LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 11/1 pp. 26-30
  • Ikkultiva Spirtu Ġeneruż

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ikkultiva Spirtu Ġeneruż
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Eżempju taʼ Għoti Kristjan
  • L-​Appoġġ Ġeneruż taʼ David għall-​Qima Vera
  • Jehovah​—L-​Iktar Wieħed li Jagħti
  • Nuru Gratitudni lil Jehovah
  • Għoti bil-Ferħ mill-Qalb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Naqdu lil Alla b’“Qalb u Ruħ Waħda”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Issib Int Ferħ fil-‘Privileġġ li Tagħti b’Qalb Tajba’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • “Il-Barka tal-Mulej Iġġib l-Għana”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 11/1 pp. 26-30

Ikkultiva Spirtu Ġeneruż

ĦADD ma jitwieled bi spirtu ġeneruż. L-​inklinazzjoni naturali tat-​tfal ċkejknin hija li jakkwistaw dak li jridu u dak li għandhom bżonn, mingħajr lanqas biss jaħsbu dwar l-​interessi taʼ min ikun qed jieħu ħsiebhom. Però, maż-​żmien it-​tfal jitgħallmu li fid-​dinja mhux huma biss jeżistu. Huma jridu jitgħallmu li l-​bżonnijiet taʼ l-​oħrajn iridu jiġu kunsidrati wkoll, u ma jistgħux jiġbdu lejhom biss imma jridu wkoll jagħtu u jaqsmu maʼ ħaddieħor. Irid jiġi kultivat spirtu ġeneruż.

Mhux kulmin jagħti​—anki jekk b’abbundanza​—għandu spirtu ġeneruż. Hemm min joffri xi donazzjoni għall-​gwadann persunali tiegħu. Oħrajn għandhom mnejn jagħtu xi ħaġa sabiex jaqilgħu t-​tifħir mingħand ħaddieħor. Madankollu, l-​għoti li jiġi mingħand Kristjani ġenwini huwa differenti. Mela x’inhuma l-​karatteristiċi taʼ l-​għoti li huwa inkuraġġit fil-​Kelma t’Alla? Jekk neżaminaw fil-​qosor il-​ġenerożità li ntweriet mill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu nkunu nistgħu nwieġbu din il-​mistoqsija.

Eżempju taʼ Għoti Kristjan

L-​għoti Kristjan, kif inhu deskritt fil-​Bibbja, ġeneralment kien jinvolvi ‘li jaqsmu dak li kellhom’ maʼ ħaddieħor li kien fil-​bżonn. (Lhud 13:16; Rumani 15:26) Ma kienx xi ħaġa li trid tagħmilha għax bilfors. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Kull wieħed għandu jagħti skond ma jidhirlu hu minn rajh, mhux fuq il-​qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-​ferħ.” (2 Korintin 9:7) L-​għoti lanqas ma kellu jsir għal għajn in-​nies. Ananija u Safira hekk għamlu u ħallsu qares għal dan.​—Atti 5:​1-​10.

Il-ħtieġa għall-​għoti bdiet tinħass meta ħafna Lhud u proseliti minn postijiet imbiegħda nġabru f’Ġerusalemm għall-​festa taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K. Kien hemmhekk li s-​segwaċi taʼ Ġesù “mtlew ilkoll bl-​Ispirtu s-​Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra.” Kotra kbira nġabret madwarhom u semgħet it-​taħdita kollha ħeġġa li Pietru ta dwar Ġesù Kristu. Iktar tard, in-​nies raw kif Pietru u Ġwanni fejqu raġel magħtub f’bieb it-​tempju, u għal darb’oħra semgħu lil Pietru jitkellem dwar Ġesù u l-​bżonn għall-​indiema. Eluf nidmu u tgħammdu bħala segwaċi taʼ Kristu.​—Atti, kapitli 2 u 3.

In-nies li kienu għadhom kif ikkonvertew riedu jibqgħu Ġerusalemm biex jingħataw iktar tagħlim mill-​appostli taʼ Ġesù. Imma l-​appostli kif setgħu jlaħħqu mal-​bżonnijiet taʼ dawn il-​viżitaturi kollha? Ir-​rakkont tal-​Bibbja jgħidilna: “Kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-​flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħedhom f’riġlejn l-​appostli. Mbagħad kien jitqassam kollox skond il-​ħtieġa taʼ kull wieħed.” (Atti 4:​33-​35) Il-​kongregazzjoni li kienet għadha kemm ifformat verament kellha spirtu ġeneruż!

