LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 12/1 pp. 26-29
  • Tħallix it-Tajjeb Tiegħek Isir id-Dgħjufija Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tħallix it-Tajjeb Tiegħek Isir id-Dgħjufija Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Uża l-​Kapaċitajiet Mentali bil-​Għaqal
  • Ħalli l-​Kristjanità Żżid mat-​Tajjeb Tiegħek
  • Attitudni Bilanċjata lejn il-​Privileġġi
  • Nisa Kapaċi—Barka Meraviljuża
  • Nikkontrollaw Karattru Sod
  • Il-Barka taʼ Jehovah Tagħmilna Għonja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Napprezzaw id-‘Doni fi Bnedmin’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Missier u Anzjan—Iwettaq iż-Żewġt Irwoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Kun Ferħan b’Dak li Tistaʼ Tagħmel Int!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 12/1 pp. 26-29

Tħallix it-​Tajjeb Tiegħek Isir id-​Dgħjufija Tiegħek

Mibni b’sittax-il kumpartiment li ma setax jidħol ilma fihom, il-​vapur lussuż Titanic kien meqjus bħala wieħed li ma setaʼ jegħreq qatt. Meta għamel l-​ewwel vjaġġ tiegħu fl-​1912, kien qed iġorr biss madwar nofs in-​numru taʼ dgħajjes tas-​salvataġġ li kien jeħtieġ. Il-​vapur ħabat maʼ massa enormi taʼ silġ u għereq, u b’hekk intilfu l-​ħajjiet taʼ 1,500 ruħ.

IS-​SULTAN Għużżija taʼ Ġerusalemm tal-​qedem, raġel li kellu l-​biżaʼ t’Alla, kien kmandant militari taʼ ħila kbira. Bl-​għajnuna taʼ Jehovah, hu għeleb lill-​għedewwa tiegħu wieħed wara l-​ieħor. “Hekk ismu [isem Għużżija] xtered sa fil-​bogħod, għax kellu għajnuna taʼ l-​għaġeb sa ma tqawwa sewwa.” Imma mbagħad “qalbu tkabbret . . . u dineb kontra l-​Mulej, Alla tiegħu.” Minħabba l-​kburija tiegħu, Għużżija ntlaqat bil-​ġdiem.—2 Kronaki 26:15-21; Proverbji 16:18.

Dawn iż-​żewġ rakkonti jgħallmuna li l-​kwalitajiet tajbin tagħna, meta ma jkunux f’bilanċ maʼ l-​għerf, il-​modestja, u l-​umiltà, faċilment jistgħu jsiru dgħjufijiet, jew taʼ żvantaġġ għalina. Dan iġagħalna nirriflettu, għaliex b’xi mod jew ieħor, kulħadd għandu l-​kwalitajiet tajbin, jew talenti, tiegħu, u aħna rridu li dawn ikunu taʼ vantaġġ u sors taʼ ferħ għalina u għal oħrajn, speċjalment għall-​Ħallieq tagħna. Tabilħaqq, għandna nagħmlu użu sħiħ minn kwalunkwe don li tana Alla, imma fl-​istess ħin għandna noqogħdu attenti li nużawh b’tali mod li dan jibqaʼ jkun siewi u taʼ vantaġġ.

Per eżempju, xi ħadd li jħobb ix-​xogħol tiegħu faċilment jistaʼ jibdel dan id-​don fi dgħjufija billi tant isir iffissat fuq ix-​xogħol li ma jiqafx jaħdem. Persuna prudenti ma tidħaqx jew tqarraq biha malajr, imma għandha mnejn tant iddum ittellaʼ u tniżżel hi u tqis l-​affarijiet li qatt ma tasal biex tieħu deċiżjoni. L-​effiċjenza wkoll hija kwalità sabiħa, imma jekk wieħed imur fl-​estrem u jinjora l-​element uman, ir-​riżultat għandu mnejn ikun atmosfera indifferenti u riġida li ġġib nuqqas taʼ ferħ. Għalhekk, ħu ftit ħin biex tirrifletti fuq il-​kwalitajiet tajbin tiegħek. Tagħmel użu tajjeb minnhom? Huma dawn taʼ barka għal oħrajn? Fuq kollox, tużahom biex tagħti unur lil Jehovah, is-​Sors taʼ “kull għotja tajba”? (Ġakbu 1:17, Saydon) Biex jgħinna nagħmlu dan, ejja nagħtu ħarsa iktar mill-​qrib lejn xi ftit iktar eżempji taʼ kwalitajiet tajbin oħrajn li jistgħu jiżviluppaw fi dgħjufijiet, saħansitra jsiru taʼ żvantaġġ għalina, jekk ma nikkontrollawhomx tajjeb.

