Ġenituri—Nisslu Drawwiet Tajbin f’Uliedkom
1 Drawwiet tajbin ma jintirtux, u lanqas ma jinkisbu b’kumbinazzjoni. Iktar minn hekk, li tnissel drawwiet tajbin fit-tfal jieħu ż-żmien. Meta ngħidu tnissel jiġifieri li tagħti tagħrif ftit ftit jew li ddaħħal bin-naqra n-naqra. Il-ġenituri jeħtieġu li jkunu konsistenti sabiex ‘irabbu [lil uliedhom] fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.’—Efes. 6:4.
2 Ibda mill-Infanzja: Il-kapaċità li għandhom it-tfal ċkejknin li jitgħallmu u jagħmlu affarijiet ġodda hija taʼ l-għaġeb. Għalkemm xi kultant l-adulti jsibuha diffiċli biex jitgħallmu xi lingwa ġdida, it-tfal li jkunu għadhom ma bdewx l-iskola jistgħu jitgħallmu żewġ lingwi jew tlieta f’daqqa. Qatt m’għandek taħseb li t-tfal tiegħek huma żgħar wisq biex jiżviluppaw drawwiet tajbin. Jekk huma jingħataw l-istruzzjoni tal-verità tal-Bibbja minn kmieni u tibqaʼ tingħatalhom, sakemm dawn ikollhom ftit snin, moħħhom se jkun mimli bl-għarfien li jistaʼ jagħtihom “l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni.”—2 Tim. 3:15.
3 Agħmel is-Servizz taʼ l-Għalqa Bħala Drawwa: Drawwa tajba li għandha tiġi mnissla fit-tfal matul is-snin taʼ l-iżvilupp tagħhom hi dik taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla b’mod regulari. Ħafna ġenituri jibdew billi jieħdu lil uliedhom fil-ministeru minn dar għal dar mindu t-tfal ikunu għadhom trabi. Il-fatt li l-ġenituri jkunu involuti regolarment fix-xogħol taʼ għoti taʼ xiehda jgħin lil uliedhom jiżviluppaw apprezzament u żelu għall-ministeru. Il-ġenituri jistgħu juru lil uliedhom kif għandhom jieħdu sehem f’li jagħtu xiehda f’kull aspett tas-servizz taʼ l-għalqa.
4 Li jkunu miktubin fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku huwa t’għajnuna wkoll għat-tfal. Din tgħallimhom drawwiet tajbin taʼ l-istudju u kif jaqraw b’mod li juru li qed jifhmu. Jitgħallmu jitkellmu dwar il-Bibbja, jagħmlu ż-żjajjar lura, u jikkonduċu studji tal-Bibbja. Taħriġ bħal dan jistaʼ jħeġġiġhom biex jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier u jilħqu privileġġi speċjali tas-servizz. Għal ħafna Beteliti u missjunarji, il-memorji taʼ meta bdew jieħdu sehem fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku huma għal qalbhom ħafna u jqisu dan il-provvediment bħala wieħed li għenhom jiżviluppaw drawwiet tajbin.
5 Aħna lkoll qisna tafal f’idejn il-Fuħħari l-Kbir, Jehovah. (Is. 64:7 [64:8, NW]) Iktar ma t-tafal ikun artab, iktar ikun faċli tifformah. Iktar ma jinxef, iktar jibbies. L-istess jiġri min-nies. Meta jkunu għadhom żgħar, ikunu iktar flessibbli—u iktar ma t-tfal ikunu żgħar, iktar ikun hemm riżultati tajbin. L-ewwel snin tagħhom huma s-snin taʼ l-iżvilupp, meta jkunu qed jiġu fformati għat-tajjeb jew għall-ħażin. Bħala ġenitur li tieħu ħsieb uliedek, ibda minn kmieni f’li tnissel fihom drawwiet tajbin fil-ministeru Kristjan.