Għala Niltaqgħu Flimkien?
F’DAQQA waħda, ir-raġel taʼ Christine telaqha—wara 20 sena taʼ żwieġ. Christine sabet lilha nfisha waħedha biex trabbi sebaʼ subien u tifla. L-età tagħhom kienet tvarja bejn is-7 u t-18-il sena. “Issa jien kelli nieħu d-deċiżjonijiet importanti kollha waħdi,” hi tgħid. “Ħassejtni mtaqqla bir-responsabbiltà u kont nixxennaq għall-appoġġ u d-direzzjoni.” Fejn sabet l-għajnuna meħtieġa?
“Il-laqgħat Kristjani kienu bħal ħabel taʼ salvataġġ għalija u għal familti,” tgħid Christine. “Fil-laqgħat, aħna rċivejna appoġġ minn sħabna u gwida mill-Kelma t’Alla. Attendenza regulari għal-laqgħat għenitna f’kull aspett importanti tal-ħajja tal-familja tagħna.”
Matul dawn iż-“żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom,” ilkoll kemm aħna rridu nkampaw maʼ diversi provi. (2 Timotju 3:1) Bħal Christine, int tistaʼ tħares lejn il-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova bħala ħabel taʼ salvataġġ għall-ħajja spiritwali, parti vitali tal-qima tagħna lil Ġeħova. Wisq probabbli, il-ħames laqgħat tal-kongregazzjoni skedati kull ġimgħa jqanqlu l-imħabba tiegħek għal Alla, isaħħu t-tama tiegħek għall-futur, u jipprovdulek gwida bbażata fuq il-Bibbja dwar kif tkampa mal-provi.
Madankollu, hemm xi wħud li jsibuha diffiċli biex jattendu l-laqgħat regolarment. Huma jkunu eżawriti fl-aħħar tal-ġurnata, u l-ħsieb li jilbsu lbies xieraq u jivvjaġġaw għal-laqgħa jistaʼ jaqtgħalhom qalbhom. Xi wħud isibu li l-iskeda tax-xogħol tagħhom regolarment ittellifhom milli jattendu l-laqgħa. Biex jattendu l-laqgħat kollha, huma jkollhom jgħaddu b’inqas flus jew jistgħu jkunu f’riskju li jitilfu l-impjieg. Xi wħud jistgħu jitilfu l-laqgħat għaliex jaħsbu li xi rikreazzjoni tistaʼ tkun iktar rifreskanti milli jassoċjaw mal-kongregazzjoni.
Allura, x’raġunijiet konvinċenti għandhom iqanqluk tattendi l-laqgħat Kristjani? Int personalment kif tistaʼ tagħmel dawn l-okkażjonijiet rifreskanti? Biex niġu megħjunin inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, ejja neżaminaw l-istedina tenera taʼ Ġesù dokumentata f’Mattew 11:28-30. Hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.”
“Ejjew Għandi”
Ġesù qal: “Ejjew għandi.” Mod wieħed kif nistgħu nwieġbu għal din l-istedina hu billi nattendu l-laqgħat regolarment. Hemm raġuni tajba għala għandek tkun preżenti, għaliex f’okkażjoni oħra Ġesù qal: “Għax fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin flimkien f’ismi, jien inkun hemmhekk f’nofshom.”—Mattew 18:20.
Fl-ewwel seklu, Ġesù personalment stieden lil diversi nies biex isegwuh. B’hekk, hu kien qed jagħtihom l-opportunità biex igawdu sħubija mill-qrib miegħu. Xi wħud aċċettaw mill-ewwel. (Mattew 4:18-22) Oħrajn ħallew affarijiet bħall-interessi materjali jwaqqfuhom milli jaċċettaw dik l-istedina. (Marku 10:21, 22; Luqa 9:57-62) Lil dawk li segwewh, Ġesù qallhom din l-istqarrija rassiguranti: “M’għażiltunix intom, imma jien għażilt lilkom.”—Ġwanni 15:16.
Wara l-mewt u l-irxoxt tiegħu, Kristu ma kienx għadu preżenti b’mod fiżiku mad-dixxipli tiegħu. Imma hu kien għadu magħhom fis-sens li kien qed jidderieġi l-attività tagħhom u josserva kif kienu qed iwieġbu għall-pariri tiegħu. Per eżempju, madwar 70 sena wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù ta parir u inkuraġġiment lil sebaʼ kongregazzjonijiet fl-Asja Minuri. Il-kummenti tiegħu wrew li kellu għarfien dettaljat dwar it-tajjeb u l-ħażin taʼ l-individwi f’dawk il-kongregazzjonijiet.—Rivelazzjoni 2:1–3:22.