Uża l-​Kapaċitajiet Mentali bil-​Għaqal

Żgur li hu taʼ vantaġġ għal xi ħadd jekk ikollu moħħu tajjeb. Xorta waħda, dan jistaʼ jsir dgħjufija jekk iwassalna biex inkunu kunfidenti żżejjed jew iġagħalna nintefħu bina nfusna, speċjalment jekk oħrajn ifaħħruna żżejjed jew jgħidulna ħafna kliem melliesi. Jew forsi nistgħu niżviluppaw ħarsa intellettwali lejn il-​Kelma t’Alla u pubblikazzjonijiet taʼ l-​istudju bbażati fuq il-​Bibbja.

Il-kunfidenza żejda tistaʼ titfaċċa f’diversi modi. Per eżempju, meta xi ħadd li jkollu moħħu tajjeb jingħata xi taħdita fil-​kongregazzjoni Kristjana, forsi xi taħdita pubblika jew taħdita fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku, għandu mnejn iħalli sa l-​aħħar minuta biex jippreparaha, u forsi lanqas biss jitlob għall-​barka taʼ Jehovah. Minflok, hu jserraħ fuq kemm jaf u fuq il-​kapaċità li għandu biex jaħseb spontanjament. Il-​kapaċità naturali għandha mnejn tgħatti t-​traskuraġni tiegħu għal xi żmien, imma mingħajr il-​barka sħiħa taʼ Jehovah, il-​progress spiritwali tiegħu jibda jmajna, forsi anki jieqaf. X’ħela taʼ don mill-​aħjar!—Proverbji 3:5, 6; Ġakbu 3:1.

Xi ħadd li għandu moħħu jagħtih jistaʼ wkoll jibda jkollu ħarsa intellettwali dwar il-​Bibbja u pubblikazzjonijiet li huma t’għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja. Madankollu, għarfien bħal dan iservi biss biex “jonfoħna,” jew biex iġagħalna nrabbu l-​arja, u ma ‘jibnix’ relazzjonijiet Kristjani mżejnin bl-​imħabba. (1 Korintin 8:1; Galatin 5:26) Mill-​banda l-​oħra, bniedem spiritwali, huma x’inhuma l-​kapaċitajiet mentali tiegħu, dejjem jitlob għall-​ispirtu t’Alla u jafda fih. It-​tajjeb tiegħu jsir dejjem iktar taʼ vantaġġ għalih hekk kif joktor fl-​imħabba, fl-​umiltà, fl-​għarfien, u fl-​għerf—u dawn kollha jużahom f’bilanċ.—Kolossin 1:9, 10.

Il-kapaċità tistaʼ ssir dgħjufija wkoll jekk permezz tagħha nintefħu bina nfusna, u b’hekk nuru li aħna neqsin mill-​modestja. Individwu li għandu talent—u kulmin ifaħħru b’mod eċċessiv—għandu mnejn jinsa li Jehovah “ma jħarisx lejn min jidhirlu li hu għaref,” ikollu kemm ikollu talenti sbieħ. (Ġob 37:24, KŻ) “L-​għerf qiegħed mal-​modesti,” tgħid il-​Kelma t’Alla. (Proverbji 11:​2, NW) L-​appostlu Pawlu, għalkemm kien intelliġenti ħafna u kellu edukazzjoni tajba, qal lill-​Korintin: “Meta jiena wasalt għandkom, ħuti, ma ġejtx inħabbrilkom . . . bi kliem kbir jew għaref . . . Ġejt għandkom dgħajjef, mbażża’ u mriegħed; il-​kelma u l-​predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-​kliem qawwi taʼ l-​għerf, imma bil-​wiri taʼ l-​Ispirtu u l-​qawwa, sabiex il-​fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-​għerf tal-​bniedem, imma fuq il-​qawwa taʼ Alla.”—1 Korintin 2:1-5.

