“Il-Fidi Ssegwi L-Affarijiet Mismugħin”
1 Meta nsibu lil xi ħadd li hu ‘dispost sewwa għall-ħajja taʼ dejjem,’ huwa neċessarju li nsaħħu l-fidi taʼ dak l-individwu f’dak li jkun semaʼ. (Atti 13:48; Rum. 10:17) Għal dak l-għan, għandna nieħdu ħsieb li kull fejn ħallejna r-rivisti nerġgħu mmorru bl-aħħar ħarġiet u biex niddiskutu iktar. Fejn hemm interess ġenwin, jistgħu jiġu offruti abbonamenti. Madankollu, żomm f’moħħok il-mira li tibda studju bil-ktieb Tgħix Għal Dejjem. Dawn huma xi suġġerimenti li jistgħu jkunu t’għajnuna:
2 Meta tagħmel żjara lura fejn tkun tkellimt dwar l-artiklu “Faħħru Lis-Sultan Taʼ L-Eternità!,” int tistaʼ tibda hekk:
◼ “Meta tkellimna l-aħħar darba, aħna rajna xi ftit mill-ħafna evidenza li tagħti prova li hemm Alla li jistaʼ kollox. Madankollu, li sempliċement inkunu nafu bl-eżistenza tiegħu m’huwiex biżżejjed. Hemm bżonn li nsiru nafu ismu. Int b’liema isem issejjaħ lil Alla? [Agħti ħin għal tweġiba.] Miljuni taʼ nies sempliċement jgħajtulu ‘Mulej’ jew ‘Alla,’ li huma titli impersunali. Flimkien maʼ dan, hu jrid li aħna nkunu nafuh b’ismu. [Aqra Salm 83:18.] Il-Bibbja tgħidilna ħafna iktar dwar Alla Jehovah, kif inhu spjegat f’dan il-ktieb.” Uri l-istampa, u aqra l-kliem taʼ taħtha f’paġni 34 u 35 tal-ktieb Tgħix Għal Dejjem. Wara li tiddiskuti l-ewwel ftit paragrafi f’kapitlu 4, int tkun bdejt studju!
3 Maʼ dawk li magħhom iddiskutejt l-artiklu “Għala R-Reliġjon Dinjija Se Tispiċċa,” int tistaʼ tkompli taħdem fuq l-interess muri billi tgħid:
◼ “Wara li qrajt l-artiklu, int forsi bqajt mistagħġeb bil-fatt li ma nistgħux inħarsu lejn ir-reliġjonijiet kollha bl-istess mod. Jeżistu kemm reliġjon tajba u kemm reliġjonijiet foloz. Dan iqajjem il-mistoqsija loġika: Il-qima taʼ min jaċċetta Alla? It-tweġiba kienet ipprovduta minn Ġesù, u tinsab f’dan il-ktieb.” Mur f’kapitlu 3 tal-ktieb Tgħix Għal Dejjem u aqra paragrafu 11, u mbagħad Ġwann 4:23, 24. Wara dan staqsi: “Tixtieq taċċetta studju tal-Bibbja fid-dar b’xejn?” Jekk it-tweġiba hija pożittiva, sib kapitlu 1 u ibda l-istudju.
4 Jekk intwera interess fil-ħarġa taʼ l-“Awake!” tat-22 t’April, meta terġaʼ tmur lura tistaʼ tipprova dan il-mod biex tibda studju fil-ktieb “Knowledge”:
◼ “Int forsi tiftakar li kellna konversazzjoni dwar il-prospetti tagħna li xi darba naraw dinja mingħajr gwerer. Huwa diffiċli li nimmaġinaw kif se tkun din verament. Hawnhekk hawn stampa taʼ kif jimmaġinaha pittur. [Uri l-istampa f’paġni 188-9 fil-ktieb Knowledge.] Ma jkunx pjaċevoli li nkunu nistgħu ngawdu postijiet hekk? [Mur f’paġni 4-5, uri l-istampa, u aqra l-kaxxa.] L-isem taʼ dan il-ktieb jixbaħ lill-kliem taʼ Ġesù misjub fi Ġwann 17:3. [Aqra.] Jekk tippermettili, nixtieq nurik kif nistgħu nużaw dan il-ktieb flimkien mal-Bibbja tiegħek biex int issib dak l-għarfien li jsalva l-ħajja.” Jekk l-inkwilin jixtieq, ibda l-istudju fl-ewwel kapitlu.
5 Jekk tkellimt maʼ xi ħadd li kellu x’jagħmel meta mort l-ewwel darba, tistaʼ forsi tgħid dan li ġej meta terġaʼ tmur:
◼ “Jiena ġejt ftit ilu u ħallejt kopji tar-rivisti It-Torri Taʼ L-Għassa u l-Awake! Dawn il-ġurnali jibnu rispett lejn il-Bibbja u l-gwida morali tagħha. Minħabba li nħoss li huwa essenzjali li kulħadd jifhem il-Kelma t’Alla, jien erġajt ġejt biex nurik xi ħaġa li se tgħinek tagħmel dan.” Uri l-ktieb Tgħix Għal Dejjem, u iġbed l-attenzjoni lejn il-werrej f’paġna 5. Staqsi liema kapitlu jidher l-iktar interessanti, mur fih, u ibda l-istudju.
6 Il-ferħ tagħna se jkun kbir jekk jirnexxilna ‘niftħu għal oħrajn il-bieb tal-fidi’ li jwassal għal ħajja eterna.—Atti 14:27; Ġwann 17:3.