Il-Ġbir taʼ Nies mill-Ilsna Kollha
1 Il-Kelma t’Alla qed titwettaq! Nies “mill-ilsna kollha tal-ġnus” qed iħaddnu l-qima vera. (Żak. 8:23) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif qed jgħinu lil individwi taʼ kull ‘tribù, poplu, u lsien’ biex jaslu li jkollhom waqfa nadifa quddiem Jehovah, bil-prospett li jsalvaw fit-tribulazzjoni l-kbira?—Apk. 7:9, 14.
2 L-Organizzazzjoni t’Alla Twieġeb: Il-Ġemgħa li Tiggverna għamlet arranġamenti biex il-letteratura Biblika tkun disponibbli f’xi 380 lingwa ħalli n-nies taʼ l-art kollha jkunu jistgħu jifhmu sew l-importanza taʼ l-aħbar tajba. It-tħejjija u l-istampar tal-letteratura f’dawn il-lingwi kollha fihom biċċa xogħol enormi. Dan jinvolvi li jiġu fformati timijiet taʼ tradutturi kwalifikati u jiġu provduti bl-għajnuna li għandhom bżonn biex jittraduċu l-letteratura tagħna f’dawn il-lingwi kollha. Barra minn hekk, il-materjal irid jiġi stampat u jitwassal bil-baħar. Madankollu, il-parti fundamentali ssir mill-pubblikaturi tas-Saltna b’mod individwali, għaliex iwasslu lin-nies il-messaġġ tal-Bibbja li jsalva l-ħajjiet.
3 Jidħlu għall-Isfida: Bħalissa, f’ħafna postijiet insibu popolazzjonijiet kbar mhux ħażin taʼ wħud li jitkellmu b’lingwa barranija. Sabiex dawn in-nies jintlaħqu bl-aħbar tajba, uħud li dejjem jiżdiedu fost il-qaddejja t’Alla qed jagħmlu sforz biex jipprovaw jitgħallmu ċ-Ċiniż, ir-Russu, l-Ispanjol, jew xi lingwa oħra li hija komuni fejn jinsabu huma. Oħrajn qed jitgħallmu l-Lingwa bis-Sinjali. Per eżempju, fl-Istati Uniti biss, hemm iktar minn 2,900 kongregazzjoni u 240 grupp li qed jippridkaw fi 38 lingwa oħra minbarra l-Ingliż. Xi wħud li qabel qatt ma kienu semgħu b’Jehovah jew li ma kienu jafu xejn dwar il-Bibbja issa qed jaċċettaw il-verità tal-Kelma t’Alla.—Rum. 15:21.
4 Nistgħu aħna nistinkaw iktar bis-sħiħ biex niddikjaraw l-aħbar tajba lin-nies fit-territorju tagħna li huma taʼ kultura differenti? (Kol. 1:25) Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan f’pajjiżna hu billi nkunu ċerti li ngħaddu kull indirizz taʼ xi ħadd barrani lill-kongregazzjoni taʼ l-Ingliż f’Malta. Għalkemm din il-kongregazzjoni b’ħafna lingwi differenti hija żgħira, l-esperjenzi mill-isbaħ li qed ikollhom l-aħwa juruna biċ-ċar li Jehovah qiegħed verament ibierek dan il-bidu żgħir!
5 Il-messaġġ tas-Saltna jiġbed lin-nies taʼ kull sfond u lingwa. Ejja nkunu ċerti li jkollhom l-opportunità li jisimgħuh.