Ħajjiet Irvinati, Ħajjiet Mitlufin
“ID-DROGI huma bħal mazez,” jinnota t-Tabib Eric Nestler. Bir-raġun, għax doża waħda minn dawn il-mazez kimiċi tistaʼ tkun fatali. “Il-kokaina crack, per eżempju, hija magħrufa li toqtol lin-nies maʼ l-ewwel darba li jiħduha,” jispjega l-ktieb Drugs in America.
Il-mewġa ġdida taʼ drogi sintetiċi tistaʼ tkun daqstant perikoluża. “Żgħażagħ li jiġu mqarrqin faċilment u li jixtru d-drogi waqt xi ‘rave’ party għandhom mnejn ma jkollhom l-ebda idea dwar x’taħlita kimika se tibbombardja lil moħħhom,” iwissi l-World Drug Report tal-Ġnus Magħquda. Madankollu, fil-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ, il-vizzju tad-drogi jaqbad l-għeruq bil-mod il-mod, bħalma juru l-eżempji li jmiss.
“Ħarba mir-Realtà”
Pedro,a wieħed minn disat itfal, twieled f’akkwati taʼ qattagħni fil-belt taʼ Córdoba, Spanja. Tfulitu kienet waħda trawmatika minħabba li missieru kien alkoħoliku. Meta Pedro kellu 14-il sena, il-kuġin tiegħu introduċielu l-ħaxixa. Fi żmien xahar, sar jiddependi minnha.
“Kien il-passatemp tiegħi li nieħu d-drogi,” jispjega Pedro, “ħarba mir-realtà, u mod kif inkun parti mill-grupp. Taʼ 15-il sena, bdejt inżid l-LSD u l-amfetamini mal-ħaxixa. L-LSD kienet id-droga favorita tiegħi, u biex ikolli l-flus ħalli nixtriha, sirt pusher, traffikant tad-droga fuq skala żgħira. L-iktar li kont nittraffika kienet il-ħaxixa. Darba, wara li ħadt overdose taʼ LSD, ma stajtx norqod lejl sħiħ, u ħassejtni qisni miġnun. L-esperjenza beżżgħetni. Ħassejt li jekk kont se nkompli nieħu d-drogi, kont se nispiċċa l-ħabs jew mejjet. Imma bil-leblieba li kelli għad-drogi, injorajt il-biżaʼ. Sirt niddependi sew mil-LSD u kelli bżonn iktar u iktar mid-droga biex inħoss l-effetti tagħha. Minkejja l-effetti tal-biżaʼ li kont inġarrab wara, ma stajtx nieqaf. Ma kontx naf kif se neħles minnha.
“L-LSD ma kinitx irħisa, għalhekk tgħallimt kif nisraq mill-ħwienet tad-deheb, kif lit-turisti naħtfilhom il-basktijiet, u kif nisraq l-arloġġi u l-kartieri taʼ min ikun għaddej. Sakemm kelli 17-il sena, kont sirt traffikant tad-droga stabbilit fin-naħa tiegħi tal-belt, u xi drabi ħadt sehem f’serq bl-armi. Bir-reputazzjoni li kelli fl-inħawi tiegħi bħala kriminal vjolenti tawni l-laqam taʼ el torcido, jiġifieri ‘il-milwi.’
“Meta tħallat id-drogi maʼ l-alkoħol, il-personalità tiegħek tinbidel, u taʼ spiss issir vjolenti. U l-leblieba biex tieħu iktar drogi tant tkun qawwija li tħassarlek għalkollox il-kuxjenza. Il-ħajja tinbidel mil-lejl għan-nhar, u tibda tgħix biex tintilef f’estasi minn droga għal oħra.”
“Mgħaddsin fid-Dinja tad-Drogi”
Ana, mart Pedro, trabbiet fi Spanja f’ambjent tajjeb tal-familja. Meta kellha 14-il sena, Ana ltaqgħet maʼ xi ġuvintur minn skola fil-qrib li kienu jpejpu l-ħaxixa. Għall-ewwel, l-imġiba stramba tagħhom kienet iddejjaqha. Imma Rosa, waħda mill-ħbieb taʼ Ana, kienet miġbuda lejn wieħed mill-ġuvintur. Hu kkonvinċa lil Rosa li t-tipjip tal-ħaxixa ma kienx se jagħmlilha ħsara u li kienet se tieħu pjaċir tpejjipha. Għalhekk Rosa pprovat id-droga u mbagħad newlet is-sigarett lil Ana.
