Meta Nikkultivaw Drawwiet Tajbin Se Naħsdu Ħafna Barkiet
1. Għala huwa taʼ benefiċċju li neżaminaw ir-rutina spiritwali tagħna?
1 Meta sirt Kristjan, x’aktarx li għamilt ħafna sforzi biex tiżviluppa rutina spiritwali tajba li tinkludi studju tal-Bibbja, l-attendenza għal-laqgħat Kristjani, il-ministeru taʼ l-għalqa, u t-talb. Bħala riżultat tal-barka taʼ Ġeħova għall-isforzi tiegħek, int kbirt spiritwalment. Forsi issa għaddew xi ftit snin minn meta tgħammidt. Għadek iżżomm id-drawwiet spiritwali tiegħek li żviluppajt hekk kif kont qed issir Kristjan?
2. Kif nibbenefikaw mill-qari tal-Bibbja kuljum?
2 Eżamina r-Rutina Tiegħek: Hija d-drawwa tiegħek li taqra porzjon mill-Kelma t’Alla kuljum? Kemm naħsdu barkiet għonja meta nagħmlu dan! (Ġoż. 1:8; Salm 1:2, 3) F’Iżrael tal-qedem, kull sultan kellu jaqra l-kopja tiegħu tal-Liġi “l-jiem kollha taʼ ħajtu.” B’liema benefiċċji? Hu kien se jiżviluppa qalb umli u jitgħallem jibżaʼ minn Ġeħova sabiex ma jitbigħedx mill-kmandamenti Tiegħu. (Dt. 17:18-20) Bl-istess mod illum, il-qari tal-Bibbja kuljum se jgħinna biex nibqgħu bla ħtija u innoċenti, fost dinja ħażina u korrotta. Dan jgħinna wkoll biex inkunu armati bis-sħiħ għall-ministeru.—Flp. 2:15; 2 Tim. 3:17.
3. X’barkiet naħsdu meta nattendu l-laqgħat regolarment?
3 Ġesù kellu d-drawwa li jmur fis-sinagoga, fejn kienet tiġi diskussa l-Iskrittura. (Lq. 4:16) Bla dubju dan saħħu biex jiffaċċja l-provi li kien se jġarrab. Aħna wkoll se nissaħħu permezz taʼ l-istruzzjonijiet spiritwali li nirċievu fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u minħabba li “ninkuraġġixxu lil xulxin” b’mod li jibni. (Rum. 1:12) Il-fatt li ninġemgħu flimkien maʼ ħutna se jgħinna biex nissaportu d-diffikultajiet taʼ dawn l-aħħar jiem. (Ebr. 10:24, 25) Għad għandek id-drawwa li tattendi l-laqgħat kollha?
4. Kif se nibbenefikaw jekk nieħdu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa kull ġimgħa?
4 Ir-rakkont ispirat tal-Bibbja jgħidilna li l-appostli kienu jieħdu sehem fix-xandir taʼ l-aħbar tajba “kuljum fit-tempju u minn dar għal dar.” (Atti 5:42) Waqt li forsi ma nistgħux nippridkaw kuljum, nistgħu nagħmluha drawwa li nipparteċipaw f’xi forma tal-ministeru kull ġimgħa? Meta nagħmlu dan, żgur li se nsiru iktar tas-sengħa f’li nimmaniġġaw il-Kelma t’Alla, u x’aktarx li se ngawdu esperjenzi inkuraġġanti meta naqsmu l-verità tal-Bibbja m’oħrajn.
5. Għala hu vitali li nitolbu lil Ġeħova regolarment?
5 Il-profeta Danjel kien imbierek ħafna talli “dejjem” qeda lil Ġeħova matul ħajtu kollha. Dan kien jinkludi d-drawwa li jitlob regolarment lil Ġeħova. (Dan. 6:11, 17, 21 [Dan. 6:10, 16, 20, NW]) Bl-istess mod, hekk kif aħna nersqu lejn Ġeħova b’talb sinċier, hu se jberikna bl-ispirtu qaddis tiegħu. (Lq. 11:9-13) Iktar minn hekk, Ġeħova se jwieġeb billi jersaq qrib lejna u jippermettilna li ngawdu relazzjoni intima miegħu. (Salm 25:14; Ġak. 4:8) Xi premju meraviljuż dak! Għalhekk, jalla naħdmu iebes biex inżommu drawwiet spiritwali tajbin u naħsdu ħafna barkiet mingħand Ġeħova.