Iktar tard, kongregazzjonijiet oħrajn urew l-​istess spirtu ġeneruż. Per eżempju, il-​Kristjani tal-​Maċedonja, minkejja li huma stess kienu fqar, taw iktar milli setgħu sabiex jgħinu lil ħuthom fil-​bżonn ġol-​Lhudija. (Rumani 15:26; 2 Korintin 8:​1-7) Il-​kongregazzjoni ġewwa Filippi kienet minn taʼ l-​ewwel biex tappoġġa lil Pawlu fil-​ministeru. (Filippin 4:​15, 16) Il-​kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm stess kuljum kienet tqassam l-​ikel lir-​romol fil-​bżonn, u l-​appostli ħatru sebat irġiel kwalifikati biex jieħdu ħsieb li l-​ebda waħda mir-​romol li kien jixirqilhom ma tinqabeż.​—Atti 6:​1-​6.

Il-kongregazzjonijiet Kristjani tal-​bidu malajr kienu jgħinu lil xulxin saħansitra meta kienu qed jistennew li jiġu fuqhom żminijiet iebsa. Per eżempju, meta l-​profeta Agabu bassar li kien ġej ġuħ kbir, id-​dixxipli fil-​kongregazzjoni t’Antjokja tas-​Sirja “qatgħuha li lkoll kemm kienu, kull wieħed skond ma kien jistaʼ, jibagħtu l-​għajnuna lil ħuthom li kienu joqogħdu fil-​Lhudija.” (Atti 11:​28, 29) Dawn id-​dixxipli tassew urew spirtu mill-​aħjar billi raw bil-​quddiem x’kienu se jkunu l-​bżonnijiet taʼ ħuthom!

X’qanqal lill-​Kristjani tal-​bidu jkollhom daqstant imħabba u jkunu daqshekk ġenerużi? Tabilħaqq, wieħed kif jistaʼ jkollu spirtu ġeneruż? Nistgħu nitgħallmu ħafna billi nirrivedu fil-​qosor l-​eżempju tas-​Sultan David.

L-​Appoġġ Ġeneruż taʼ David għall-​Qima Vera

Għal kważi 500 sena, l-​arka tal-​patt​—kaxxa sagra li kienet tirrappreżenta l-​preżenza taʼ Jehovah​—ma kellha l-​ebda post permanenti fejn toqgħod. Din kienet tinżamm ġo tinda, jew tabernaklu, li kienet tinġarr minn post għall-​ieħor matul iż-​żmien li l-​Iżraelin kienu jiġġerrew fid-​deżert u meta wara daħlu fl-​Art Imwiegħda. Is-​Sultan David kellu xewqa kbira li jieħu l-​arka minn ġot-​tinda fejn kienet tinżamm u jibni dar xierqa għal Jehovah li fiha tinżamm l-​arka sagra. Meta kellem lill-​profeta Natan, David qallu: “Issa jien qiegħed f’dar taċ-​ċedru, u l-​arka tal-​patt tal-​Mulej qiegħda taħt tinda.”​—1 Kronaki 17:1.

Iżda, David kien raġel tal-​gwerra. Għalhekk, Jehovah ordna li kellu jkun ibnu Salamun li, matul ir-​renju paċifiku tiegħu, kellu jibni t-​tempju sabiex fih titpoġġa l-​arka tal-​patt. (1 Kronaki 22:​7-​10) Madankollu, dan ma waqqafx lil David milli juri spirtu ġeneruż. Hu organizza grupp kbir taʼ ħaddiema u beda jħejji biex jipprovdi l-​materjal li kellu jintuża fil-​bini tat-​tempju. Imbagħad, hu qal lil Salamun: “Ara, b’taħbit kbir ħejjejt għal dar il-​Mulej mitt elf talent tad-​deheb u miljun talent tal-​fidda; u bronż u ħadid bla qjies għax hemm bil-​kotra; u injam u ħaġar ħejjejt ukoll, u int tkompli żżid magħhom.” (1 Kronaki 22:14) David ma kkuntentax ruħu b’dan biss, imma mill-​ġid persunali tiegħu hu ta deheb u fidda li llum jiswa madwar Lm490,000,000. Iktar minn hekk, il-​prinċpijiet taw bl-​abbundanza wkoll. (1 Kronaki 29:​3-9) Bla dubju, David tassew wera spirtu taʼ għoti ġeneruż!

