Ikkultiva Interess Fil-Ktieb Tgħix Għal Dejjem
1 Meta mmorru nħabbtu l-bibien, ġeneralment insibu li n-nies huma mehdijin bl-“anzjetajiet taʼ din is-sistema t’affarijiet.” (Mark 4:19) Niġu ffaċċjati mill-isfida taʼ li nqajmulhom interess bi preżentazzjoni li ġġagħalhom jaħsbu. Fil-bidu, il-biċċa l-kbira tan-nies għandhom mnejn ikollhom ftit li xejn interess f’dak li għandna x’ngħidulhom. Jekk nistgħu ngħidulhom xi ħaġa li tolqot lill-ħajjiet tagħhom, għandu mnejn jirnexxilna nqanqlu xi ftit taʼ l-interess fil-messaġġ tas-Saltna. Mod wieħed taʼ kif nibdew konversazzjonijiet huwa li nagħżlu punti biex nitkellmu b’mod li jappella għan-nies minn fuq il-ktieb Tgħix Għal Dejjem. X’tistaʼ tgħid?
2 Tistaʼ tuża din il-preżentazzjoni:
◼ “Kieku kellek il-qawwa, liema problema taʼ dwejjaq fi żmienna kont tirranġa int? [Stenna tweġiba, u jekk ikun xieraq, aqbel li ħafna nies iħossuhom hekk.] S’issa, il-mexxejja dinjin jidhru li ftit għandhom suċċess f’li jsibu s-soluzzjonijiet għall-ħafna problemi kkumplikati taʼ żmienna. Imma hemm Wieħed li jistaʼ u se jġib tmiem għall-problemi kollha li qegħdin jifilġu lill-umanità. Jekk jogħġbok innota x’hawn miktub f’Salm 145:16. [Aqra l-iskrittura, u irreferi għall-istampi f’paġni 11-13.] Paragrafu 14 f’paġna 14 iqajjem il-mistoqsija li għadna kif iddiskutejna u jkompli jistaqsi: ‘Imma dan meta se jiġri?’” Spjega li l-ktieb se jwieġeb dik il-mistoqsija, u jekk ikun hemm interess, offri l-ktieb.
3 Jew tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk:
◼ “Forsi taf kemm tħoss vojt ġo fik meta jmutlek xi ħadd li tħobb. X’aktarx li dan ġagħlek tħossok imnikket u bla ħila. Għandek mnejn qgħadt taħseb dwar dawn il-mistoqsijiet: [Aqra l-mistoqsijiet f’paragrafu 1 f’paġna 76.] Ma taħsibx li jkun taʼ faraġ li jkollok it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet? Jistaʼ jinkuraġġik li tkun taf li l-Bibbja toffri tama ċerta għal dawk li mietu. [Aqra Ġwann 5:28, 29.] Dan il-ktieb jgħinna nifhmu l-kundizzjoni tal-mejtin u x’tama hemm għall-futur.” Fil-qosor irreferi għal kapitli 8 u 20. Jekk jidher li hemm l-interess, agħti opportunità lill-inkwilin biex jeżamina l-ktieb.
4 Hemm possibiltà tajba li se tiltaqaʼ m’opportunitajiet biex tagħti xiehda informali. Jekk inhu hekk, tistaʼ fi kliemek tgħid xi ħaġa hekk:
◼ “Id-dinja mimlija problemi daż-żmien, u int bla dubju għandek il-problemi tiegħek. Jiddispjaċina ngħidu, jidher li l-innoċenti jsofru l-iktar. Taħseb li Alla qatt xi darba se jtemm din is-sofferenza kollha? [Stenna risposta.] Ħalli nurik Alla x’wiegħed li se jagħmel għal dawk li jaqduh. [Aqra Salm 37:40 u mbagħad iftaħ il-ktieb Tgħix Għal Dejjem f’paġna 99.] Dan il-ktieb jispjega għala Alla ppermetta l-ħażen u kif se jġibu fi tmiem.”
5 Jekk int pubblikatur iżgħar, tistaʼ tuża preżentazzjoni bbażata fuq l-istampi li jinsabu f’paġni 156-8. Tistaʼ tibda billi tistaqsi:
◼ “Tixtieq tgħix f’dinja bħal din? [Stenna risposta.] Kull waħda minn dawn l-istampi sbieħ hija bbażata fuq wegħda mniżżla fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja. [Indika r-referenzi Skritturali.] Il-ktieb jistaʼ jgħinek issir taf iktar dwar il-wegħda t’Alla li jagħmel l-art kollha ġenna. Dan fih informazzjoni li ssalva l-ħajja u veru jkun vallapena li tieħu l-ħin biex taqrah.”—Ġwann 17:3.