Xi ħadd li hu għaref tassew ma jiġix imqarraq mill-​ħarsa tad-​dinja dwar l-​intellett, u lanqas mid-​definizzjoni tagħha tas-​suċċess. Għalhekk, minflok ma juża t-​talenti tiegħu biex jaqlaʼ l-​prosit mingħand oħrajn, jew biex jakkumula ġid materjali, hu jagħti l-​aħjar tiegħu lil dak il-​Wieħed li tah il-​ħajja u l-​kapaċitajiet tiegħu. (1 Ġwann 2:15-17) B’hekk hu jżomm l-​interessi tas-​Saltna fl-​ewwel post f’ħajtu, u jsir bħal “siġra mħawwla ħdejn nixxigħat taʼ l-​ilma,” li tagħmel ħafna frott. Huwa grazzi għall-​barka taʼ Jehovah, mhux għat-​talenti naturali tiegħu, li hu “jirnexxi f’kull ma jagħmel.”—Salm 1:1-3; Mattew 6:33.

Ħalli l-​Kristjanità Żżid mat-​Tajjeb Tiegħek

Il-​Kristjanità minnha nfisha tant hi abbundanti fil-​kwalitajiet tajbin li l-​filosofiji tad-​dinja jiġu fix-​xejn meta mqabblin magħha. Per eżempju, il-​mod taʼ ħajja Kristjan jipproduċi l-​aqwa rġiel u nisa miżżewġin, l-​aqwa ġirien, u l-​aqwa impjegati—nies onesti, li jġibu rispett lil oħrajn, paċifiċi, u diliġenti. (Kolossin 3:18-23) Iktar minn hekk, it-​taħriġ Kristjan dwar il-​mod kif jitkellmu u jgħallmu jibni abbiltajiet tajbin taʼ komunikazzjoni. (1 Timotju 4:13-15) Għalhekk, m’hijiex sorpriża li taʼ spiss dawk li jimpjegaw lill-​Kristjani jfittxu lilhom biex jagħtuhom iktar responsabbiltajiet jew xi promozzjoni. Imma dawn il-​kwalitajiet tajbin jistgħu wkoll jiġu wżati ħażin jekk wieħed ma joqgħodx attent. Promozzjoni jew offerta taʼ xogħol li tħajrek għandha mnejn tfisser li dak li jkun ikollu jiddedika ruħu kważi kompletament għall-​kumpanija, u jibda jitlef il-​laqgħat regolarment, jew jissagrifika ħin prezzjuż mal-​familja.

Fl-Awstralja, anzjan Kristjan u raġel tal-​familja li kien ukoll negozjant li rnexxa ħafna, kellu f’idejh opportunità tad-​deheb biex jistagħna. Madankollu, hu warrab it-​tentazzjoni biex ikollu suċċess f’din is-​sistema. “Ridt inqattaʼ iktar ħin mal-​familja tiegħi u fil-​ministeru Kristjan,” qal hu. “Għalhekk, jien u marti qbilna li bil-​mod il-​mod innaqqas mill-​ammont taʼ ħin li kont inqattaʼ fuq ix-​xogħol. Għala għandi naħdem ħamest ijiem fil-​ġimgħa jekk m’għandix bżonn nagħmel hekk?” żied hu. Billi ħasibha sewwa dwar dan u mbagħad għamel ftit aġġustamenti f’ħajtu, dan l-​anzjan sab li xorta setaʼ jieħu ħsieb il-​familja tiegħu sewwa jekk jaħdem tlett ijiem jew erbgħa fil-​ġimgħa. Maż-​żmien, hu ġie mistieden biex ikollu sehem fi privileġġi oħrajn taʼ servizz, bħal li jaqdi fil-​Kumitat lokali tas-​Sala taʼ l-​Assemblea u fl-​amministrazzjoni tal-​konvenzjonijiet distrettwali. Minħabba li wżahom bil-​għaqal, il-​kwalitajiet tiegħu ġabu ferħ u sodisfazzjon kemm lilu kif ukoll lill-​familja tiegħu.