Ġesù għadu interessat profondament f’kull dixxiplu tiegħu. Hu jwiegħed: “Ara, jien magħkom il-jiem kollha sa tmiem is-sistema.” (Mattew 28:20) Aħna issa qed ngħixu fi żmien taʼ l-aħħar, u għalhekk għandna bżonn naġixxu fi qbil maʼ l-istedina taʼ Ġesù biex insegwuh. Sa ċertu punt, li nagħmlu dan jirrikjedi li nattendu l-laqgħat regolarment. Ġesù jrid li nisimgħuh u li ‘nitgħallmu minnu’ permezz taʼ studji u taħditiet ibbażati fuq il-Bibbja li jkollna regolarment fil-laqgħat. (Efesin 4:20, 21) Qiegħed int twieġeb għall-istedina taʼ Ġesù: “Ejjew għandi”?
“Intom Ilkoll li Mħabbtin u Mgħobbijin”
Raġuni vitali għala għandek tattendi l-laqgħat Kristjani hi biex tirċievi l-inkuraġġiment. (Ebrej 10:24, 25) Ħafna minna huma ċertament “imħabbtin u mgħobbijin” b’diversi modi. Int tistaʼ tkun mgħobbi ħafna b’ansjetajiet persunali, bħal problemi taʼ saħħa. Fil-laqgħat Kristjani, int tistaʼ tieħu pjaċir b’inkuraġġiment reċiproku. (Rumani 1:11, 12) Per eżempju, int se tismaʼ kummenti li jibnu spiritwalment, se tiġi mfakkar bit-tama tiegħek ibbażata fuq il-Bibbja, u se tosserva l-fidi t’oħrajn li qed jissaportu l-provi. Dan kollu se jgħinek biex tkampa mal-problemi tiegħek u biex tħares lejhom b’mod bilanċjat.
Ikkunsidra dak li qalet mara Kristjana li hi limitata minħabba marda kronika. “Il-marda tiegħi titlob li nqattaʼ ftit taż-żmien l-isptar,” tispjega hi. “Li mmur il-laqgħat wara li nkun qgħadt l-isptar jistaʼ jkun taʼ sfida, iżda hemm jinsab posti. L-affezzjoni u l-imħabba li juru l-aħwa jimlieni bil-ferħ, u t-tagħlim u d-direzzjoni mogħtijin minn Ġeħova u Ġesù jagħtuni skop f’ħajti.”
“Għax il-Madmad Tiegħi Ħelu u t-Tagħbija Tiegħi Ħafifa”
Innota li fis-silta li qed neżaminaw, Ġesù qal: “Tgħallmu minni.” Billi nitgħallmu minn Ġesù, aħna nsiru dixxipli tiegħu, u nieħdu fuqna l-madmad tiegħu meta niddedikaw ħajjitna lil Alla u nitgħammdu. (Mattew 28:19, 20) Parteċipazzjoni regulari fil-laqgħat hija vitali biex nibqgħu dixxipli taʼ Kristu. Għala? Għaliex huwa fil-laqgħat Kristjani li aħna niġu mgħallmin dwar Ġesù, it-tagħlim tiegħu, u l-metodi tiegħu.
X’inhu t-toqol li Kristu jridna nġorru? Huwa l-istess toqol li jġorr hu—il-privileġġ li jagħmel ir-rieda t’Alla. (Ġwanni 4:34; 15:8) Jirrikjedi sforz biex tobdi l-kmandamenti t’Alla, iżda din it-tagħbija m’hijiex daqshekk tqila li ma nistgħux inġorruha. Jekk nipprovaw inġorruha waħedna tistaʼ tidher li hi taʼ piż. Madankollu, jekk aħna nitolbu għall-ispirtu t’Alla u nsostnu lilna nfusna permezz taʼ l-ikel spiritwali li ningħataw fil-laqgħat tagħna, aħna se nirċievu “l-qawwa iktar min-normal” mingħand Alla. (2 Korintin 4:7) Billi nippreparaw għal-laqgħat u nipparteċipaw fihom, l-imħabba tagħna għal Ġeħova se tissaħħaħ iktar. U meta nkunu motivati mill-imħabba, il-kmandamenti t’Alla ‘ma jkunux tqal.’—1 Ġwanni 5:3.