X’qanqal lil David biex jagħti b’tant ġenerożità? Hu apprezza l-​fatt li dak kollu li kien kiseb u li kien wettaq kien ir-​riżultat tal-​barka taʼ Jehovah. F’talba hu qal: “Mulej Alla tagħna, dan il-​ġid kollu li ħejjejna għall-​bini taʼ dar għall-​isem qaddis tiegħek, minn idejk ġej, u kollu hu tiegħek. Jiena naf, Alla tiegħi, li int tgħarbel il-​qalb, u titgħaxxaq bis-​sewwa. Jien b’qalb sinċiera tajt dan kollu minn rajja, u issa qiegħed nara dan il-​poplu tiegħek li jinsab hawn joffrilek dan kollu ferħan minn qalbu.” (1 Kronaki 29:​16, 17) David kien jgħożżha b’qalbu kollha r-​relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah. Hu ra l-​bżonn li jaqdi lil Jehovah ‘b’qalb sħiħa u b’rieda soda,’ u dan kien jieħu pjaċir jagħmlu. (1 Kronaki 28:9) Dawn l-​istess kwalitajiet qanqlu wkoll lill-​Kristjani bikrin biex juru spirtu ġeneruż.

Jehovah​—L-​Iktar Wieħed li Jagħti

Jehovah hu l-​aqwa eżempju taʼ l-​għoti. Tant iħobb u jieħu ħsieb li “jtallaʼ x-​xemx tiegħu sew fuq il-​ħżiena u sew fuq it-​tajbin, u jniżżel ix-​xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.” (Mattew 5:​45) Lill-​bnedmin kollha jagħtihom “il-​ħajja u n-​nifs u kollox.” (Atti 17:25) Verament, bħalma jiġbdilna l-​attenzjoni d-​dixxiplu Ġakbu, “kull don perfett jiġi mis-​sema, jinżel mingħand il-​Missier, l-​għajn tad-​dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell taʼ tidwir.”​—Ġakbu 1:​17.

L-aqwa għotja li qatt tana Jehovah hi li bagħat “lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:​16) Ħadd ma jistaʼ jgħid li jistħoqqlu rigal bħal dan, għax “il-​bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-​glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:​23, 24; 1 Ġwanni 4:​9, 10) Il-​fidwa taʼ Kristu hija l-​bażi u l-​mezz għall-​“għotja b’xejn [t’Alla] li ma tistax tiġi deskritta,” jiġifieri, “il-​qalb tajba mhix mistħoqqa li tisboq t’Alla.” (2 Korintin 9:​14, 15, NW) Pawlu, mimli apprezzament għal dan id-​don, jew rigal mingħand Alla, għażel li jiddedika ħajtu biex ‘jagħti xhieda taʼ l-​Evanġelju tal-​grazzja taʼ Alla.’ (Atti 20:24) Hu għaraf li kienet ir-​rieda t’Alla “li l-​bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-​verità.”—1 Timotju 2:4.

Illum, dan qiegħed jitwettaq permezz tax-​xogħol kbir taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim li issa nfirex f’234 pajjiż madwar id-​dinja. Ġesù bassar dan it-​tkabbir meta qal: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Iva, “l-​ewwel jeħtieġ li l-​Evanġelju jkun imxandar lill-​ġnus kollha.” (Mark 13:10) Is-​sena l-​oħra, iktar minn sitt miljun proklamatur taʼ l-​aħbar tajba qattgħu 1,202,381,302 sigħat f’dan ix-​xogħol u kkonduċew iktar minn 5,300,000 studju tal-​Bibbja. Peress li hemm il-​ħajjiet fin-​nofs, dan il-​kmand huwa tassew vitali.​—Rumani 10:​13-​15; 1 Korintin 1:​21.

Miljuni taʼ pubblikazzjonijiet​—li jinkludu Bibbji, kotba, u browxers​—jiġu stampati kull sena biex jgħinu lil dawk li huma bil-​ġuħ għall-​verità tal-​Bibbja. Iktar minn hekk, qed jiġu stampati ferm iżjed minn biljun kopja tar-​rivisti It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! Hekk kif in-​nies iwieġbu għall-​aħbar tajba, qed jinbnew iktar u iktar Swali tas-​Saltna u Swali taʼ l-​Assembleat tax-​Xhieda taʼ Jehovah li jservu bħala ċentri tat-​tagħlim fuq il-​Bibbja. Assembleat tas-​circuit u ġranet t’assembleat speċjali kif ukoll konvenzjonijiet distrettwali jiġu organizzati kull sena. Proċess kontinwu ieħor huwa t-​taħriġ tal-​missjunarji, taʼ l-​indokraturi li jivvjaġġaw, taʼ l-​anzjani, u tal-​qaddejja ministerjali. Aħna grati lejn Jehovah talli għamel dawn il-​provvedimenti meħtieġa kollha disponibbli permezz taʼ “l-​ilsir leali u diskret.” (Mattew 24:​45-​47, NW) Żgur li aħna nixtiequ nuruh il-​gratitudni tagħna għal dan kollu!

Nuru Gratitudni lil Jehovah

Bħal fil-​każ tal-​bini tat-​tempju u taʼ l-​arranġament biex jintlaħqu l-​bżonnijiet fil-​kongregazzjonijiet Kristjani tal-​bidu, il-​finanzi għall-​dawn l-​affarijiet kollha jiġu biss minn kontribuzzjonijiet volontarji. Però, irridu niftakru li ħadd ma jistaʼ jagħmel lil Jehovah, is-​Sid taʼ kollox, iktar sinjur milli hu. (1 Kronaki 29:14; Ħaggaj 2:8) Għalhekk, il-​kontribuzzjonijiet huma evidenza taʼ l-​imħabba tagħna għal Jehovah u tax-​xewqa tagħna biex navanzaw il-​qima vera. Dawn il-​ġesti taʼ ġenerożità, jgħid Pawlu, joħolqu ‘innu taʼ radd il-​ħajr lil Alla.’ (2 Korintin 9:​8-​13) Jehovah jinkuraġġixxi għoti bħal dan għaliex dan juri li għandna spirtu ġeneruż u qalb mimlija mħabba lejh. Dawk li huma ġenerużi u li jistrieħu fuq Jehovah se jiġu mberkin minnu u se jimxu ’l quddiem spiritwalment. (Dewteronomju 11:​13-15; Proverbji 3:​9, 10; 11:25) Ġesù aċċertana li bħala riżultat se jkollna l-​ferħ: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.”​—Atti 20:35.

Il-Kristjani li għandhom spirtu ġeneruż ma joqogħdux sempliċement jistennew sakemm jinqalaʼ xi bżonn. Minflok, huma jfittxu opportunitajiet biex ‘jagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd, l-​iktar maʼ qrabathom fil-​fidi.’ (Galatin 6:​10) Biex jinkuraġġixxi t-​tip taʼ ġenerożità li jrid Alla, Pawlu kiteb: “Tinsewx tagħmlu l-​ġid lill-​oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.” (Lhud 13:16) Jekk nużaw kulma għandna​—il-​ħin, is-​saħħa, u l-​finanzi—biex ngħinu lil oħrajn u biex navanzaw il-​qima safja, Alla Jehovah verament jieħu pjaċir. Tabilħaqq, hu jħobb spirtu ġeneruż.

[Kaxxa/Stampa f’paġni 28, 29]

Modi Kif Xi Wħud Jagħżlu li Jagħtu

KONTRIBUZZJONIJIET GĦAX-​XOGĦOL MAD-​DINJA KOLLHA

Ħafna jwarrbu, jew ifaddlu, ammont li jitfgħuh fil-​kaxxi tal-​kontribuzzjoni li fuqhom ikun hemm miktub “Kontribuzzjonijiet għax-​Xogħol mad-​Dinja Kollha​—Mattew 24:14.”

Kull xahar, il-​kongregazzjonijiet jibagħtu dawn l-​ammonti lill-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Jehovah li jaqdi f’pajjiżhom. Donazzjonijiet volontarji taʼ flus jistgħu jintbagħtu direttament lill-​Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania, c/o Office of the Secretary and Treasurer, 25 Columbia Heights, Brooklyn, New York 11201-2483, jew lill-​uffiċċju li jservi f’pajjiżek. Iċ-​ċekkijiet għandhom ikunu pagabbli lill-​“WatchTower.” Ġojjelli jew affarijiet prezzjużi oħrajn jistgħu jingħataw bħala donazzjoni wkoll. Maʼ dawn il-​kontribuzzjonijiet għandha tintbagħat ittra qasira li tistqarr li din hija għotja għalkollox.

ARRANĠAMENT TAʼ DONAZZJONI KUNDIZZJONALI

Il-​flus jistgħu jingħataw bħala donazzjoni b’arranġament speċjali biex f’każ li d-​donatur jerġaʼ jitlobha, id-​donazzjoni tkun tistaʼ tingħatalu lura. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-​Uffiċċju tas-​Segretarju u t-​Teżorier fl-​indirizz li ngħata diġà.

