Oqgħod Attent biex Tgħin lil Nies Neqsin mis-Smigħ fit-Territorju Tiegħek
1 Jehovah qed jagħmel l-istedina:“‘Ejja!’ . . . Ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.” (Apk. 22:17) Numru li dejjem jikber taʼ nies neqsin mis-smigħ huma fost dawk li qed iwieġbu għal din is-sejħa. Bħala riżultat, matul dawn l-aħħar snin, fil-Britannja ġew ifformati kongregazzjoni waħda u 23 grupp li jikkomunikaw permezz tal-lingwa bis-sinjali.
2 Il-kongregazzjonijiet u l-gruppi tal-lingwa bis-sinjali jiffokaw l-isforzi taʼ l-ippridkar tagħhom f’li jikkuntattjaw lil dawk neqsin ftit jew għalkollox mis-smigħ fit-territorju tagħhom. Iżda bħalissa m’hemmx kongregazzjonijiet jew gruppi bħal dawn f’Malta. Għalhekk jaf hemm ħafna wħud neqsin mis-smigħ li għad iridu jinstabu u jingħataw xiehda f’dan il-pajjiż.
3 Kif Tistaʼ Tgħin? Waqt li tkun f’postijiet pubbliċi, qatt osservajt xi nies li jużaw il-lingwa bis-sinjali? Taf lil xi ħadd fuq il-post tax-xogħol jew l-iskola li għandu membru tal-familja nieqes mis-smigħ? Oqgħod attent biex issib lil dawk neqsin mis-smigħ hekk kif tkun qed tagħmel l-attivitajiet tiegħek taʼ kuljum. Iżda kif tistaʼ tkun ċert li se jingħataw xiehda dwar is-Saltna?
4 Kif Tagħti Xiehda: Jekk taf lil xi ħadd, fil-kongregazzjoni tiegħek jew f’kongregazzjonijiet oħrajn, li jaf jikkomunika maʼ dawk neqsin mis-smigħ permezz tal-lingwa bis-sinjali, nagħtuk il-parir li tistaqsih biex jagħti għajnuna spiritwali lill-persuna nieqsa mis-smigħ li tkun ikkuntattjajt. Ġie nnotat li ħafna minn dawk neqsin mis-smigħ jagħmlu progress iktar malajr f’li jitgħallmu l-verità meta jissieħbu m’aħwa li jistgħu jikkomunikaw magħhom permezz tal-lingwa bis-sinjali. Barra minn hekk, jekk jogħġbok informa lis-segretarju tal-kongregazzjoni tiegħek dwar l-interess li sibt u x’qed tagħmel biex tgħin lil dak nieqes mis-smigħ. Peress li f’Malta m’hawnx kongregazzjoni jew grupp tal-lingwa bis-sinjali, qed nitolbu lis-segretarji kollha tal-kongregazzjonijiet, biex jgħaddu kull informazzjoni dwar nies neqsin mis-smigħ fit-territorju tagħhom lill-uffiċċju tas-Soċjetà.
5 Xi ngħidu jekk m’hemm ħadd fil-qrib li jistaʼ jagħti għajnuna spiritwali lil dawk neqsin mis-smigħ fil-komunità tiegħek? Kif tistaʼ tgħin? Għax ma tagħmilx żjara lura u titkellem mal-membri li m’humiex neqsin mis-smigħ f’dik id-dar? Offri li turihom il-vidjo tal-browxer X’Jirrikjedi li qiegħed fil-Lingwa bis-Sinjali bl-Ingliż Britanniku sabiex tqajjem l-interess taʼ dak nieqes mis-smigħ. Xi pubblikaturi saħansitra tgħallmu l-Lingwa bis-Sinjali bl-Ingliż Britanniku (British Sign Language) sabiex ikunu jistgħu jilħqu lil dawk neqsin mis-smigħ b’mod iktar effettiv. (Atti 16:9, 10) Il-browxer X’Jirrikjedi u l-ktieb Għarfien ukoll huma disponibbli fuq vidjo tal-Lingwa bis-Sinjali bl-Ingliż Britanniku. L-istudji tal-Bibbja li qed isiru permezz taʼ dawn l-għodod diġà taw ħafna riżultati tajbin.
6 Billi toqgħod attent biex tgħin lil nies neqsin mis-smigħ fl-inħawi tiegħek, int tistaʼ tagħtihom l-opportunità biex jieħdu l-ilma tal-ħajja b’xejn.—Mt. 10:11.