“Kont inħossni tajba wara li neħodha, u fi ftit ġimgħat, bdejt inpejjep il-ħaxixa kuljum,” tgħid Ana. “Wara xi xahar jew ftit iżjed, ma tantx bqajt inħossu l-effett tal-ħaxixa, u allura bdejt nieħu l-amfetamini kif ukoll inpejjep il-ħaxixa.
“F’qasir żmien jien u ħbiebi sirna totalment mgħaddsin fid-dinja tad-drogi. Konna nitkellmu dwar min kien kapaċi jieħu l-iktar drogi mingħajr ma jħoss effetti ħżiena u min kien ikun l-iktar f’estasi. Bil-mod il-mod, bdejt ninqataʼ mid-dinja normali, u rari kont nattendi l-iskola. Il-ħaxixa u l-amfetamini ma baqgħux biżżejjed, allura bdejt nittaqqab b’sustanza li kienet ġejja mill-morfina. Din kont nakkwistaha minn spiżeriji differenti. Fis-sajf konna mmorru għall-kunċerti rock fil-beraħ, fejn dejjem kien ikun faċli li takkwista drogi bħalma hi l-LSD.
“Darba waħda ommi qabditni npejjep il-ħaxixa. Il-ġenituri pprovaw jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jipproteġuni. Qaluli dwar il-perikli tad-drogi, u żgurawni li jħobbuni u li jimpurtahom minni. Imma jien kont inqis l-isforzi tagħhom bħala ndħil żejjed f’ħajti. Meta kelli 16-il sena, iddeċidejt li nitlaq mid-dar. Ngħaqadt maʼ grupp taʼ żgħażagħ li kienu jduru maʼ Spanja kollha jbigħu l-kullani magħmulin bl-idejn u jieħdu d-drogi. Xahrejn wara, il-pulizija qabduni f’Málaga.
“Meta l-pulizija ħaduni għand il-ġenituri tiegħi, huma laqgħuni b’idejhom miftuħa, u ħassejtni nistħi għal dak li kont għamilt. Missieri kien qed jibki—xi ħaġa li qatt ma kont rajtu jagħmel qabel. Iddispjaċieni li kont weġġajthom, imma r-rimors ma kienx qawwi biżżejjed biex iġagħalni naqtaʼ d-drogi. Komplejt nieħu d-drogi kuljum. Meta kont inkun f’sensija, xi kultant kont naħseb dwar ir-riskji—imma ma tantx kont indum.”
Minn Bennej għal Traffikant tad-Droga
José, raġel dħuli tal-familja, qattaʼ ħames snin jittraffika l-kannabis mill-Marokk għal Spanja. Kif qabad dan ix-xogħol? “Meta kont naħdem bħala bennej, wieħed minn sħabi tax-xogħol beda jittraffika d-droga,” jispjega José. “Peress li kelli bżonn il-flus, ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Għax ma nagħmilx l-istess?’
“Fil-Marokk kien faċli li nixtri l-kannabis—kemm kont niflaħ. Kelli dgħajsa li faċilment kienet tiskapula lill-pulizija. Wara li kont nittrasporta d-drogi lejn Spanja, kont inbigħhom fi kwantitajiet kbar, madwar 600 kilo f’daqqa. Kelli biss tliet jew erbaʼ klijenti, u kienu jieħdu d-drogi kollha li stajt nipprovdilhom. Minkejja s-sorveljanza tal-pulizija, id-drogi kienu jidħlu xorta. Bħala traffikanti, l-apparat li kellna disponibbli kien ferm aħjar minn dak li kellhom il-pulizija.