Attitudni Bilanċjata lejn il-​Privileġġi

L-​irġiel Kristjani huma inkuraġġiti biex jirsistu għal privileġġi taʼ servizz fil-​kongregazzjoni. “Jekk xi raġel qiegħed jirsisti għal kariga taʼ indokratur [jew qaddej ministerjali], hu jixtieq xogħol mill-​aħjar.” (1 Timotju 3:1, NW) L-​istess bħal fil-​każ tal-​kwalitajiet tajbin li diġà ssemmew, id-​dispożizzjoni li wieħed ikollu biex jaċċetta r-​responsabbiltajiet ukoll trid tkun bilanċjata mad-​dehen. Ħadd m’għandu jaċċetta tant inkarigi li jispiċċa biex jitlef il-​ferħ fis-​servizz tiegħu lil Jehovah. Iva, jekk wieħed ikun dispost li jagħmel iktar, dan għandu spirtu taʼ min ifaħħru, tabilħaqq neċessarju, għaliex Jehovah ma togħġbux attitudni għażżiena; imma dispożizzjoni bħal din trid tirrifletti wkoll il-​modestja u “moħħ f’loku.”—Titu 2:12, NW; Apokalissi 3:15, 16.

Il-ħlewwa, id-​dehen, u s-​sensittività taʼ Ġesù għenu biex saħansitra l-​iktar nies komuni jħossuhom komdi fil-​preżenza tiegħu. L-​istess illum, in-​nies iħossuhom komdi maʼ dawk li l-​kwalità tajba li tispikka tagħhom hija personalità karatterizzata mill-​empatija u l-​mogħdrija. Fil-​kongregazzjoni Kristjana, anzjani li juru mħabba u li jkunu avviċinabbli huma verament “għotjiet fi rġiel” miżmumin b’għożża kbira. Huma “lqugħ għar-​riħ, u kenn fit-​tempesta, bħal swieqi taʼ l-​ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.”—Efesin 4:8, NW; Isaija 32:2.

Imma l-​anzjani jridu jibbilanċjaw il-​ħin li jqattgħu jgħinu lil oħrajn mal-​bżonn tagħhom għall-​istudju persunali, il-​meditazzjoni, it-​talb, u l-​ministeru pubbliku. Naturalment, anzjani miżżewġin iridu wkoll iħallu ħin għall-​familji tagħhom, u jkunu avviċinabbli b’mod speċjali għalihom.

Nisa Kapaċi—Barka Meraviljuża

L-​istess bħal anzjani kapaċi, nisa inklinati spiritwalment ukoll huma taʼ siwi kbir għall-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Ġeneralment, in-​nisa huma mżejnin bin-​natural li jieħdu interess f’ħaddieħor—kwalità li Jehovah jgħożżha u jinkuraġġiha. Żommu “għajn, mhux fuq l-​interessi persunali taʼ l-​affarijiet tagħkom biss, imma wkoll fuq l-​interessi persunali taʼ dawk taʼ l-​oħrajn,” kiteb l-​appostlu Pawlu. (Filippin 2:4, NW) Madankollu, dan l-​“interess persunali” għandu l-​limiti tiegħu, għaliex ebda Kristjan ma jixtieq ikun xi ħadd li “jindaħal fejn ma jesgħux,” u lanqas m’għandu jkun wieħed li jqasqas fuq ħaddieħor.—1 Pietru 4:15; 1 Timotju 5:13.

