Titlifx l-Imħabba li Kellek fil-Bidu
1 Ġesù glorifikat widdeb lill-kongregazzjoni t’Efesu taʼ l-ewwel seklu billi qal: “Għandi dan kontrik, li int tlaqt l-imħabba li kellek fil-bidu.” (Riv. 2:4) Milli jidher, bosta wħud kienu tilfu l-imħabba li kellhom fil-bidu għal Ġeħova. Meta konna qed nitgħallmu l-verità, aħna żviluppajna mħabba qawwija għal Alla u għall-proxxmu, u dan qanqalna biex biż-żelu naqsmu m’oħrajn din it-tama ġdida li sibna. X’se jgħinna ma nitilfux l-imħabba li kellna fil-bidu u ż-żelu fil-ministeru?
2 Studju Persunali u Attendenza għal-Laqgħat: X’ġagħalna niżviluppaw imħabba għal Alla u l-proxxmu għall-bidu li tgħallimna l-verità? Ma kienx dak kollu li tgħallimna dwar Ġeħova mill-istudju tagħna taʼ l-Iskrittura? (1 Ġw. 4:16, 19) Għalhekk, sabiex imħabbitna “tikber u toktor dejjem iżjed,” għandna nkomplu nieħdu għarfien eżatt, billi nħaffru fl-“affarijiet profondi t’Alla.”—Flp. 1:9-11; 1 Kor. 2:10.
3 Li nżommu rutina tajba taʼ studju persunali jistaʼ jkun verament taʼ sfida f’dawn l-aħħar jiem mimlijin b’ħafna ansjetajiet u aljenazzjonijiet. (2 Tim. 3:1) Aħna għandna nwarrbu l-ħin fl-iskeda tagħna biex nieħdu l-ikel spiritwali. L-attendenza regulari għal-laqgħat tal-kongregazzjoni wkoll hija vitali, speċjalment hekk kif naraw ‘il-jum joqrob.’—Ebr. 10:24, 25.
4 Il-Ministeru: Is-sehem żeluż fil-ministeru jgħinna nżommu l-imħabba għal Alla li kellna fil-bidu. Hekk kif nippridkaw l-aħbar tajba, infakkru lilna nfusna dwar il-wegħdi kollhom imħabba taʼ Ġeħova, u dan jgħinna nżommu t-tama tagħna ċara quddiemna u mħabbitna ħajja. Biex ngħallmu veritajiet Bibliċi jirrikjedi li nagħmlu riċerka ħalli nifhmuhom tajjeb aħna stess, u dan isaħħilna l-fidi.—1 Tim. 4:15, 16.
5 Ġeħova jistħoqqlu nagħtuh kollox, inkluż l-imħabba tagħna. (Riv. 4:11) Tħallix l-imħabba tiegħek tmajna. Żomm l-imħabba li kellek fil-bidu qawwija billi bil-ħerqa tagħmel studju persunali tal-Bibbja, tattendi l-laqgħat regolarment, u tiddikjara b’mod żeluż lil oħrajn dak li int tgħożż l-iktar.—Rum. 10:10.