Appoġġa ż-Żjara taʼ l-Indokratur tas-Circuit
1 Mill-15 t’Ottubru, 1946, ’il quddiem, il-kongregazzjonijiet bdew jiġu organizzati f’circuits li fihom jaqdu indokraturi li jivvjaġġaw full-time. Għal dawn l-aħħar 59 sena, kemm l-individwi u kemm il-kongregazzjonijiet ibbenefikaw minn dan l-arranġament teokratiku. (Is. 1:26) L-appoġġ kontinwu tagħna għal dan l-arranġament se jġibilna ħafna iktar barkiet għonja.—Efes. 4:7, 8, 11.
2 Tħejjijiet għaż-Żjara: Ladarba tiġi mħabbra ż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit, nistgħu nibdew inħejju għaliha. Nistgħu nippjanaw li nirranġaw l-iskeda normali tagħna sabiex nappoġġaw bis-sħiħ il-ġimgħa t’attività speċjali. Xi pubblikaturi jirranġaw biex iqattgħu iktar ħin fil-ministeru taʼ l-għalqa billi jaqdu bħala pijunieri awżiljarji. Oħrajn għandhom mnejn jieħdu l-leave mix-xogħol sekulari għal ġurnata jew tnejn biex jieħdu sehem fil-ministeru. Ħafna pubblikaturi jagħmlu appuntamenti speċjali biex jaħdmu maʼ l-indokratur li jivvjaġġa f’xi aspett tal-ministeru. L-appoġġ b’qalb sħiħa għall-ministeru taʼ l-għalqa f’din l-okkażjoni hu tassew premjanti.
3 Ir-rapporti li ntbagħtu mill-indokraturi li jivvjaġġaw jindikaw li l-attività taż-żjajjar lura u l-istudji tal-Bibbja wara nofsinhar tistaʼ tiġi appoġġata aħjar. Tistaʼ tagħmel skeda taʼ żjajjar lura jew studji tal-Bibbja għal wara nofsinhar matul dik il-ġimgħa? L-indokratur tas-circuit se jkun kuntent li jiġi miegħek, u jekk tixtieq, se jieħu pjaċir ukoll li jikkonduċi l-istudju tiegħek.
4 Għajnuna Persunali: Waħda mill-ogħla prijoritajiet fil-lista taʼ l-indokratur tas-circuit hi l-bżonn li jipprovdi iktar taħriġ għal kulmin ikun qed jirsisti għal privileġġi akbar taʼ servizz. (1 Tim. 3:1) Għandek xi mistoqsijiet dwar l-inkarigi jew ir-responsabbiltajiet speċifiċi tiegħek? Tixtieq ittejjeb l-abbiltà jew l-organizzar persunali tiegħek? Qed tinteressa ruħek fis-servizz taʼ Betel, f’Gilgħad, jew fl-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali? Tixtieq taqdi fejn il-bżonn hu akbar? Huma x’inhuma l-miri spiritwali tiegħek, l-indokratur tas-circuit se jieħu pjaċir jiddiskutihom miegħek.
5 Jekk l-indokratur tas-circuit tiegħek hu miżżewweġ, martu hija wkoll qaddejja devota taʼ Ġeħova. Probabbilment hi pijuniera u se tkun tistaʼ tagħti appoġġ sħiħ għall-arranġamenti tas-servizz taʼ l-għalqa. Minħabba l-esperjenza tagħha u s-sehem regulari fil-ministeru f’territorji differenti, hi ssir tas-sengħa fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Hi tagħmel lilha nfisha disponibbli l-iktar biex taħdem m’aħwa nisa oħra fis-servizz minn dar għal dar u tmur magħhom fuq żjajjar lura u studji tal-Bibbja fid-djar. Jistħoqqilha l-istess tifħir mill-qalb bħal dak li Pawlu qal dwar Febe.—Rum. 16:1, 2.
6 M’għandniex ninsew il-privileġġ li għandna biex nuru l-ospitalità maʼ l-indokratur li jivvjaġġa u maʼ martu, jekk ikun miżżewweġ. Ħafna huma l-aħwa li jgħożżu l-memorji kif ukoll l-inkuraġġiment li ngħataw minħabba li fetħu djarhom jew stiednu għall-ikel lil dawn il-ministri li jivvjaġġaw u gawdew sħubija spiritwali pjaċevoli magħhom.—3 Ġw. 5-8.
7 Iż-żjajjar regulari minn indokraturi li jivvjaġġaw li jkunu maturi spiritwalment ikomplu jgħinu lin-nies taʼ Ġeħova. Aħna se nibbenefikaw personalment minn dan l-arranġament skond kemm nippreparaw għaż-żjara taʼ l-indokratur tas-circuit u skond kemm nappoġġawha. Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nappoġġaw bis-sħiħ iż-żjara li jmiss taʼ l-indokratur tas-circuit tagħna.