In-nisa huma mżejnin b’ħafna iktar doni. Per eżempju, mara Kristjana miżżewġa għandha mnejn tkun moħħha tajjeb iktar minn żewġha. Minkejja dan, bħala “mara taʼ ħila” li għandha l-​biżaʼ taʼ Jehovah, hi tirrispetta lil żewġha u tuża t-​talenti tagħha biex tikkomplementah, mhux biex tikkompeti miegħu. U minflok ma jgħir għaliha jew jinkedd minħabba l-​kwalitajiet tajbin tagħha, raġel għaqli u umli jgħożż il-​kwalitajiet tajbin taʼ martu u jithenna bihom. Hu jinkuraġġiha biex tuża t-​talenti tagħha bis-​sħiħ biex tibni lil darha u biex tgħin lil uliedha ‘jibżgħu mill-​Mulej,’ bħalma tagħmel hi stess. (Proverbji 31:10, 28-30; Ġenesi 2:18) Irġiel u nisa miżżewġin modesti u umli bħal dawn ikollhom suċċess fi żwiġijiet li verament jonoraw lil Jehovah.

Nikkontrollaw Karattru Sod

Karattru sod mibni fuq il-​pedament tat-​tjieba u fuq li wieħed jaqdi lil Jehovah b’ruħu kollha jistaʼ jkun verament taʼ siwi meta jiġi moderat bil-​modestja u bl-​umiltà. Madankollu, dan it-​tip taʼ karattru jistaʼ jkun dgħjufija jekk iwassal lil dak li jkun biex jiddomina jew jintimida lil oħrajn. Dan huwa veru b’mod speċjali ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana. Il-​Kristjani għandhom iħossuhom rilassati fil-​kumpanija taʼ xulxin, inkluż fil-​kumpanija taʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni.—Mattew 20:25-27.

L-anzjani, min-​naħa tagħhom, għandhom iħossuhom komdi fil-​kumpanija taʼ xulxin. U meta jiltaqgħu flimkien, id-​deċiżjonijiet tagħhom għandhom jiġu influwenzati mill-​ispirtu qaddis u mhux mis-​sodizza tal-​karattru taʼ xi ħadd minnhom. Tabilħaqq, l-​ispirtu qaddis jistaʼ jinfluwenza lil kwalunkwe anzjan minn fost il-​ġemgħa, inkluż l-​iżgħar wieħed jew l-​iktar wieħed kwiet. Għalhekk, dawk li għandhom karattru iktar sod, anki meta jħossu li għandhom raġun huma, għandhom jikkontrollaw il-​kwalità tajba tagħhom billi jitgħallmu jċedu għal dak li jgħidu oħrajn, u b’hekk ‘jistmaw [‘juru unur,’ NW]’ lil anzjani sħabhom. (Rumani 12:10) Koħèlet 7:16 iwissi bil-​ħlewwa: “La għandek tkun ġust iżżejjed u lanqas għaref bil-​bosta. Għalfejn toqgħod tinfena?”

Jehovah, is-​Sors taʼ “kull għotja tajba,” jikkontrolla l-​kwalitajiet tajbin u straordinarji tiegħu b’perfezzjoni assoluta. (Ġakbu 1:17, Saydon; Dewteronomju 32:4) U hu l-​Għalliem tagħna! Għalhekk, ejja nitgħallmu minnu u naħdmu iebes, kemm f’li niżviluppaw id-​doni naturali, jew it-​tajjeb, tagħna u kemm f’li nikkontrollawhom bl-​għerf, bil-​modestja, u bl-​imħabba. Billi nagħmlu dan, x’barka se nkunu għal oħrajn!

[Stampi f’paġna 27]

L-​avvanz spiritwali jiddependi fuq li nagħmlu studju bit-​talb u li nistrieħu fuq Jehovah

[Stampa f’paġna 29]

Interess persunali flimkien mal-​modestja huwa barka

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 26]

Bil-​korteżija taʼ The Mariners’ Museum, Newport News, VA

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja