Il-Muntanja Athos—“Għolja Mqaddsa”?
GĦALL-IKTAR minn 220 miljun membru tal-Knisja Ortodossa, il-Muntanja Athos—biċċa art kollha blat ippontat ħierġa għal ġol-baħar lejn it-tramuntana tal-Greċja—hija “l-iktar muntanja qaddisa fid-dinja Kristjana Ortodossa.” Għal ħafna minnhom, il-ħolma taʼ ħajjithom hi li jagħmlu pellegrinaġġ sa l-“għolja mqaddsa” taʼ Athos. X’inhi din l-“għolja mqaddsa”? Kif saret daqshekk importanti? U hija din il-“muntanja” li lejha nies li jibżgħu minn Alla għandhom iħarsu għall-gwida spiritwali u l-qima vera?
L-espressjoni “għolja mqaddsa” fil-fatt teżisti fil-Bibbja. Din l-espressjoni hija assoċjata mal-qima pura, qaddisa, u elevata tal-veru Alla, Jehovah. Il-muntanja Sijon f’Ġerusalemm tal-qedem saret “għolja mqaddsa” meta s-Sultan David ħa l-arka tal-patt hemmhekk. (Salm 15:1; 43:3; 2 Samwel 6:12, 17) Wara li nbena t-tempju taʼ Salamun fuq il-Muntanja Morija, “Sijon” bdiet tinkludi l-post fejn kien hemm it-tempju, u b’hekk Sijon baqgħet l-“għolja mqaddsa” t’Alla. (Salm 2:6; Ġoel 4:17 [Ġoel 3:17, NW]) Ladarba t-tempju t’Alla kien jinsab f’Ġerusalemm, xi drabi anki din il-belt kienet tissejjaħ l-“għolja mqaddsa” jew il-“muntanja qaddisa” t’Alla.—Isaija 66:20; Danjel 9:16, 20.
Xi ngħidu għal-lum? Hija l-Muntanja Athos—jew kwalunkwe muntanja oħra—l-“għolja mqaddsa” li lejha n-nies għandhom jersqu bi ħġarhom biex iqimu ’l Alla b’mod li hu aċċettabbli għalih?
“Għolja Mqaddsa” Monastika
Il-Muntanja Athos tinsab fit-tarf tal-lvant tal-Peniżola Kalċidika, fil-ponta taʼ biċċa art dejqa li toħroġ ’il barra għal ġol-Baħar Eġew, preċiż fil-lvant taʼ Tessaloniki tal-lum. Hija muntanja impressjonanti taʼ l-irħam, li togħla bħal irdum minn ġol-baħar, u tilħaq quċċata taʼ 2,032 metru.
Il-Muntanja Athos ilha żmien twil meqjusa bħala post qaddis. Fil-mitoloġija Griega din kienet id-dar taʼ l-allat qabel ma l-Muntanja Olimpu saret id-dar tagħhom. Xi żmien wara Kostantinu l-Kbir (li għex fir-rabaʼ seklu E.K.), il-Muntanja Athos saret post qaddis għall-knejjes Kristjani. Hemm leġġenda li tgħid li l-“verġni” Marija, akkumpanjata minn Ġwanni l-Evanġelista huma u sejrin Ċipru biex iżuru lil Lazzru, niżlet l-art hemmhekk minħabba li faqqgħet maltempata vjolenti għal għarrieda. Hi baqgħet impressjonata bis-sbuħija tal-muntanja, u għalhekk talbitha lil Ġesù. B’hekk, il-Muntanja Athos saret magħrufa wkoll bħala “l-Ġnien tal-Verġni Mqaddsa.” Sa nofs il-perijodu Biżantin, dik ir-roqgħa blat kollha kemm hi saret magħrufa bħala l-Għolja Mqaddsa. Dan l-isem ġie adottat uffiċjalment u konfermat f’nofs is-seklu 11 bid-digriet taʼ l-Imperatur Kostantinu IX Monomakus.
Peress li l-Muntanja Athos hija diffiċli biex titlagħha u hi iżolata, dan il-post hu ferm ideali għall-prattika tal-ħajja axxetika. Matul is-sekli, ġibed lejh irġiel reliġjużi minn kull naħa tad-dinja Ortodossa—Griegi, Serbi, Rumeni, Bulgari, Russi, u oħrajn—li bnew għadd mhux ħażin taʼ monasterji, bil-knejjes u l-komunitajiet tagħhom. Minn dawn għadhom jeżistu xi 20.
Il-Muntanja Athos Illum
Illum, ir-reġjun fejn hemm il-Muntanja Athos huwa wieħed awtonomu, b’digriet li ġie ratifikat fl-1926. Wara li l-għadd tal-patrijiet residenti kien ilu jonqos għal snin sħaħ, issa żdied għal iktar minn 2,000.
Kull monasteru għandu l-irziezet, il-kappelli, u r-residenzi tiegħu. L-iktar santwarju taʼ l-eremiti maqtugħ għalih waħdu jinsab f’Karoúlia, fuq l-irdumijiet weqfin u għoljin immens f’tarf il-Muntanja Athos. Hawnhekk, grupp taʼ djar individwali jistaʼ jintlaħaq biss permezz taʼ geġwiġija taʼ passaġġi, turġien tal-ġebel, u ktajjen. Fuq il-Muntanja Athos, il-patrijiet għadhom jgħixu skond ir-rutina liturġika antika tagħhom taʼ kuljum, u għadhom jużaw l-arloġġ Biżantin (bil-ġurnata tibda fi nżul ix-xemx) u l-kalendarju Ġuljan (li qiegħed 13-il ġurnata lura minn dak Gregorjan).
Għalkemm dan il-post reliġjuż jingħad li kiseb il-“qdusija” tiegħu minħabba mara, il-patrijiet u l-eremiti li jgħixu hemm ilhom 1,000 sena jiddikjaraw il-peniżola kollha kemm hi projbita għal kull forma taʼ ħajja femminili—bnedmin jew annimali—kif ukoll għall-ewnuki u għal min m’għandux daqna. Reċentement, ir-regola dwar l-irġiel mingħajr daqna u xi annimali femminili tnaqqset xi ftit, imma n-nisa għadhom projbiti strettament milli jersqu sa 500 metru mix-xatt tal-Muntanja Athos.
“Għolja Mqaddsa” għal Kulħadd
Hija Athos dik l-“għolja mqaddsa” li lejha għandhom imorru Kristjani li jibżgħu minn Alla biex iqimuh? Waqt li kien qed jitkellem maʼ mara Samaritana li kienet temmen li Alla għandu jkun meqjum fuq il-Muntanja Geriżim, Ġesù għamilha ċara li ma kien se jibqaʼ jkun hemm ebda muntanja letterali fejn wieħed iqim lil Alla. “Jiġi żmien meta mhux fuq . . . il-muntanja [Geriżim] taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm,” qal Ġesù. Għala? “Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u l-verità.” (Korsiv tagħna.)—Ġwann 4:21, 24.
Billi kien qed jirreferi għal żmienna, il-profeta Isaija bassar li “muntanja taʼ dar il-Mulej” simbolika kellha “tkun imwaqqfa f’ras il-muntanji” u “tintrafaʼ ’l fuq mill-għoljiet,” u nies mill-ġnus kollha kellhom jiġru lejha b’mod figurattiv.—Isaija 2:2, 3, KŻ.
Irġiel u nisa li jridu li jkollhom relazzjoni approvata m’Alla huma mistidnin iqimu lil Jehovah bl-“ispirtu u l-verità.” Miljuni taʼ nies madwar id-dinja sabu t-triq lejn il-‘muntanja tal-Mulej.’ Dawn, fost oħrajn, iħossuhom bħalma ħassu wieħed avukat Grieg, li qal rigward il-Muntanja Athos: “Niddubita kemm l-ispiritwalità qegħda bejn xi erbaʼ ħitan partikulari jew ġewwa l-monasterji.”—Qabbel Atti 17:24.
[Kaxxa f’paġna 31]
Teżor li Ilu Moħbi Żmien Twil
Matul is-sekli, il-patrijiet li jgħixu fuq il-Muntanja Athos akkumulaw teżor li huwa kalkulat li jinkludi 15,000 manuskritt. Xi wħud minnhom jingħad li jmorru lura sar-rabaʼ seklu, u b’hekk jagħmlu lil din il-kollezzjoni waħda mill-iktar prezzjużi fid-dinja. Hemm rombli, volumi kompleti u folji mill-Evanġelji, salmi u innijiet, barra minn pitturi antiki, xbihat, skulturi, u oġġetti tal-ħadid. Huwa stmat li l-Muntanja Athos għandha kwart mill-manuskritti Griegi kollha tad-dinja, għalkemm ħafna minnhom għad iridu jiġu dokumentati sew. Fl-1997, għall-ewwel darba, il-patrijiet ippermettew li xi ftit mit-teżori tagħhom jiġu esibiti f’Tessaloniki.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 31]
Telis/Organizzazzjoni Nazzjonali tat-Turiżmu tal-Greċja