In-nies in ġenerali jiffaċċjaw sfidi bħal li jaqilgħu l-għajxien, ikampaw maʼ problemi taʼ saħħa, u jittrattaw maʼ problemi persunali. Madankollu, biex nittrattaw dawn il-problemi ma nistriħux biss fuq għerf uman. Il-laqgħat fil-kongregazzjoni jgħinuna biex ma ‘nibqgħux inkunu ansjużi,’ għaliex Ġeħova jipprovdilna l-bżonnijiet tagħna u jgħinna nkampaw mal-problemi. (Mattew 6:25-33) Tabilħaqq, il-laqgħat Kristjani huma espressjoni taʼ l-imħabba t’Alla għalina.
“Għax Jien Ġwejjed u Umli f’Qalbi”
Kienet id-drawwa taʼ Ġesù li jmur is-sinagoga, fejn il-Kelma t’Alla kienet tiġi diskussa. F’okkażjoni minnhom, Ġesù ħa l-iskroll taʼ Isaija u qara: “L-ispirtu taʼ Ġeħova qiegħed fuqi, għax Hu dilikni biex inxandar l-aħbar tajba lill-foqra, bagħatni nippriedka l-ħelsien lill-imjassrin u l-għoti tad-dawl lill-għomja, biex neħles lill-imgħakksin, biex nippriedka s-sena tal-favur mingħand Ġeħova.” (Luqa 4:16, 18, 19) Min jaf kemm kien ikun taʼ ferħ li tismaʼ lil Ġesù japplika dan il-kliem billi jgħid: “Illum twettqet din l-iskrittura li għadkom kemm smajtu”!—Luqa 4:21.
Ġesù, ir-“ragħaj ewlieni” li hu ġwejjed, għadu jieħu ħsieb l-indokrar spiritwali tas-segwaċi tiegħu. (1 Pietru 5:1-4) Taħt id-direzzjoni tiegħu, “l-ilsir leali u għaqli” ħatar irġiel bħala rgħajja fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja. (Mattew 24:45-47; Titu 1:5-9) Dawn l-irġiel ‘jirgħu l-kongregazzjoni t’Alla’ bil-ħlewwa u huma t’eżempju tajjeb billi regolarment jattendu l-laqgħat. Int tistaʼ turi l-apprezzament tiegħek għal dawn l-“irġiel bħala għotjiet” billi tattendi l-laqgħat, fejn int tistaʼ tinkuraġġixxi lil oħrajn bil-preżenza u bil-parteċipazzjoni tiegħek.—Atti 15:30-33; 20:28; Efesin 4:8, 11, 12.
“Intom Issibu Serħan għal Ruħkom”
Meta tattendi l-laqgħat Kristjani, kif tistaʼ taċċerta ruħek li dawn l-okkażjonijiet huma tassew rifreskanti? Mod wieħed hu billi tapplika l-parir taʼ Ġesù: “Oqogħdu attenti kif tisimgħu.” (Luqa 8:18) Nies li xtaqu verament jitgħallmu qagħdu attenti ferm għal dak li qal Ġesù. Huma staqsewh biex jispjega t-tixbihat tiegħu u, b’riżultat taʼ dan, kienu premjati b’iktar fehma.—Mattew 13:10-16.
Int tistaʼ timita lil uħud bil-ġuħ spiritwalment bħal dawn billi b’attenzjoni tismaʼ t-taħditiet fil-laqgħat tagħna. (Mattew 5:3, 6) Biex tgħin lil moħħok jibqaʼ ffokat, ipprova segwi l-irraġunar tal-kelliemi. F’qalbek staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal: ‘Kif nistaʼ napplika din l-informazzjoni f’ħajti? B’liema mod nistaʼ nużaha biex ngħin lil ħaddieħor? Kif nistaʼ nispjega dan il-punt?’ Barra minn hekk, fittex l-iskritturi li jkun qed juża l-kelliemi sabiex tappoġġa l-punti prinċipali tiegħu. Iktar ma tagħti attenzjoni għal dak li jkun qed jingħad, iktar se tħoss li l-laqgħat huma rifreskanti.
Wara l-laqgħa, iddiskuti l-programm m’oħrajn. Iffoka fuq il-materjal u kif jistaʼ jiġi applikat. Diskussjonijiet inkuraġġanti jagħmlu l-laqgħat tassew rifreskanti.
Mingħajr dubju aħna għandna kull raġun biex niltaqgħu flimkien. Wara li tirrivedi l-benefiċċji li għadna kif rajna, għala ma tistaqsix lilek innifsek, ‘Jien kif qed inwieġeb għall-istedina taʼ Ġesù: “Ejjew għandi”?’
[Stampi f’paġna 11]
Hemm xi attivitajiet oħrajn li jfixkluk milli tattendi l-laqgħat?