Għin lill-Istudenti tal-Bibbja Jsiru Pubblikaturi taʼ l-Aħbar Tajba tas-Saltna
1 L-inkarigu li Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu, kif inhu mniżżel f’Mattew 28:19, 20, kien wieħed tassew estensiv. Id-dixxipli taʼ Kristu ġew istruwiti biex jagħmlu iżjed dixxipli li, iktar tard, kellhom ikomplu x-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. Kellu jitpoġġa l-pedament għax-xandir finali taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla li kellu jsir madwar id-dinja kollha matul iż-żmien sinifikanti taʼ l-aħħar li qed ngħixu fih bħalissa.—Mt. 24:14.
2 L-istudenti tagħna tal-Bibbja jistgħu jkunu wliedna jew oħrajn li huma lesti li jistudjaw il-Bibbja magħna. Aħna verament nixtiequ ngħinu lil dawn l-uħud biex jaċċettaw ir-responsabbiltà tagħhom ħalli jgħinu lil oħrajn isiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu.—Lq. 6:40.
3 Ippreparahom biex Jagħtu Xiehda: Inkuraġġixxi lil dawk li tistudja magħhom biex dak li qed jitgħallmu jaqsmuh m’oħrajn. Irrakkontalhom xi esperjenzi inkuraġġanti mis-servizz taʼ l-għalqa. Ħarreġ lil uliedek minn mindu jkunu żgħar biex jipparteċipaw fil-ministeru b’mod produttiv skond l-abbiltà tagħhom. (Salm 148:12, 13) Uri b’dak li tgħid u b’dak li tagħmel li l-ministeru hu tassew importanti f’ħajtek.—1 Tim. 1:12.
4 Ġeħova juża biss lil dawk li jaċċettaw u jobdu l-livelli sewwa u ġusti tiegħu. M’għandniex xi ngħidu, il-pubblikaturi ġodda ma jkollhomx għarfien daqs il-ministri tas-Saltna li huma taʼ l-esperjenza, dedikati, u mgħammdin, imma l-uħud ġodda għandhom jemmnu u jkunu kapaċi jispjegaw it-tagħlim bażiku tal-Bibbja. (Ara l-ktieb Organizzati, pġi. 79-82.) Minbarra li jkunu sseparaw lilhom infushom kompletament minn “Babilonja l-Kbira” u ma jkunux qed jieħdu sehem iktar fil-politika, għandhom ikunu qed jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni regolarment.—Riv 18:2, 4; Ġw. 17:16; Ebr. 10:24, 25.
5 Malli tara li wieħed mill-istudenti tiegħek tal-Bibbja jikkwalifika biex ikun pubblikatur mhux mgħammed, għandek tmur tgħid lill-indokratur li jippresiedi dwar dan. Hu se jirranġa biex żewġ anzjani jiltaqgħu miegħek u maʼ l-istudent tiegħek tal-Bibbja ħalli jiddeterminaw jekk jikkwalifikax bħala pubblikatur mhux mgħammed taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna flimkien mal-kongregazzjoni. Imbagħad int ikollok il-privileġġ li tkompli tħarreġ lill-istudent tiegħek tal-Bibbja hekk kif joħroġ miegħek fis-servizz taʼ l-għalqa.