X’Inhi l-Prijorità Tiegħek?
1 Ħafna organizzazzjonijiet reliġjużi jagħtu ħafna importanza lix-xogħol karitattiv, bħal per eżempju li jipprovdu faċilitajiet għall-edukazzjoni sekulari jew bżonnijiet medikali. Madankollu, filwaqt li ma jinsewx ‘jagħmlu l-ġid lill-oħrajn u jaqsmu dak li għandhom’ maʼ ħaddieħor, ix-Xhieda taʼ Jehovah jagħtu prijorità lill-għajnuna spiritwali li jagħtu lin-nies.—Lhud 13:16.
2 L-Eżempju taʼ l-Ewwel Seklu: Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù għamel ħafna xogħlijiet tajbin, iżda x-xogħol primarju tiegħu kien li jixhed għall-verità. (Lq. 4:43; Ġw. 18:37; Atti 10:38) Hu kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex ‘imorru, mela, u jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u jgħallmuhom.’ (Mt. 28:19, 20) Hu indika wkoll li dawk li kienu se jeżerċitaw fidi fih kellhom jagħmlu dan ix-xogħol li beda hu fuq skala akbar. (Ġw. 14:12) Ġesù ta prijorità lix-xogħol tax-xandir minħabba li dan jgħin lin-nies jitgħallmu l-mod kif jaslu għas-salvazzjoni.—Ġw. 17:3.
3 L-appostlu Pawlu qies l-attività tiegħu taʼ l-ippridkar bħala ‘obbligu,’ ħtieġa li ma setax jinjoraha. (1 Kor. 9:16, 17) Kien dispost li jagħmel kwalunkwe tip taʼ sagrifiċċju, jissaporti provi, jew isofri kull tip taʼ tbatija li kien hemm bżonn sabiex iwettaq il-ministeru tiegħu. (Atti 20:22-24) L-appostlu Pietru u sħabu wrew l-istess tip taʼ spirtu. Anki meta ġew arrestati u msawtin, “kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija.”—Atti 5:40-42.
4 Xi ngħidu għalina? Nagħtu prijorità lix-xogħol taʼ l-ipproklamar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli? Aħna, bħal Ġesù, nuru tħassib veru lejn dawk li huma “mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj”? (Mt. 9:36) Il-ġrajjiet kurrenti fid-dinja u l-profeziji tal-Bibbja juru b’mod ċar li din is-sistema ħażina dalwaqt se tintemm! Jekk inżommu ċar f’moħħna l-importanza tax-xogħol taʼ l-ippridkar, se niġu motivati biex inkomplu nxandru b’mod żeluż.
5 Qis iċ-Ċirkustanzi Tiegħek: Ladarba taʼ spiss iċ-ċirkustanzi persunali jinbidlu, tkun ħaġa tajba li minn żmien għal ieħor naraw jekk nistgħux nagħmlu xi aġġustamenti sabiex nieħdu sehem iktar bis-sħiħ fix-xogħol tax-xandir. Waħda oħt kienet taqdi bħala pijuniera regulari fis-snin 50, 60, u 70, iżda mbagħad, minħabba li saħħitha ma kinitx tajba, rat li kien hemm bżonn li tieqaf. Madankollu, maż-żmien, saħħitha marret għall-aħjar. Reċentement, qieset iċ-ċirkustanzi tagħha mill-ġdid u waslet għall-konklużjoni li setgħet terġaʼ taqdi bħala pijuniera. Kemm kienet ferħana li setgħet tattendi l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier fl-età taʼ 90 sena! Xi ngħidu dwarek? Wasalt biex tirtira jew tispiċċa mill-iskola? Meta ċ-ċirkustanzi tiegħek jinbidlu, taħseb li tkun tistaʼ tagħmel ix-xogħol taʼ pijunier?
6 Meta Ġesù osserva li Marta “kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar,” hu bil-ħlewwa ssuġġerielha li jekk iżżomm l-affarijiet sempliċi tkun tistaʼ taħsad barkiet akbar. (Lq. 10:40-42) Tistaʼ tissimplifika ħajtek? Hemm tassew bżonn li kemm ir-raġel kif ukoll il-mara jkollhom xogħol sekulari? Jekk isiru xi aġġustamenti, tistaʼ l-familja tgħix b’paga waħda? Ħafna nies ibbenefikaw spiritwalment billi għamlu aġġustamenti sabiex ikunu jistgħu joħorġu iktar fil-ministeru.
7 Jalla lkoll kemm aħna nsegwu l-eżempju li taw Ġesù u l-appostli! Nistgħu nkunu ċerti mill-barka taʼ Jehovah fuq l-isforzi ġenwini tagħna sabiex ikollna sehem sħiħ fix-xogħol vitali taʼ li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.—Lq. 9:57-62.