Nibdew Studji Tal-Bibbja Bil-Ktieb Tgħix Għal Dejjem
1 L-imħabba għan-nies għandha tqanqalna biex inkunu pronti f’li nerġgħu lura biex ngħinu lil dawk li huma bil-ġuħ u bil-għatx għall-verità. (Matt. 5:6) Għandna ninnotaw u nikkultivaw kwalunkwe xrara taʼ interess li nistgħu nsibu jekk ma rridux li tintefa. Il-preparazzjoni hija l-qofol għas-suċċess.
2 Il-mira tagħna għandha tkun li nibdew studji tal-Bibbja. (Matt. 28:20) L-ewwel stampâr tal-ktieb Tgħix Għal Dejjem inkluda dawn il-kummenti bħala introduzzjoni: “Dan tabilħaqq ktieb eċċellenti biex tużah f’li tistudja maʼ kulħadd, żgħar jew kbar, hu x’inhu l-livell t’edukazzjoni tagħhom.” Huwa miktub b’mod li jagħmilha iktar faċli li wieħed jikkonduċi studji tal-Bibbja, billi jgħin lil saħansitra pubblikaturi ġodda biex ikollhom sehem. Is-suċċess tagħna f’li nibdew studji ġodda tal-Bibbja jiddependi fuq kemm aħna effettivi f’li nagħmlu żjarat lura.
3 Kif Nistgħu Nibdew Studji Tal-Bibbja? Meta nerġgħu lura, ġeneralment ikun tajjeb li nkomplu d-diskussjoni tagħna b’xi punt jew mistoqsija li ssemmiet fiż-żjara li għamilna qabel. Forsi ddiskutejt il-kundizzjoni tal-mejtin, billi ħallejt il-mistoqsija, “X’tama hemm għall-maħbubin mejtin tagħna?” Spjega li l-irxoxt m’huwiex tama bla bażi; fil-Bibbja jinsabu għadd t’eżempji taʼ rxoxt li diġà seħħew. Ara l-istampi f’paġni 167-9. Imbagħad iddiskuti dak li huwa msemmi f’paragrafi 1 u 2 f’paġna 166. Jekk hemm l-interess, offri biex terġaʼ tmur biex tkompli d-diskussjoni.
4 Forsi int tkellimt maʼ xi ġenitur li esprima tħassib dwar il-problemi li dejjem jiżdiedu u li ġarrab hu waqt li kien qiegħed irabbi t-tfal. Int tistaʼ, fi kliemek, tgħid xi ħaġa bħal din:
◼ “Il-ġenituri kollha jixtiequ l-aħjar għal uliedhom. Il-Bibbja fiha istruzzjoni li tistaʼ tgħin lill-ġenituri biex iħarrġu lil uliedhom ħalli jsibu ħajja sodisfaċenti li għandha tifsir u skop. Għal dik ir-raġuni, aħna bil-qawwa kollha nirrikmandaw li l-familji jistudjaw il-Bibbja flimkien. [Irreferi għal paragrafu 23 f’paġna 246.] L-għarfien li jinkiseb jistaʼ jġib barkiet taʼ dejjem għall-familja kollha kemm hi.” Aqra Ġwann 17:3. Uri li int lest li tmur lura biex turi lill-familja kif jibdew l-istudju tagħhom.
5 Jekk int pubblikatur żagħżugħ jew ġdid u tkellimt fil-qosor dwar it-tama taʼ ġenna fl-ewwel żjara, bil-ktieb miftuħ f’paġna 3, sempliċement esprimi xi ħaġa bħal din:
◼ “Il-Bibbja twiegħed li dawk li jagħmlu r-rieda t’Alla se jħarsu ’l quddiem lejn li jgħixu f’dinja bħal din, fejn se jkun hemm hena u paċi. Dan il-ktieb juri dak li rridu nagħmlu biex ingawdu dik il-barka.” Fil-qosor spjega l-proċedura taʼ kif nagħmlu studju, u offri li turihom kif.
6 Bħala d-dixxipli taʼ Ġesù, għandna obbligu li ngħinu lin-nies. (Rum. 10:14) Jekk ħallejna letteratura jew sempliċement kellna konversazzjoni tajba, għandna r-responsabbiltà li nikkultivaw l-interess. (Matt. 9:37, 38) Jekk inwettqu dan l-inkarigu kif jixraq, nistgħu lkoll nieħdu sehem mill-barkiet li jirriżultaw.—1 Tim. 4:16.