Agħti Servizz Sagru Lejl u Nhar
1 Aħna ġejna mogħtijin privileġġ taʼ l-għaġeb. Dan huwa li nkunu xhieda taʼ Jehovah. Aħna nagħmlu parti minn dik l-organizzazzjoni mad-dinja kollha t’evanġelizzaturi li qegħdin jiġu wżati minn Jehovah biex iwettqu l-akbar xogħol taʼ xandir tas-Saltna li qatt sar! (Mark 13:10) Meta nqisu l-urġenza taʼ żminijietna, qegħdin aħna nieħdu sehem f’dan ix-xogħol sa fejn huwa l-iktar possibbli?
2 Ma nafux kemm se jirreaġixxu nies fl-aħħar mill-aħħar għall-ippridkar tagħna. Jehovah jassigurana li se tkun “folla kbira,” li lkoll kemm huma jiġu identifikati billi “jagħtuh servizz sagru lejl u nhar.” (Riv. 7:9, 15) L-iktar minn ħames miljun Xhieda li huma diġà beżlin fis-servizz t’Alla m’humiex sempliċement semmiegħa li juru interess, lanqas ma jattendu l-laqgħat biss. Huma ħaddiema li jipproklamaw l-aħbar tajba madwar id-dinja!
3 Kuljum, hemm opportunitajiet biex wieħed ifaħħar lil Jehovah, kemm jekk fis-servizz taʼ l-għalqa u kemm jekk b’mod informali. Aħseb dwar ix-xiehda grandjuża li tkun tistaʼ tingħata jekk kull wieħed u waħda minna kellu jieħu l-inizjattiva biex jaqsam il-verità maʼ persuna waħda biss kuljum. L-apprezzament tagħna lejn Jehovah għandu jqanqalna biex nitkellmu dwaru bil-ħrara.—Salm 92:1, 2.
4 Għin Lil Oħrajn Biex Jagħtu Servizz Sagru: Jehovah ikompli jberikna biż-żjieda. (Ħag. 2:7) Matul is-sena taʼ servizz li għaddiet f’Malta, ġew kondotti medja taʼ 240 studju tal-Bibbja fid-dar kull xahar. Il-mira tagħna f’li nistudjaw maʼ dawn in-nies hija li ngħinuhom isiru dixxipli taʼ Ġesù. (Matt. 28:19, 20) Ħafna minnhom diġà mxew ’il quddiem billi qegħdin jattendu regolarment il-laqgħat. Dawn bdew jitkellmu maʼ min jafu “dwar l-affarijiet taʼ l-għaġeb t’Alla” li tgħallmu. (Atti 2:11) Jistgħu issa jiġu mistednin biex jieħdu sehem fil-ministeru pubbliku?
5 Matul April irridu nagħmlu sforz speċjali biex nistiednu wħud ġodda li jikkwalifikaw, ħalli jingħaqdu magħna fis-servizz taʼ l-għalqa. Wera l-istudent tiegħek xewqa li jagħmel dan? Jekk iva, jikkwalifika hu fejn jidħlu ħtiġijiet Skritturali? (Ara l-ktieb Our Ministry, paġni 97-9.) Meta l-istudent jixtieq jieħu sehem fis-servizz taʼ l-għalqa, iddiskuti l-possibiltajiet tiegħu maʼ l-indokratur li jippresiedi, li se jirranġa biex żewġ anzjani jeżaminaw il-każ. Jekk l-istudent jikkwalifika biex isir pubblikatur mhux mgħammed, stiednu biex jiġi miegħek fis-servizz. L-indokraturi tas-servizz u dawk li jikkonduċu l-istudju tal-ktieb għandhom ikunu konxji b’mod speċjali biex jgħinu lil dawk li forsi jikkwalifikaw biex jibdew jippridkaw f’April.
6 Il-ġenituri jistgħu forsi jikkunsidraw jekk uliedhom jikkwalifikawx biex isiru pubblikaturi mhux mgħammdin. (Salm 148:12, 13) Jekk it-tifel tiegħek jixtieq jagħti sehmu fis-servizz tas-Saltna u jġib ruħu sew, tistaʼ forsi tavviċina lil wieħed mill-anzjani fil-kumitat tas-servizz biex tiddiskutu s-sitwazzjoni. Wara li jiltaqgħu miegħek u mat-tifel, żewġ anzjani se jiddeterminaw jekk huwiex ikkwalifikat biex jiġi magħdud bħala pubblikatur. Hemm għalxiex wieħed jifraħ meta tfal jingħaqdu magħna f’li nfaħħru ’l Alla!
7 Jehovah biss jistħoqqlu s-servizz sagru tagħna. (Luqa 4:8) Jalla kull wieħed u waħda minna nużaw il-privileġġ mill-isbaħ tagħna li nfaħħruh “ferm.”—Salm 109:30; 113:3.