wettaq mingħajr egoiżmu għall-umanità għandu jqanqal lilna lkoll biex nagħmlu sagrifiċċji billi nużaw il-kapaċitajiet, l-enerġiji, u s-saħħa tagħna. L-Iskrittura titlob bil-ħniena: “Offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom.” (Rum. 12:1) Li kultant żmien teżamina lilek innifsek se jgħinek tara jekk intix qed turi din l-attitudni bis-sħiħ skond kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi persunali tiegħek.
2 F’li Ssegwi Għarfien Bibliku: Warrabt ħin għal qari u studju persunali tal-Bibbja fuq bażi regulari? Iżżomm maʼ dik l-iskeda? Hija fir-rutina tiegħek li tipprepara sew għal-laqgħat tal-kongregazzjoni? Jekk int kap tal-familja, għandek studju regulari tal-Bibbja mal-familja tiegħek? Biex tagħmel dawn l-affarijiet jistaʼ jirrikjedi li tissagrifika l-ħin li tqattaʼ quddiem it-televixin jew il-kompjuter jew f’affarijiet oħrajn. Madankollu, kemm ikun sagrifiċċju żgħir dan, meta taf li l-ħin li tqattaʼ mal-Kelma t’Alla se jgħinek tasal għall-ħajja taʼ dejjem!—Ġw. 17:3.
3 Fit-Taħriġ taʼ Wliedek: L-aħjar żmien biex wieħed jibda jitgħallem jagħmel sagrifiċċji hu minn ċkunitu. Għallem lil uliedek li bħalma hemm ħin għal-logħob, irid ikun hemm ħin ukoll għax-xogħol u għall-attivitajiet teokratiċi. (Efes. 6:4) Agħtihom jagħmlu xi xogħol tad-dar li jkun hemm bżonn. Stabbilixxi skeda regulari biex tieħu sehem magħhom fil-ministeru. Saħħaħ l-istruzzjoni tiegħek permezz taʼ l-eżempju tajjeb tiegħek stess.
4 Fl-Attivitajiet tal-Kongregazzjoni: Kongregazzjoni ssir aħjar meta kull membru jkun lest li jagħmel sagrifiċċji sabiex iwettaq affarijiet għall-ġid taʼ kulħadd. (Lhud 13:16) Tistaʼ tqattaʼ iktar ħin fl-ippridkar tas-Saltna u fix-xogħol taʼ li tagħmel dixxipli? Tistaʼ toffri minn jeddek biex tgħin lill-morda jew lil dawk imdaħħlin fiż-żmien, forsi billi ġġibhom miegħek għal-laqgħat?
5 Qabel m’għamel l-aħħar sagrifiċċju fil-ħajja tiegħu bħala bniedem, Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu biex jiffokaw għajnejhom fuq l-interessi tas-Saltna, billi jpoġġu l-affarijiet l-oħra kollha fil-ħajja fit-tieni post. (Mt. 6:33) Se nkunu ferħanin l-iktar jekk ikollna qalb li tqanqalna nagħmlu sagrifiċċji hekk kif inkomplu naqdu lil Jehovah bil-ferħ.