Nirsistu fil-Ministeru Tagħna
1 L-appostlu Pawlu wissa lill-Kristjani biex jimxu fil-mogħdija t’Alla u biex ‘ikomplu jagħmlu dan iktar bis-sħiħ.’ (1 Tess. 4:1) Xi jfisser dan għalina? Dan ifisser li kontinwament infittxu modi kif nirsistu għal iktar attività spiritwali, billi dejjem inħabirku ħalli ‘nwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħna.’—2 Tim. 4:5.
2 Il-Motivazzjoni: Aħna niġu motivati biex nirsistu fil-ministeru tagħna mix-xewqa li għandna biex naqdu lill-Ħallieq tagħna iktar bis-sħiħ. Aħna rridu nikbru spiritwalment u nfittxu modi kif intejbu l-ministeru tagħna. Rutina tajba b’motivazzjoni xierqa se tgħinna nilħqu miri teokratiċi.—Salm 1:1, 2; Flp. 4:6; Ebr. 10:24, 25.
3 Biex naħdmu ħalli nkabbru l-ministeru tagħna hemm bżonn li nikkultivaw attitudni ġeneruża u rridu nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċju persunali. Attitudni bħal din tistaʼ tiġi kultivata permezz taʼ meditazzjoni bit-talb dwar l-eżempju mill-aqwa taʼ Ġesù. (Mt. 20:28) Ġesù esperjenza ferħ kbir minħabba li qeda lil oħrajn matul il-ministeru tiegħu. (Atti 20:35) Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nuru interess persunali fin-nies u noqogħdu attenti għal opportunitajiet biex nirsistu fil-ministeru tagħna.—Is. 6:8.
4 L-Irwol tal-Ġenituri: Minn età żgħira, it-tfal jistgħu jiġu megħjunin jiżviluppaw xewqa biex jaqdu lil oħrajn u biex iżidu l-ministeru tagħhom. Iż-żgħar se jinnotaw kemm iħabirku l-membri tal-familja tagħhom u kemm għandhom sehem attiv f’li jżidu l-ministeru tagħhom. Wieħed ħu ġie motivat biex jirsisti minn meta kien tifel żgħir minħabba li ħadem maʼ nannuh f’attivitajiet tal-kongregazzjoni. Minħabba li ra kemm nannuh kien iħabrek u kien ferħan, hu ġie mqanqal biex ifittex opportunitajiet ħalli jaqdi lil ħutu. Issa hu jaqdi bħala qaddej ministerjali.
5 Il-Bżonn t’Aħwa Rġiel: “Jekk raġel qed jirsisti . . . ikun jixtieq xogħol tajjeb.” (1 Tim. 3:1) Dan il-kliem jinkuraġġixxi lill-aħwa rġiel biex jirsistu ħalli jikkwalifikaw għal iktar privileġġi taʼ servizz fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. M’għandhomx bżonn snajjaʼ speċjali jew abbiltajiet naturali li jispikkaw biex jagħmlu dan. Ħu li qed jirsisti se jfittex l-ewwel is-Saltna u se jkollu sehem fil-ministeru b’mod żeluż. (Mt. 6:33; 2 Tim. 4:5) Hu se jistinka biex ikun eżempju tajjeb għal oħrajn.
6 Madwar id-Dinja: Ġeħova qed jgħaġġel ix-xogħol tal-ġbir. (Is. 60:22) Hemm bżonn urġenti li dawk kollha li jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù jaħdmu fil-ministeru tagħhom iktar bis-sħiħ. Ir-rapport taʼ madwar id-dinja għas-sena taʼ servizz 2006 juri li tgħammdu 248,327. Dan jirrappreżenta iktar minn 680 individwu ġdid kuljum! Jalla lkoll kemm aħna nkomplu nfittxu modi kif naħdmu fil-ministeru tagħna iktar bis-sħiħ.