“Kien faċli li naqlaʼ l-flus. Bi vjaġġ wieħed minn Spanja sa l-Afrika taʼ Fuq stajt naqlaʼ bejn $25,000 u $30,000 [Lm 9,615-Lm 11,538]. Fi ftit żmien, kelli 30 raġel jaħdmu miegħi. Qatt ma nqbadt għax kont inħallas lil informatur biex javżani meta jkunu qed jiċċekkjawli dak li nkun qed nagħmel.
“Xi kultant kont naħseb dwar x’setgħu jagħmlu lil ħaddieħor dawn id-drogi kollha, imma kkonvinċejt ruħi li l-kannabis kienet droga ħafifa li ma kienet toqtol lil ħadd. Peress li kont qed indaħħal ħafna flus, ma tantx ħsibt ħafna dwar dan. Jien stess qatt ma ħadt drogi.”
‘Agħtini Flusek u Noqtlok!’
Bħalma juru dawn l-eżempji, id-drogi jieħdu l-ħajjiet tan-nies taħt idejhom. Ladarba wieħed ikun jiddependi minnhom, li jeħles mill-vizzju jkun diffiċli u trawmatiku. Bħalma jiġbed l-attenzjoni l-ktieb Drugs in America, “fil-West l-Antik, il-ħallelin kienu jxejru l-pistoli f’wiċċ il-vittmi tagħhom u jgħidulhom, ‘Agħtini flusek jew noqtlok.’ Id-drogi illegali huma agħar mill-kriminali taʼ l-antik. Dawn jieħdu t-tnejn li huma.”
Hemm xi ħaġa li tistaʼ twaqqaf lil dan il-monstru tad-drogi? L-artiklu li jmiss se jeżamina xi soluzzjonijiet.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ftit mill-ismijiet f’din is-serje ġew mibdulin.
[Kumment f’paġna 8]
“Fil-West l-Antik, il-ħallelin kienu jxejru l-pistoli f’wiċċ il-vittmi tagħhom u jgħidulhom, ‘Agħtini flusek jew noqtlok.’ Id-drogi illegali huma agħar mill-kriminali taʼ l-antik.DAWN JIEĦDU T-TNEJN LI HUMA”
[Kaxxa/Stampa f’paġna 10]
ULIEDEK SE JGĦIDU LE GĦAD-DROGI?
LIEMA ADOLEXXENTI QEGĦDIN L-IKTAR F’RISKJU?
a. Dawk li jridu juru li huma indipendenti u li lesti li jieħdu r-riskji.
b. Dawk li ma tantx jinteressaw ruħhom f’miri akkademiċi u spiritwali.
ċ. Dawk li jqisu lilhom infushom differenti mill-bqija tas-soċjetà.
d. Dawk li m’għandhomx idea ċara taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
e. Dawk li jħossu li l-ġenituri ma jappoġġawhomx u li ħbiebhom jinkuraġġuhom biex jieħdu d-drogi. L-investigaturi nnotaw li “l-kwalità tar-relazzjoni li l-adolexxent ikollu mal-ġenituri tiegħu tidher li hija l-aqwa fattur protettiv kontra l-użu tad-drogi.”—Korsiv miżjud.
KIF TISTAʼ TIPPROTEĠI LIL ULIEDEK?
a. Billi jkollok relazzjoni intima u komunikazzjoni tajba magħhom.
b. Billi ddaħħlilhom f’moħħhom idea ċara taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.
ċ. Billi tgħinhom ikollhom miri definiti.
d. Billi ġġagħalhom iħossuhom parti minn familja li tħobbhom u minn komunità dħulija.
e. Billi tgħallimhom dwar il-perikli taʼ l-abbuż mid-drogi. It-tfal għandhom bżonn ikunu jafu b’mod ċar għala għandhom jgħidu le għad-drogi.
[Sors]
Sors: World Drug Report tal-Ġnus Magħquda
[Stampa f’paġna 9]
Drogi konfiskati f’Ġibiltà
[Sors]
Bil-korteżija tal-Pulizija taʼ Ġibiltà
[Stampa f’paġna 10]
Kelli dgħajsa bħal din, li faċilment setgħet tiskapula lill-pulizij
[Sors]
Bil-korteżija tal-Pulizija taʼ Ġibiltà
[Sors tal-Istampa f’paġna 9]
Godo-Foto