IPPJANAR ĠENERUŻ

Minbarra l-​flus li jingħataw għalkollox u d-​donazzjonijiet kundizzjonali taʼ flus, hemm metodi oħrajn kif wieħed jagħmel għotjiet li jkunu taʼ benefiċċju għas-​servizz tas-​Saltna mad-​dinja kollha. Dawn jinkludu:

Assigurazzjoni: Il-​Watch Tower Society tistaʼ tiġi intitolata bħala l-​benefiċjarja tal-​polza t’assigurazzjoni fuq il-​ħajja jew pjan taʼ rtirar mix-​xogħol u pensjoni.

Kontijiet fil-​Bank: Kontijiet fil-​bank, ċertifikati taʼ depożitu, jew kontijiet individwali taʼ rtirar mix-​xogħol jistgħu jitpoġġew b’fedekommess jew jintgħamlu pagabbli lilha mal-​mewt għall-​Watch Tower Society, fi qbil mal-​ħtiġijiet lokali tal-​bank.

Ishma u Titoli: Jistgħu jingħataw ishma u titoli b’donazzjoni lill-​Watch Tower Society bħala għotja għalkollox.

Proprjetà Immobbli: Proprjetà immobbli li tistaʼ tinbiegħ tistaʼ tingħata bħala donazzjoni jew billi ssir għotja għalkollox jew, fil-​każ taʼ proprjetà li jkun hemm in-​nies joqogħdu fiha, billi l-​proprjetà tinżamm tul il-​ħajja tad-​donatur, li jkun jistaʼ jkompli jgħix fiha matul ħajtu. Ikkuntattja lill-​uffiċċju tal-​fergħa f’pajjiżek qabel ma tagħmel xi kuntratt biex tagħti l-​proprjetà immobbli.

Testmenti u Fedekommessi: Jistgħu jitħallew xi flus jew proprjetà lill-​Watch Tower Society permezz taʼ testment effettwat bil-​liġi, jew il-​Watch Tower Society tistaʼ tissejjaħ bħala l-​benefiċjarja taʼ ftehim fedekommess. Fedekommess li jkun taʼ benefiċċju għal organizzazzjoni reliġjuża jistaʼ jipprovdi ċerti vantaġġi mit-​taxxi.

Bħalma jimplika t-​terminu “ppjanar ġeneruż,” dawn it-​tipi taʼ donazzjonijiet jirrikjedu tipikament xi ppjanar min-​naħa tad-​donatur. Il-​Watch Tower Society ħejjiet browxer bl-​Ingliż u bl-​Ispanjol intitolat Charitable Planning to Benefit Kingdom Service Worldwide biex tgħin lil individwi li jkunu jixtiequ jagħmlu xi forma taʼ ppjanar ġeneruż għall-​benefiċċju tax-​xogħol taʼ madwar id-​dinja tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​browxer inkiteb sabiex iwieġeb il-​ħafna mistoqsijiet rigward għotjiet, testmenti, u fedekommessi. Fih ukoll iktar informazzjoni utli dwar ippjanar taʼ proprjetà, finanzi, u taxxi. Dan jinforma lil individwi dwar diversi modi kif jistgħu jagħmlu għotjiet issa jew li jħalluhom b’testment mal-​mewt. Wara li qraw il-​browxer u ħadu parir mingħand il-​konsulenti legali jew tat-​taxxi tagħhom stess u miċ-​Charitable Planning Office, ħafna setgħu jassistu lix-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha u fl-​istess ħin jieħdu l-​massimu mill-​benefiċċji marbutin mat-​taxxi talli għamlu dan. Dan il-​browxer jistaʼ jinkiseb billi wieħed jistaqsi għal kopja direttament miċ-​Charitable Planning Office.

Għal iktar informazzjoni, tistaʼ tikkuntattja liċ-​Charitable Planning Office, b’ittra jew bit-​telefon, fl-​indirizz t’hawn taħt jew taʼ l-​uffiċċju tax-​Xhieda taʼ Jehovah li jservi f’pajjiżek.

Charitable Planning Office

Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania

100 Watchtower Drive,

Patterson, New York 12563-9204

Telefon: (845) 306-0707

[Stampa f’paġna 26]

X’qanqal lill-​Kristjani tal-​bidu biex ikunu ġenerużi?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja