Nikkooperaw maʼ Dak li Jikkonduċilna l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni
1 L-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni għandu rwol vitali fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħna bħala ministri taʼ l-aħbar tajba. Il-gruppi jinżammu żgħar apposta biex jinkuraġġixxu atmosfera t’affezzjoni bħal dik ġewwa familja għall-istudju tal-Bibbja u waħda mill-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà. Dawn il-gruppi iżgħar jipprovdu wkoll kundizzjonijiet ideali sabiex iħarrġuna f’li nkunu iktar effettivi fil-ministeru taʼ l-għalqa. Permezz taʼ l-arranġament taʼ l-istudju tal-ktieb, kull individwu jistaʼ jingħata faċilment inkuraġġiment u attenzjoni persunali. Dan jinkludi li minn żmien għal żmien dak li jikkonduċi l-istudju tal-ktieb jistaʼ jagħmel żjajjar pastorali lil dawk fil-grupp tiegħu biex jinkuraġġihom. Kif nistgħu nikkooperaw bis-sħiħ maʼ dak li jikkonduċi l-istudju u nibbenefikaw minn dan il-provvediment mill-aħjar?
2 Sehem Żeluż fil-Ministeru taʼ l-Għalqa: Waħda mill-iktar responsabbiltajiet importanti taʼ dak li jikkonduċi l-istudju tal-ktieb hija li jgħin lil kull membru fil-grupp biex jieħu sehem b’mod żeluż fil-ministeru. F’dan ir-rigward, il-ktieb Our Ministry f’paġna 44 ifakkarna li “r-regolarità, iż-żelu u l-entużjażmu li hu juri għall-attività taʼ l-għalqa se jeffettwaw lill-pubblikaturi.” Xi drabi, dak li jikkonduċi l-istudju jaħdem mal-membri tal-familja tiegħu stess fis-servizz, imma jieħu pjaċir ukoll jissieħeb m’oħrajn f’diversi aspetti tal-ministeru skond ma jippermettu ċ-ċirkustanzi tiegħu. Tistaʼ int tappoġġa regolarment il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa? Dak li jikkonduċi l-istudju tal-ktieb tiegħek u pubblikaturi oħrajn se japprezzaw ferm jekk int tagħmel dan.
3 Il-laqgħat għas-servizz taʼ l-għalqa jsiru f’postijiet komdi sabiex kulħadd ikun jistaʼ jkollu sehem żeluż fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Waqt li jrid jikkunsidra l-kundizzjonijiet lokali, kull grupp se jkun irid jibda kmieni fil-ministeru. Ħafna pubblikaturi u pijunieri jkollhom suċċess kbir meta fi tmiem il-ġimgħa jkomplu fil-ministeru anki meta jaqbeż nofsinhar.
4 Tixtieq għajnuna f’xi aspett tal-ministeru? Forsi dak li jikkonduċi l-istudju tal-ktieb jistaʼ jirranġa biex xi pubblikatur kapaċi mill-grupp jaħdem miegħek. Fi tmiem ix-xahar, kun żgur li titfaʼ r-rapport tas-servizz taʼ l-għalqa tiegħek fil-ħin. Kemm dak li jikkonduċi l-istudju tal-ktieb u kemm is-segretarju japprezzaw il-kooperazzjoni tiegħek f’dan l-aspett importanti wkoll.—Qabbel Luqa 16:10.
5 Meta l-Indokratur tas-Servizz Iżur il-Grupp: L-indokratur tas-servizz normalment iżur grupp taʼ l-istudju tal-ktieb kull xahar sabiex jinkuraġġixxi attività akbar u iktar sinifikanti fil-ministeru taʼ l-għalqa. Oqgħod attent ħafna għat-taħdita taʼ 15-il minuta li jagħmel fi tmiem l-istudju tal-ktieb, għax din tipprovdi pariri speċifiċi li jgħinu lill-grupp jitjieb f’diversi aspetti tax-xogħol taʼ l-ippridkar. L-indokratur tas-servizz ikun ħerqan ukoll li jaħdem maʼ membri differenti taʼ l-istudju tal-ktieb fi tmiem il-ġimgħa. Kun ċert li tieħu vantaġġ minn dan il-provvediment speċjali sabiex tkun tistaʼ tibbenefika mill-esperjenza u l-kapaċità tiegħu fis-servizz taʼ l-għalqa.
6 L-eżempju persunali tagħna f’li nikkooperaw u nkunu lesti li ngħinu lil uħud taʼ inqas esperjenza, se jgħin f’li noħolqu atmosfera t’affezzjoni u ħbiberija fl-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni hekk kif “nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.”—Gal. 6:10.